Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Il-flus

Il-flus

Huma l-flus l-għerq taʼ kull ħażen?

“L-imħabba għall-flus hi l-għerq taʼ kull tip taʼ ħsara.”—1 Timotju 6:10.

DAK LI JGĦIDU XI NIES

Il-flus huma l-għerq taʼ kull ħażen.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

L-imħabba għall-flus”—mhux il-flus infushom—tikkaġuna “kull tip taʼ ħsara.” Fil-Bibbja, is-sultan għani Salamun identifika tliet affarijiet li huma taʼ ħsara u li spiss jiġru lin-nies li jħobbu l-flus. L-inkwiet: “L-abbundanza taʼ l-għani mhix qed tħallih jorqod.” (Ekkleżjasti 5:12) Skuntentizza: “Min iħobb il-fidda ma jixbax bil-fidda, u lanqas min iħobb l-għana ma jixbaʼ bid-dħul.” (Ekkleżjasti 5:10) It-tentazzjoni biex tikser il-liġi: “Dak li qed iħaffef biex jikseb ir-rikkezzi mhux se jibqaʼ innoċenti.”—Proverbji 28:20.

 Il-flus għal xiex iservu?

“Il-flus huma protezzjoni.” —Ekkleżjasti 7:12.

DAK LI JGĦIDU XI NIES

Il-flus jagħtuk is-sigurtà u l-ferħ.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-ħrafa li bil-flus tistaʼ tixtri l-ferħ u s-sigurtà hi parti mill-“qawwa qarrieqa tar-rikkezzi.” (Marku 4:19) Xorta waħda, “il-flus għandhom risposta għal kollox.” (Ekkleżjasti 10:19) Pereżempju, bil-flus tistaʼ tixtri l-affarijiet li għandek bżonn biex tgħix—bħall-ikel u l-mediċina.—2 Tessalonikin 3:12.

Il-flus jgħinuk ukoll tieħu ħsieb il-familja tiegħek. Infatti, il-Bibbja tistqarr: “Jekk xi ħadd ma jipprovdix għal tiegħu, u speċjalment għall-membri taʼ daru, ikun ċaħad il-fidi u jkun agħar minn bniedem mingħajr fidi.”—1 Timotju 5:8.

Kif tistaʼ tuża flusek bil-għaqal?

‘Oqgħod l-ewwel bil-qiegħda u kkalkula l-ispejjeż.’ —Luqa 14:28.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Uża l-flus b’tali mod li jkollok l-approvazzjoni t’Alla. (Luqa 16:9) Ikun għaqli li tuża l-flus b’responsabbiltà u b’onestà. (Ebrej 13:18) Biex tevita l-piż li tgħix bid-dejn, ‘ħa jkun il-mod kif tgħix ħieles mill-imħabba għall-flus.’—Ebrej 13:5.

Għalkemm il-Bibbja ma tikkundannax id-dejn, hi twissi: “Min jissellef hu l-qaddej taʼ min isellfu.” (Proverbji 22:7) Evita li tixtri bla ħsieb, għax “kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-bżonn.” (Proverbji 21:5) Minflok, ‘warrab xi ħaġa skond ma tistaʼ’ u faddal għal dak li hu importanti għalik.—1 Korintin 16:2.

Il-Bibbja tħeġġiġna biex ‘nidraw nagħtu.’ (Luqa 6:38) Min irid jogħġob lil Alla għandu raġuni tajba biex ikun ġeneruż, għax “Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.” (2 Korintin 9:7) Għalhekk, “tinsewx tagħmlu l-ġid u taqsmu m’oħrajn, għax sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.”—Ebrej 13:16.