Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 SUĠĠETT PRINĊIPALI

L-istorja mistura tal-ħolqien

L-istorja mistura tal-ħolqien

BILJUNI taʼ nies qraw jew semgħu x’tgħid il-Bibbja dwar il-bidu tal-univers. Ir-rakkont li għandu 3,500 sena jibda bl-istqarrija magħrufa sew: “Fil-bidu Alla ħalaq is-smewwiet u l-art.”

Però, ħafna nies m’humiex konxji tal-fatt li l-mexxejja tal-Kristjaneżmu, inkluż il-fundamentalisti u dawk li jgħidu li Alla ħalaq l-art f’sitt ijiem letterali, dawru r-rakkont Bibliku dwar il-ħolqien f’għadd taʼ ħrejjef li jiżvijaw minn dak li verament tgħid il-Bibbja. Dawn l-interpretazzjonijiet imorru kontra fatti xjentifiċi. Għalkemm dawn il-ħrejjef ma jinstabux fil-Bibbja, huma ġiegħlu lil xi nies jgħidu li r-rakkont tal-Bibbja hu storja fittizja.

L-istorja vera tal-Bibbja dwar il-ħolqien fil-biċċa l-kbira ħadd ma jagħti kasha. Hija ħasra, għax il-Bibbja fil-fatt tippreżenta spjegazzjoni loġika u li titwemmen tal-bidu tal-univers. Iktar minn hekk, din l-ispjegazzjoni taqbel maʼ skoperti xjentifiċi. Iva, għandu mnejn tibqaʼ sorpriż bl-istorja mistura tal-ħolqien!

IL-ĦALLIEQ MHUX MAĦLUQ

Ir-rakkont tal-Bibbja dwar il-ħolqien hu bbażat fuq il-fatt li hemm Esseri Suprem, Alla li Jistaʼ Kollox, li ħalaq l-affarijiet kollha. Min hu, u x’inhi n-natura tiegħu? Il-Bibbja tirrivela li hu differenti mhux ħażin mill-allat misjubin f’kultura popolari u reliġjonijiet stabbiliti. Hu l-Ħallieq tal-affarijiet kollha, imma l-maġġoranza jafu veru ftit dwaru.

  • Alla huwa persuna, individwu. Mhuwiex forza vaga bla personalità, tittajjar bla skop fl-univers. Għandu ħsibijiet, sentimenti, u skopijiet.

  • Alla għandu qawwa u għerf infiniti. Dan jispjega d-disinn kompless misjub kullimkien fil-ħolqien, speċjalment f’affarijiet ħajjin.

  • Alla ħalaq l-affarijiet fiżiċi kollha. Għalhekk, ma jistax ikun li hu magħmul minn elementi fiżiċi li hu stess ħalaq. Għall-kuntrarju, għandu natura spiritwali, mhux fiżika.

  • L-eżistenza t’Alla mhix limitata miż-żmien. Hu dejjem eżista u dejjem se jibqaʼ jeżisti. Għalhekk, lilu ħadd ma ħalqu.

  • Alla għandu isem personali, li hu użat eluf taʼ drabi fil-Bibbja. Dan l-isem hu Ġeħova.

  • Alla Ġeħova jħobb u jieħu ħsieb il-bnedmin.

 KEMM ĦA ŻMIEN ALLA BIEX JOĦLOQ L-UNIVERS?

Il-Bibbja tgħid li Alla ħalaq “is-smewwiet u l-art.” Però, din l-istqarrija ġenerali ma tagħmel ebda referenza għat-tul taʼ żmien involut biex jinħalaq l-univers jew għall-metodi użati biex jissawwar. Xi ngħidu dwar it-twemmin popolari taʼ dawk li jemmnu li l-univers inħalaq f’sitt ijiem letterali taʼ 24 siegħa l-wieħed? Din l-idea, miċħuda minn ħafna xjentisti, hi bbażata fuq fehma żbaljata għalkollox tar-rakkont Bibliku. Ikkunsidra x’tgħid verament il-Bibbja.

Il-Bibbja ma tappoġġax lill-fundamentalisti u lil dawk li jgħidu li Alla ħalaq l-art f’sitt ijiem letterali taʼ 24 siegħa

  • Il-Bibbja ma tappoġġax lill-fundamentalisti u lil dawk li jgħidu li Alla ħalaq l-art f’sitt ijiem letterali taʼ 24 siegħa.

  • Il-Bibbja spiss tuża l-kelma “jum” biex tirrappreżenta perijodi varji taʼ żmien. F’xi każijiet dawn il-perijodi huma taʼ tul mhux speċifikat. Ir-rakkont tal-ħolqien misjub fil-ktieb Bibliku tal-Ġenesi hu eżempju wieħed taʼ dan.

  • Fir-rakkont Bibliku, kull wieħed mill-jiem tal-ħolqien setaʼ dam eluf taʼ snin.

  • Alla diġà kien ħalaq l-univers, inkluż il-pjaneta bla ħajja, Art, sa meta beda l-ewwel jum taʼ ħolqien.

  • Milli jidher, is-sitt ijiem tal-ħolqien kienu perijodi twal taʼ żmien li matulhom Alla Ġeħova ħejja l-art għall-abitazzjoni umana.

  • Ir-rakkont Bibliku tal-ħolqien ma jikkontradixxix il-konklużjonijiet xjentifiċi dwar kemm għandu żmien l-univers.

UŻA ALLA L-EVOLUZZJONI?

Ħafna li ma jemmnux fil-Bibbja jħaddnu t-teorija li l-affarijiet ħajjin ġew minn kimiki bla ħajja permezz taʼ proċessi mhux magħrufin u bla ħsieb. Skont ma jgħidu huma, f’xi żmien, feġġ organiżmu bħal batterju li jirriproduċi waħdu, u bil-mod il-mod minnu fformaw l-ispeċi kollha li jeżistu llum. Dan kien jagħti x’jifhem li fl-aħħar mill-aħħar, il-bniedem kompless għall-aħħar evolva mill-batterji.

It-teorija tal-evoluzzjoni jħaddnuha wkoll ħafna li jsostnu li jaċċettaw il-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla. Huma jemmnu li Alla pproduċa l-ewwel spinta taʼ ħajja fuq l-art imma mbagħad sempliċement segwa, u forsi dderieġa, il-proċess tal-evoluzzjoni. Dan, però, mhux dak li tgħid il-Bibbja.

Ir-rakkont Bibliku tal-ħolqien ma jmurx kontra l-osservazzjoni xjentifika li jeżistu varjazzjonijiet fl-istess speċi

  • Skont il-Bibbja, Alla Ġeħova ħalaq l-ispeċi bażiċi kollha taʼ ħajja tal-pjanti u l-annimali, kif ukoll raġel u mara perfetti li kienu kapaċi jkunu konxji tagħhom infushom, kapaċi jħobbu, ikollhom l-għerf, u jkollhom sens taʼ ġustizzja.

  • L-ispeċi t’annimali u pjanti li ħalaq Alla ovvjament għaddew minn bidliet u pproduċew varjazzjonijiet fost l-ispeċi tagħhom. F’ħafna każijiet, il-forom taʼ ħajja li rriżultaw huma differenti mhux ħażin minn xulxin.

  • Ir-rakkont Bibliku tal-ħolqien ma jmurx kontra l-osservazzjoni xjentifika li jeżistu varjazzjonijiet fl-istess speċi.

 JINTGĦARAF ĦALLIEQ FIL-ĦOLQIEN

F’nofs is-seklu 19, il-bijologu Britanniku Alfred Russel Wallace qabel maʼ Charles Darwin dwar it-teorija tal-evoluzzjoni b’għażla naturali. Imma anke dan l-evoluzzjonista magħruf jintqal li ddikjara: “Għal dawk li għandhom għajnejn biex jaraw u moħħ imdorri jirrifletti, fl-iċken ċelluli, fid-demm, fid-dinja kollha, u fl-univers stellari kollu . . . , hemm intelliġenza u direzzjoni konxja; f’kelma waħda, hemm Moħħ.”

Kważi elfejn sena qabel Wallace, il-Bibbja kienet diġà qalet: “Il-kwalitajiet inviżibbli [t’Alla], jiġifieri, il-qawwa eterna u d-Divinità tiegħu, kienu jidhru ċar mill-ħolqien tad-dinja ’l quddiem, għax jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.” (Rumani 1:20) Minn żmien għal żmien, forsi tagħmel tajjeb tieħu ftit ħin biex tirrifletti fuq il-komplessità meraviljuża li tinsab fin-natura—minn sempliċi ħaxixa sa numru bla għadd taʼ kwiekeb. Meta teżamina l-ħolqien, tistaʼ tagħraf li hemm Ħallieq.

‘Imma jekk hemm Alla taʼ mħabba li ħalaq l-affarijiet kollha,’ għandek mnejn tistaqsi, ‘għala jippermetti t-tbatija? Abbanduna hu l-ħolqien tiegħu fuq l-art? X’se jġib miegħu l-futur?’ Il-Bibbja fiha stejjer misturin oħrajn—veritajiet li ġew mirdumin taħt ideat umani u tagħlim reliġjuż, u għalhekk moħbijin mill-biċċa l-kbira tan-nies. Il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista, ix-Xhieda taʼ Ġeħova, jieħdu pjaċir jgħinuk teżamina l-verità Biblika pura u titgħallem iktar dwar il-Ħallieq u l-futur tal-ħolqien uman tiegħu.