IL-ĦARSA TAL-BIBBJA
Il-meditazzjoni
X’inhi l-meditazzjoni?
“Se nimmedita fuq l-attività tiegħek kollha, u nikkunsidra għemilek.”—Salm 77:12.
DAK LI JGĦIDU N-NIES
Il-meditazzjoni tieħu ħafna forom li ħafna minnhom għandhom għeruq f’reliġjonijiet antiki tal-Lvant. “Il-moħħ irid ikun vojt biex taħseb ċar,” qal kittieb dwar is-suġġett. Kliemu jirrifletti l-opinjoni li jekk tiżvojta l-moħħ waqt li tiffoka u taħseb fuq ċertu kliem jew stampi, dan jippromwovi paċi ġewwinija, fehma ċara, u tidwil spiritwali.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
Il-Bibbja tpoġġi valur għoli fuq il-meditazzjoni. (1 Timotju 4:15) Però, it-tip taʼ meditazzjoni li tħeġġeġ ma jinvolvix li tbattal moħħok jew li tirripeti ċerta kelma jew frażi, li kultant tissejjaħ mantra. Il-meditazzjoni Biblika pjuttost tinvolvi ħsib bi skop fuq suġġetti bnien, bħalma huma l-kwalitajiet, il-livelli, u l-ħolqien t’Alla. “Immeditajt fuq l-attività kollha tiegħek; minn qalbi bqajt nikkunsidra xogħol idejk,” talab raġel leali t’Alla. (Salm 143:5) Qal ukoll: “Niftakar fik fuq soddti, matul l-għases tal-lejl nimmedita fuqek.”—Salm 63:6.
Kif tistaʼ tkun taʼ ġid għalik il-meditazzjoni?
“Qalb il-ġust timmedita sabiex twieġeb.”—Proverbji 15:28.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
Meditazzjoni bnina ttejbilna l-personalità, tgħinna nikkontrollaw l-emozzjonijiet tagħna, u ttina s-saħħa morali—li flimkien iżidu d-dehen u l-fehma lill-kliem u l-imġiba tagħna. (Proverbji 16:23) Għalhekk, meditazzjoni bħal din tgħin ukoll biex ikollna ħajja ferħana u premjanti. Inkwantu għall-bniedem li regolarment jimmedita fuq Alla, Salm 1:3 jgħid: “Hu jsir bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma, li tagħti l-frott fl-istaġun tagħha u li l-weraq tagħha ma jidbielx, u jirnexxi f’kulma jagħmel.”
Il-meditazzjoni tgħinna ntejbu l-fehma u l-memorja wkoll. Biex inġibu eżempju, meta nistudjaw aspett tal-ħolqien jew ċertu suġġett Bibliku, nitgħallmu ħafna fatti interessanti. Imma meta nimmeditaw fuq dawk il-fatti, naraw x’rabta għandhom maʼ xulxin u maʼ dak li tgħallimna fil-passat. B’hekk, proprju kif bennej ibiddel materja prima f’xi bini sabiħ, il-meditazzjoni tgħinna “nbiddlu” l-fatti f’għamla jew struttura loġika.
Għandha tkun ikkontrollata l-meditazzjoni?
“Il-qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?”—Ġeremija 17:9.
DAK LI TGĦID IL-BIBBJA
“Minn ġewwa, mill-qalb tal-bnedmin, joħroġ irraġunar li jagħmel ħafna ħsara: żína, serq, qtil, adulterji, xenqiet b’għira, atti mill-agħar, qerq, kondotta laxka, għajn għajjura, . . . [u] nuqqas taʼ raġunevolezza.” (Marku 7:21, 22) Iva, bħan-nar, il-meditazzjoni għandha tkun ikkontrollata! Inkella, ħsibijiet ħżiena jistgħu jrawmu xewqat ħżiena li jistgħu jeskalaw u jwasslu għal għemejjel ħżiena.—Ġakbu 1:14, 15.
Għalhekk, il-Bibbja tħeġġiġna nimmeditaw fuq “kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir.” (Filippin 4:8, 9) Meta “niżirgħu” affarijiet mill-aħjar bħal dawn f’moħħna, se naħsdu kwalitajiet sbieħ, kliem grazzjuż, u relazzjonijiet pjaċevoli m’oħrajn.—Kolossin 4:6.