Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

 IL-ĦARSA TAL-BIBBJA

Ħolm mingħand Alla

Ħolm mingħand Alla

Uża Alla l-ħolm biex jikkomunika mal-bnedmin?

“[Il-profeta t’Alla] Danjel kellu ħolma . . . fuq soddtu. Dak il-ħin hu kiteb il-ħolma u rrakkonta l-istorja kollha taʼ kif ġraw l-affarijiet.”—Danjel 7:1.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Alla ta messaġġi importanti lin-nies b’modi differenti. Fi żminijiet Bibliċi, kultant uża l-ħolm. Imma dan ma kienx ħolm vag taʼ kuljum u li ma jagħmilx sens. Il-ħolm mingħand Alla kien ċar u loġiku, u kellu messaġġ definit. Pereżempju, il-profeta Danjel f’ħolma ra serje taʼ bhejjem li jissimbolizzaw imperi politiċi minn Babilonja sa żmienna. (Danjel 7:1-3, 17) Permezz taʼ ħolma, Alla qal lil Ġużeppi taʼ Nazaret, il-missier adottiv taʼ Ġesù, biex jaħrab lejn l-Eġittu maʼ martu u ibnu. Minħabba f’hekk, Ġesù ħelisha mill-mewt minn taħt idejn is-sultan kattiv Erodi. Meta miet Erodi, Alla għarraf dan lil Ġużeppi permezz taʼ ħolma, u fl-istess ħin qallu jirritorna pajjiżu maʼ familtu.—Mattew 2:13-15, 19-23.

 Juża Alla l-ħolm biex jikkomunika magħna llum?

“Tmorrux lil hinn minn dak li hemm miktub.”—1 Korintin 4:6.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Il-ħolm imniżżel fil-Bibbja hu parti mir-rivelazzjoni miktuba li Alla ta lill-bnedmin. Rigward din ir-rivelazzjoni, it-2 Timotju 3:16, 17 jgħid: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kapaċi għalkollox, armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.”

Il-Bibbja ‘tarmana bis-sħiħ’ fis-sens li tirrivelalna kulma għandna bżonn inkunu nafu dwar Alla, il-kwalitajiet tiegħu, il-livelli morali tiegħu, u fejn nidħlu aħna fl-iskop tiegħu għall-art. Għalhekk, Alla m’għadux juża l-ħolm biex iwassal il-messaġġi lill-bnedmin. Jekk irridu nitgħallmu dwar il-futur u r-rieda t’Alla għalina, m’għandniex ‘immorru lil hinn minn dak li hemm miktub’—jiġifieri miktub fil-Bibbja. Iżjed minn hekk, prattikament l-umanità kollha tistaʼ tirreferi għal dan il-ktieb u tistudja l-ħafna rivelazzjonijiet minn Alla, inkluż il-ħolm.

Għala tistaʼ tafda l-ħolm u l-viżjonijiet dokumentati fil-Bibbja?

“Xi bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.”—2 Pietru 1:21.

DAK LI TGĦID IL-BIBBJA

Ħafna mill-ħolm u l-viżjonijiet imniżżlin fil-Bibbja kienu profetiċi—jiġifieri bassru ġrajjiet futuri. Minħabba li dawn il-profeziji huma dokumentati, il-Bibbja tagħti prova li hi u l-kittieba tagħha kienu qed jgħidu s-sewwa. Urew li kienu eżatti l-kitbiet tagħhom? Ikkunsidra eżempju—il-viżjoni li nsibu f’Danjel 8:1-7, li nkitbet lejn l-aħħar tal-Imperu Babiloniż.

Bl-użu tas-simboliżmu, fil-profezija ssemmew muntun u bodbod li għeleb lill-muntun billi għaffġu taħt saqajh. Danjel ma kellux għalfejn jaqtaʼ x’kienet it-tifsira taʼ din il-viżjoni. Messaġġier anġeliku t’Alla ddikjara: “Il-muntun . . . li kellu ż-żewġt iqrun jirrappreżenta lis-slaten tal-Medja u tal-Persja. U l-bodbod sufi jirrappreżenta lis-sultan tal-Greċja.” (Danjel 8:20, 21) L-istorja tikkonferma li l-Medo-Persja għelbet lil Babilonja bħala qawwa dinjija. Imbagħad, xi mitejn sena wara, il-Medo-Persja ngħelbet minn Alessandru l-Kbir tal-Greċja. Din l-eżattezza li tgħaġġbek tikkaratterizza l-profeziji Bibliċi, inkluż il-ħolm profetiku. Dan il-fatt waħdu jifred il-Bibbja mill-kotba qaddisa l-oħrajn kollha, u jagħmilha jistħoqqilha l-fiduċja tagħna.