Għerf li jipproteġi
“Il-bniedem jifdi ħajtu b’ġidu: iżda l-fqir ma jismaʼ qatt theddid.”—PROVERBJI 13:8, Il-Bibbja Mqaddsa, Karm Żammit.
FILWAQT li l-għonja forsi jkollhom ċerti vantaġġi, il-ġid hu barka mħallta, speċjalment fiż-żminijiet perikolużi tagħna. (2 Timotju 3:1-5) F’xi pajjiżi, in-nies sinjuri, inkluż turisti li jidhru tat-tajjeb, saru mira tal-ħallelin u taʼ dawk li jaħtfu n-nies biex jitolbu rahan.
F’pajjiż wieħed li qed jiżviluppa, rapport tal-aħbarijiet stqarr: “Serq vjolenti, frodi, u ħtif taʼ nies jikkaġunaw mibegħda bejn is-sinjuri u l-foqra. Ir-restoranti għandhom għassiesa armati; id-djar tas-sinjuri għandhom ħitan bil-barbed wire, dwal qawwijin, kameras, u gwardji tas-sigurtà.” Sitwazzjoni simili teżisti f’ħafna pajjiżi oħrajn.
Madankollu, il-Bibbja tgħid, “il-fqir ma jismaʼ qatt theddid.” Kif tistaʼ tibbenefika minn għerf prezzjuż bħal dan? Jekk toqgħod f’post magħruf għall-kriminalità u l-vjolenza jew jekk ikollok tivvjaġġa lejn xi post bħal dan, tiġbidx l-attenzjoni lejk innifsek billi tagħti l-impressjoni li int sinjur. Aħseb sew dwar x’tilbes u dak li ġġorr miegħek, speċjalment jekk l-affarijiet li għandek jiġu nnotati. “Min hu prudenti jara l-gwaj,” jgħid Proverbji 22:3, “imma dawk taʼ bla esperjenza jibqgħu sejrin u jkollhom iħallsu l-piena.”
L-għerf imniżżel fil-Bibbja juri kemm il-Ħallieq tagħna jieħu ħsiebna. Hu jrid li aħna nkunu protetti. Dan “l-għerf hu protezzjoni,” jgħid Ekkleżjasti 7:12, għax “iżomm ħaj lil sidu.”