Is-Saltna t’Alla Meta Se Tmexxi għal fuq l-Art?
Uħud mis-segwaċi leali riedu jkunu jafu meta s-Saltna t’Alla kellha tibda tmexxi. Ġesù wieġeb il-mistoqsija tagħhom billi qalilhom li ma kinux se jkunu jafu bl-eżatt meta kellha tmexxi għal fuq l-art. (Atti 1:6, 7) Iżda iktar qabel, hu kien qalilhom li meta s-segwaċi tiegħu jaraw sensiela taʼ ġrajjiet iseħħu fl-istess żmien, huma kellhom ikunu ‘jafu li s-saltna t’Alla [kienet] qrib’ u li kien waslilha ż-żmien biex tmexxi d-dinja.—Luqa 21:31.
ĠESÙ X’QAL LI KELLHOM IKUNU L-ĠRAJJIET?
Ġesù qal: “Ġens iqum kontra ġens, u saltna kontra saltna; u jkun hemm terremoti kbar, u f’post wara l-ieħor ikun hemm mard li jittieħed u nuqqas taʼ ikel.” (Luqa 21:10, 11) Bħas-sinjali li jifformaw il-marki tas-swabaʼ, dawn il-ġrajjiet kollha flimkien jifformaw sinjal ċar. U bħalma l-marki tas-swabaʼ jidentifikaw persuna, dawn il-ġrajjiet li jseħħu fl-istess żmien jidentifikaw li “s-saltna t’Alla tkun qrib.” Seħħew ġrajjiet bħal dawn f’daqqa? U qed jiġru madwar id-dinja kollha? Ikkunsidra l-evidenza.
1. GWERER
Fl-1914 qamet gwerra li qatt ma kien hawn bħalha qabel! Spiss, l-istorjografi jirreferu għall-1914 bħala s-sena li ġabet bidla fl-istorja. Dan għax f’dik is-sena bdiet l-ewwel gwerra li involviet id-dinja kollha. F’din il-gwerra bdew jintużaw għall-ewwel darba fuq skala kbira t-tankijiet, il-bombi mitfugħin mill-ajruplani, il-machine guns, il-gass velenuż, u armi oħra qattiela. Warajha kien hemm it-Tieni Gwerra Dinjija, li fiha bdew jintużaw il-bombi atomiċi. Il-bniedem ilu jiġġieled fil-gwerer f’post jew ieħor mill-1914 ’l hawn, u dawn il-gwerer qatlu miljuni taʼ nies.
2. TERREMOTI
Il-Britannica Academic tgħid li kull sena jkun hemm xi 100 terremot li jkunu kbar biżżejjed biex jagħmlu “ħsara kbira.” U l-United States Geological Survey jirrapporta li “skont rekords li ilhom jinżammu (minn madwar l-1900), nistennew minn tal-inqas 16-il terremot kull sena.” Illum hemm metodi aħjar kif isiru jafu bit-terremoti, u xi wħud jemmnu li hu għalhekk li jidher li hemm iżjed terremoti issa. Iżda l-fatt hu li terremoti kbar madwar id-dinja qed jikkaġunaw li iżjed nies minn qatt qabel isofru u saħansitra jmutu.
3. NUQQAS TAʼ IKEL
In-nuqqas taʼ ikel jinsab mifrux madwar id-dinja minħabba l-gwerer, korruzzjoni, problemi serji fl-ekonomija, użu ħażin tal-agrikultura, jew nuqqas taʼ ppjanar għal temp estrem. Il-World Food Programme rrapporta fit-“2018 Year in Review”: “Madwar id-dinja, 821 miljun ruħ m’għandhomx biżżejjed x’jieklu u 124 miljun minnhom qed imutu bil-ġuħ.” Il-fatt li n-nies m’għandhomx biżżejjed x’jieklu wassal biex iżjed minn 3 miljun tifel u tifla jmutu kull sena. Fl-2011, dan kien il-kaġun taʼ xi 45 fil-mija tal-imwiet kollha tat-tfal madwar id-dinja.
4. MARD U EPIDEMIJI
Pubblikazzjoni tal-World Health Organisation tistqarr: “Is-seklu 21 diġà ġie nnotat għal epidemiji serji. Mard antik, bħall-kolera, il-pesta, u d-deni tas-suffejra, reġaʼ qiegħed fostna, u tfaċċa mard ġdid, bħas-SARS, epidemija tal-influwenza, MERS, Ebola u Zika.” L-aħħar waħda kienet il-pandemija tal-COVID-19. Għalkemm ix-xjenzjati u t-tobba tgħallmu ħafna dwar il-mard, għadhom ma sabux kura għall-mard kollu.
5. XOGĦOL TAʼ PPRITKAR MADWAR ID-DINJA
Ġesù semma parti oħra mis-sinjal meta bassar: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Waqt li d-dinja għaddejja minn problemi tal-biżaʼ, ’il fuq minn 8 miljun ruħ min-nazzjonijiet kollha qed ixandru l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla f’240 pajjiż u b’iktar minn 1,000 lingwa. Qatt qabel ma seħħet ħaġa bħal din fl-istorja tal-bniedem.
XI JFISSER GĦALINA S-SINJAL?
Il-ġrajjiet li jifformaw is-sinjal li ta Ġesù qegħdin iseħħu llum. Għala għandna nkunu interessati f’dan il-fatt? Għax Ġesù qal: “Meta taraw dawn l-affarijiet iseħħu, kunu afu li s-saltna t’Alla tkun qrib.”—Luqa 21:31.
Meta neżaminaw is-sinjal li ta Ġesù u l-kalkulazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, nifhmu li Alla waqqaf is-Saltna tiegħu fis-sema fis-sena 1914. a F’dak iż-żmien hu għamel lil Ibnu, Ġesù Kristu, Sultan. (Salm 2:2, 4, 6-9) Dalwaqt is-Saltna t’Alla se tmexxi d-dinja u se tneħħi l-gvernijiet l-oħrajn kollha. Imbagħad, se tagħmel l-art ġenna biex il-bnedmin jgħixu fiha għal dejjem.
Dalwaqt, il-kliem tat-talba li Ġesù għallimna bħala eżempju se jitwettaq: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Imma s-Saltna x’wettqet minn meta bdiet tmexxi fl-1914? U għal xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem meta s-Saltna biss tmexxi lill-bnedmin?
a Għal iktar informazzjoni dwar is-sena 1914, ara lezzjoni 32 tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! ippubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.