Kif Se Tkun id-Dinja l-Ġdida?
Alla ħalaq id-dinja biex in-nies leali jgħixu fiha għal dejjem. (Salm 37:29) Hu poġġa l-ewwel koppja fil-ġnien sabiħ tal-Għeden. Hu tahom ir-responsabbiltà biex jaħdmu l-art u jieħdu ħsiebha.—Ġenesi 1:28; 2:15.
Illum id-dinja żgur mhijiex il-Ġenna li Alla jridha tkun. Imma Alla xorta għadu jrid jagħmel l-art ġenna. Kif? Fl-artikli taʼ qabel rajna li Alla mhux se jeqred id-dinja. Minflok, hu se jħalli lin-nies leali u li jobduh jibqgħu jgħixu fiha. Meta Alla jagħmel dak li qed iwegħedna, kif se jkunu l-kundizzjonijiet fuq l-art?
Gvern wieħed għad-dinja kollha
Dalwaqt, il-gvern t’Alla li qiegħed fis-sema se jibda jmexxi hawn fuq l-art. Id-dinja se tkun post sabiħ fejn kulħadd se jgħix ferħan flimkien. In-nies kollha se jieħdu pjaċir bix-xogħol li jagħmlu. Alla għażel lil Ġesù Kristu biex imexxi fuq l-art. Illum, ħafna mexxejja ma jinteressahomx min-nies. Imma Ġesù differenti, għax hu dejjem se jagħmel dak li hu l-aħjar għalihom. Ġesù bħala Sultan se jmexxi bl-imħabba, b’qalb tajba, u se jkun raġunevoli.—Isaija 11:4.
In-nies kollha se jkunu magħqudin
In-nies mhux se jkunu mifrudin b’nazzjonalitajiet jew kulturi differenti. Huma se jkunu kollha magħqudin flimkien. (Rivelazzjoni 7:9, 10) In-nies kollha li se jkunu qed jgħixu fuq l-art se jħobbu lil Alla u lil xulxin. Huma se jagħmlu dak li jrid Alla, billi jaħdmu flimkien u fil-paċi ħalli jieħdu ħsieb id-dinja.—Salm 115:16.
Ambjent aħjar
Meta s-Saltna t’Alla tibda tmexxi, Alla se jikkontrolla t-temp b’mod perfett. (Salm 24:1, 2) Meta Ġesù kkalma maltempata kbira, hu wera x’jistaʼ jagħmel bil-qawwa t’Alla. (Marku 4:39, 41) Ħadd mhu se jkollu għalfejn jibżaʼ minn diżastri naturali meta jkun qed imexxi Ġesù. U taħt is-Saltna t’Alla, se jkollna l-paċi mal-annimali u mhux se neqirdu l-ambjent.—Ħosea 2:18.
Saħħa perfetta u ikel għal kulħadd
Kulħadd se jkollu saħħa perfetta. Ħadd mhu se jimrad, jixjieħ jew imut. (Isaija 35:5, 6) Kulħadd se jgawdi ħajja bħalma kellhom l-ewwel koppja fil-ġnien tal-Għeden. In-nies se jkollhom ambjent sabiħ u nadif, l-art se tipproduċi ikel bl-abbundanza, u kulħadd se jkollu ikel kemm irid. (Ġenesi 2:9) L-istess bħalma għamlu l-Iżraelin meta kienu l-poplu t’Alla, kulħadd se ‘jiekol il-ħobż tiegħu sa ma jixbaʼ.’—Levitiku 26:4, 5.
Paċi u sigurtà taʼ vera
Taħt il-gvern t’Alla, in-nies kollha se jgawdu l-paċi u se jittrattaw lil xulxin b’qalb tajba. Mhux se jkun hemm gwerer, ħadd mhu se jabbuża mill-awtorità tiegħu, u kulħadd se jkollu dak li għandu bżonn. Il-Bibbja twegħedna li se “joqogħdu bil-qiegħda, kull wieħed taħt id-dielja tiegħu u taħt is-siġra tat-tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.”—Mikea 4:3, 4.
Kulħadd se jkollu dar sabiħa u xogħol li jogħġbu
Kull familja se jkollha dar mingħajr ma tibżaʼ li se titlifha. U x-xogħol kollu li se nagħmlu se jġibilna sodisfazzjon. Il-Bibbja tgħidilna li dawk li se jgħixu fid-dinja l-ġdida li se jagħtina Alla, mhux se jaħdmu għalxejn.—Isaija 65:21-23.
L-aħjar edukazzjoni
Il-Bibbja twiegħed: “L-art se tkun mimlija bl-għarfien taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:9) Dawk li se jgħixu fis-Saltna t’Alla se jitgħallmu mill-iżjed persuna intelliġenti, Ġeħova. Se jitgħallmu wkoll dwar l-affarijiet kollha li ħalaq. Dak li se jitgħallmu mhux se jużawh biex jagħmlu l-armi jew iweġġgħu lil xulxin. (Isaija 2:4) Minflok se jgħixu flimkien fil-paċi u se jieħdu ħsieb l-art.—Salm 37:11.
Kulħadd se jgħix għal dejjem
Alla għamel ċert li l-art jagħmilha b’mod li aħna nieħdu pjaċir ngħixu fiha. Hu jixtieq li n-nies jgħixu fuq l-art għal dejjem. (Salm 37:29; Isaija 45:18) Biex dan ikun possibbli, Alla se “jiblaʼ l-mewt għal dejjem.” (Isaija 25:8) Il-Bibbja twiegħed: “Ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” (Rivelazzjoni 21:4) Kulħadd se jkollu l-opportunità li jgħix għal dejjem. Se jkun hemm dawk li se jsalvaw meta Alla jeqred din id-dinja ħażina u anki dawk li se jqajjem mill-mewt.—Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15.
Sir af kif tistaʼ ssalva mill-aħħar tad-dinja u tgħix fid-dinja l-ġdida li dalwaqt tasal. Aċċetta studju tal-Bibbja b’xejn minn wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, permezz tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!