Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kif Tistaʼ Tgħix fid-Dinja l-Ġdida?

Kif Tistaʼ Tgħix fid-Dinja l-Ġdida?

L-​artikli taʼ qabel urew li Alla dalwaqt se jneħħi lin-​nies ħżiena u l-​problemi kollha. Għala nistgħu nkunu ċerti li dan se jiġri? Għax il-​Bibbja twiegħed:

“Id-​dinja tgħaddi.”—1 ĠWANNI 2:17.

Aħna nistgħu nkunu ċerti li se jkun hemm min isalva, għax il-​vers ikompli:

“Min jagħmel ir-​rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”

Għalhekk, biex insalvaw irridu nobdu lil Alla. Biex insiru nafu x’jixtieqna nagħmlu Alla, l-​ewwel irridu nsiru nafuh.

SALVA BILLI SSIR TAF LIL ALLA

Ġesù qal: ‘Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jsiru jafu lilek, l-​uniku Alla veru.’ (Ġwanni 17:3) Biex insalvaw mill-​aħħar tad-​dinja u ngħixu għal dejjem, irridu nsiru nafu lil Alla. Dan ma jfissirx li biżżejjed li temmen f’Alla jew tkun taf xi affarijiet dwaru. Irridu nkunu l-​ħbieb tiegħu. Biex ikollna ħbiberija tajba maʼ xi ħadd irridu nqattgħu l-​ħin miegħu. L-​istess m’Alla. Ejja naraw xi veritajiet importanti li nitgħallmu mill-​Bibbja. Dawn se jgħinuna biex insiru u nibqgħu ħbieb m’Alla.

AQRA L-​KELMA T’ALLA KULJUM

Int tistaʼ ssalva mill-aħħar tad-dinja billi titlob lil Alla biex jgħinek u tobdih

Aħna nieklu b’mod regulari biex nibqgħu ħajjin. Imma Ġesù qal: “Il-​bniedem mhux bil-​ħobż biss jgħix, imma wkoll b’kull kelma li toħroġ minn fomm Ġeħova.”—Mattew 4:4.

Nistgħu nsibu dak li jgħid Ġeħova fil-​Bibbja. Int u taqra l-​Bibbja se titgħallem x’għamel Alla fil-​passat, x’qed jagħmel issa, u x’se jagħmel fil-​futur.

ITLOB LIL ALLA GĦALL-​GĦAJNUNA

Jekk tixtieq tobdi lil Alla imma ssibha diffiċli biex tieqaf tagħmel affarijiet ħżiena, x’tistaʼ tagħmel? Se ssibha iżjed faċli jekk issir taf lil Alla sew.

Ara l-​eżempju taʼ mara mill-​Asja li kienet tgħix ħajja immorali. Meta bdiet tistudja l-​Bibbja, hi tgħallmet li Alla kkmandana biex ‘naħarbu mill-​immoralità sesswali.’ (1 Korintin 6:18) Hi talbet lil Alla biex jgħinha u waqfet tagħmel dak li ma jogħġbux. Imma dan ma kienx faċli għaliha. Hi tgħid: “Meta jiġuni ħsibijiet ħżiena, niftaħ qalbi maʼ Ġeħova fit-​talb għax naf li hu biss jistaʼ jgħinni. It-​talb għenni biex insir iżjed ħabiba taʼ Ġeħova.” Miljuni taʼ nies bħal dil-​mara qed isiru jafu lil Alla. Hu qed itihom is-​saħħa li għandhom bżonn biex jibdlu ħajjithom ħalli jgħixu kif jixtieq hu.—Filippin 4:13.

Meta ssir taf iżjed lil Alla, hu se jsir jafek aħjar bħala l-​ħabib tiegħu. (Galatin 4:9; Salm 25:14) Imbagħad se ssalva u tidħol fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. Kif se tkun id-​dinja l-​ġdida? Ara fl-​artiklu li jmiss.

a Il-​Bibbja turina li Ġeħova hu l-​isem t’Alla.