Se Tispiċċa Din id-Dinja?
Forsi taf li l-Bibbja titkellem dwar l-aħħar tad-dinja. (1 Ġwanni 2:17) Ifisser dan li n-nies kollha fid-dinja se jinqerdu? Jew ifisser li kull tip taʼ ħajja se tispiċċa u l-pjaneta se tinqered?
IL-BIBBJA TWIEĠEB LE!
X’Mhux Se Jispiċċa?
IN-NIES
Il-Bibbja tgħid: Alla ‘ma ħalaqhiex sempliċement għalxejn, imma għamilha biex tkun abitata.’ —ISAIJA 45:18.
L-ART
Il-Bibbja tgħid: “Ġenerazzjoni sejra, u ġenerazzjoni ġejja; imma l-art tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” —EKKLEŻJASTI 1:4.
DAN XI JFISSER? Il-Bibbja turi li d-dinja qatt mhu se tinqered u n-nies dejjem se jibqgħu jgħixu fiha. Allura xi jfisser li se tispiċċa d-dinja?
AĦSEB DWAR DAN: Il-Bibbja tqabbel l-aħħar tad-dinja maʼ x’ġara fi żmien Noè. Dak iż-żmien, id-dinja kienet mimlija “bil-vjolenza.” (Ġenesi 6:13) Imma Noè kien raġel tajjeb. Allura, Alla salva lil Noè u lill-familja tiegħu, imma qered lin-nies ħżiena fid-dulluvju. Il-Bibbja tgħid hekk dwar x’ġara fi żmien Noè: “Id-dinja taʼ dak iż-żmien inqerdet meta ġiet mgħarrqa bl-ilma.” (2 Pietru 3:6) B’hekk spiċċat id-dinja taʼ dak iż-żmien. Imma xi nqered? Mhux id-dinja, imma n-nies ħżiena li kien hemm fiha. Allura, meta l-Bibbja titkellem dwar l-aħħar tad-dinja, ma tkunx qed tgħid li l-pjaneta se tinqered. Minflok, tgħid li se jispiċċaw in-nies ħżiena u l-mod taʼ ħajja li għamlu.
X’Se Jispiċċa?
IL-PROBLEMI U L-ĦAŻEN
Il-Bibbja tgħid: “Ftit ieħor biss, u l-ħażin ma jkunx iktar; u int tħares bir-reqqa fejn kien, u ma jkunx hemm. Imma l-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.”—SALM 37:10, 11.
DAN XI JFISSER? Id-dulluvju fi żmien Noè ma neħħiex il-ħażen għalkollox. Wara d-dulluvju, in-nies ħżiena reġgħu għamlu l-ħajja diffiċli għal kulħadd. Imma Alla dalwaqt se jneħħi l-ħażen kollu. Se jiġri bħalma tgħid il-Bibbja: “Il-ħażin ma jkunx iktar.” Alla se juża s-Saltna tiegħu biex ineħħi l-ħażen kollu. Is-Saltna t’Alla hi gvern fis-sema li se tmexxi fuq in-nies li jobdu lil Alla.
AĦSEB DWAR DAN: Il-gvernijiet li hawn bħalissa, se jkunu lesti li jobdu s-Saltna t’Alla? Il-Bibbja turina li le. Huma se jieħdu deċiżjoni ħażina u jmorru kontra s-Saltna t’Alla. (Salm 2:2) X’se jkun ir-riżultat? Is-Saltna t’Alla se tneħħi l-gvernijiet kollha u “hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Għala hemm bżonn li jispiċċa l-mod kif imexxu n-nies?
Il-Gvernijiet IRIDU JISPIĊĊAW
Il-Bibbja tgħid: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh. Lanqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-passi tiegħu.”—ĠEREMIJA 10:23.
DAN XI JFISSER? Alla ma ħalaqx lin-nies biex imexxu lilhom infushom. Huma ma jirnexxilhomx imexxu sew lil nies oħra u jsolvu l-problemi li jkollhom.
AĦSEB DWAR DAN: Il-Britannica Academic tgħid li l-ebda gvern mhu kapaċi “jsolvi problemi bħal faqar, ġuħ, mard, diżastri naturali, gwerer u vjolenza.” Din tkompli: “Xi nies jaħsbu li l-unika mod biex insolvu l-problemi li għandna hu bi gvern wieħed fuq id-dinja kollha.” Imma anki jekk il-gvernijiet kollha jaqblu flimkien, huma xorta nies imperfetti li ma jistgħux isolvu l-problemi kollha li semmejna. Is-Saltna t’Alla biss għandha l-qawwa biex issolvi l-problemi kollha tad-dinja għal dejjem.
Bħalma turina l-Bibbja, in-nies tajbin m’għandhomx għalfejn jibżgħu mill-aħħar tad-dinja. Dan għax l-aħħar tad-dinja jfisser it-tmiem tal-affarijiet ħżiena li hawn. Allura, aħna nħarsu bil-quddiem għal meta Alla jġib dinja isbaħ u aħjar!
Dan meta se jiġri? L-artiklu li jmiss fih it-tweġiba tal-Bibbja.