Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Meta Se Jiġi l-Aħħar tad-Dinja? Ġesù X’Qal?

Meta Se Jiġi l-Aħħar tad-Dinja? Ġesù X’Qal?

Kif rajna fl-​artiklu taʼ qabel, meta l-​Bibbja titkellem dwar l-​aħħar tad-​dinja, mhux qed tgħid li se tispiċċa d-​dinja jew in-​nies. Minflok, dan ifisser it-​tmiem tal-​affarijiet ħżiena li qed jiġru u n-​nies kollha li qed jagħmluhom. Imma tgħid il-​Bibbja meta se jispiċċaw dawn l-​affarijiet ħżiena?

ARA X’QAL ĠESÙ DWAR L-​AĦĦAR TAD-​DINJA:

“Għalhekk, ibqgħu għassa għax la tafu l-​jum u lanqas is-​siegħa.” —MATTEW 25:13.

“Ibqgħu għassu, ibqgħu mqajmin, għax ma tafux meta hu ż-​żmien stabbilit.”—MARKU 13:33.

Allura ħadd ma jaf eżatt meta dawn l-​affarijiet ħżiena se jispiċċaw. Imma Alla jaf eżatt meta. Hu għażel “il-​jum u s-​siegħa” meta se jispiċċa l-​ħażen. (Mattew 24:36) Allura, ifisser dan li ma nistgħux inkunu nafu meta ġej it-​tmiem? Lanqas xejn. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu li se jiġru xi affarijiet li juru li daqt ġej it-​tmiem.

X’SE JIĠRI?

Dawn l-​affarijiet li qal Ġesù kellhom juru li waslet “il-​konklużjoni tas-​sistema.” Ġesù qal: “Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-​ieħor.” (Mattew 24:3, 7) Hu qal ukoll li se jkun hemm “mard li jittieħed,” jiġifieri epidemiji. (Luqa 21:11) Int qed tarahom dawn l-​affarijiet jiġru?

Illum in-​nies ibatu minħabba gwerer, ġuħ, terremoti, u mard. Pereżempju fl-​2004, sar tsunami minħabba terremot kbir fl-​Oċean Indjan. Dan qatel madwar 225,000 persuna. Fi tliet snin, il-​pandemija tal-​COVID-​19 qatlet madwar 6.9 miljun persuna. Ġesù qal li dawn l-​affarijiet juru li t-​tmiem taʼ din is-​sistema ħażina dalwaqt jasal.

“L-​AĦĦAR JIEM”

Il-​Bibbja tiddeskrivi ż-​żmien taʼ qabel it-​tmiem bħala “l-​aħħar jiem.” (2 Pietru 3:3, 4) It-​2 Timotju 3:1-​5 juri li fl-​aħħar jiem in-​nies mhux se jkollhom kwalitajiet tajbin. (Ara l-​kaxxa “ Eżatt Qabel l-​Aħħar tad-​Dinja.”) Tara nies li huma egoisti, qatt mhuma kuntenti, vjolenti, u ma jurux imħabba? Dan ukoll jurina li qed ngħixu qrib ħafna tal-​aħħar tad-​dinja.

Kemm se jdumu l-​aħħar jiem? Il-​Bibbja tgħidilna li se jkun “żmien qasir.” Imbagħad Alla se jeqred “lil dawk li qed jeqirdu l-​art.”—Rivelazzjoni 11:15-​18; 12:12.

DALWAQT L-​ART TKUN ĠENNA!

Alla diġà għażel meta se jneħħi din is-​sistema ħażina. (Mattew 24:36) Imma hemm iżjed affarijiet sbieħ. Alla “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered.” (2 Pietru 3:9) Hu qed jagħtina ċ-​ċans biex insiru nafu dak li se jagħmel u nobduh. Għala? Għax hu jridna nsalvaw mill-​aħħar tad-​dinja u ngħixu fid-​dinja l-​ġdida, meta l-​art se tkun ġenna.

Alla qed jagħmel dak kollu li jistaʼ biex in-​nies kollha jsiru jafu kif jidħlu fid-​dinja l-​ġdida taħt is-​Saltna tiegħu. Ġesù qal li l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla se “tiġi pridkata fl-​art abitata kollha.” (Mattew 24:14) Mad-dinja kollha, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova qattgħu biljuni ta’ sigħat jippritkaw biex juru lin-​nies it-​tama sabiħa fil-​Bibbja. Ġesù qal li qabel jiġi t-​tmiem, dan l-​ippritkar se jsir mad-​dinja kollha.

Daqt wasal iż-​żmien fejn in-​nies mhux se jmexxu iżjed. Imma inti tistaʼ ssalva mill-​aħħar tad-​dinja u tkun parti mill-​Ġenna tal-​art li wegħedna Alla. L-​artiklu li jmiss se juri kif int tistaʼ tgħix fid-​dinja l-​ġdida.

Il-​profezija taʼ Ġesù dwar “l-aħħar jiem” ittina tama