ĠIE DISINJAT?
Il-fer tal-lontra tal-baħar
ĦAFNA mammiferi akkwatiċi li jgħixu f’ilma kiesaħ għandhom saff oħxon taʼ xaħam taħt il-ġilda biex jgħinhom jibqgħu sħan. Il-lontra tal-baħar għandha metodu ieħor kif iżżomm sħuna—kowt mimli fer.
Ikkunsidra: Il-fer tal-lontra tal-baħar hu iktar folt minn taʼ kwalunkwe mammiferu ieħor. Għandha madwar 155,000 xagħra f’kull ċentimetru kwadru. Meta l-lontra tgħum, il-kowt tagħha jżomm ammont t’arja maʼ ġisimha. Din l-arja tgħinha tibqaʼ sħuna għax ma tħalliex l-ilma kiesaħ jiġi f’kuntatt dirett mal-ġilda tagħha u jneħħi s-sħana taʼ ġisimha.
Ix-xjentisti jemmnu li nistgħu nitgħallmu lezzjoni mill-fer tal-lontra tal-baħar. Huma għamlu esperimenti fuq għadd taʼ kowtijiet b’fer artifiċjali billi varjaw fatturi bħat-tul tax-xagħar u l-ispazju taʼ bejniethom. Ir-riċerkaturi kkonkludew li “iktar ma x-xagħar ikun twil u folt, iktar ix-xagħar jibqaʼ xott jew ikun jiflaħ iktar għall-ilma.” Fi kliem ieħor, il-lontri tal-baħar għandhom fer verament effiċjenti.
Ir-riċerkaturi qed jittamaw li l-istudji tagħhom iwassluhom biex jagħmlu avvanzi teknoloġiċi fid-disinn u l-produzzjoni taʼ drappijiet ġodda li jifilħu għall-ilma. Dan jistaʼ jwassal lil xi wħud biex jaħsbu jekk in-nies li jgħoddsu f’ilmijiet kesħin ikunux aħjar jekk jilbsu libsa tal-baħar li jkollha l-fer—waħda simili għal dik li għandha l-lontra tal-baħar!
Int x’taħseb? Il-mod kif il-lontra żżomm sħuna permezz tal-fer tagħha ġie bl-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?