L-element tal-għaġeb
“L-ebda element mhu essenzjali għall-ħajja iktar mill-karbonju,” jgħid il-ktieb Nature’s Building Blocks. Il-karatteristiki uniċi tal-karbonju jgħinuh jingħaqad fih innifsu u anki maʼ ħafna elementi kimiċi oħra, u b’hekk jifforma miljuni taʼ taħlitiet, li ħafna minnhom għadhom il-ħin kollu qed jiġu skoperti jew maħluqin b’mod sintetiku.
Bħalma juru dawn l-eżempji, l-atomi tal-karbonju jistgħu wkoll jingħaqdu biex jifformaw diversi forom, inkluż ktajjen, piramidi, ċrieki, folji, u tubi. Il-karbonju veru hu element tal-għaġeb!
ID-DJAMANT
L-atomi tal-karbonju jifformaw piramidi, imsejħin tetraedroni, li jagħmlu l-istruttura soda ħafna u jagħmlu lid-djamant l-iktar materjal iebes u magħruf li jinstab b’mod naturali. Djamant perfett bażikament hu molekula waħda tal-atomi tal-karbonju.
IL-GRAFITA
L-atomi tal-karbonju magħqudin sew flimkien huma mpoġġijin f’saffi mqabbdin flimkien bi spazju bejniethom li jistgħu jiżżerżqu minn xulxin bħal mazz karti. Minħabba dawn il-karatteristiki, il-grafita hi kemm lubrikant fin kif ukoll taħlita importanti għaċ-ċomb tal-lapsijiet. *
IL-GRAPHENE
Dan jirreferi għal saff wieħed taʼ atomi tal-karbonju rranġati f’forma taʼ xibka eżagonali. Il-graphene jiflaħ għal piż kbir mingħajr ma jinqasam ħafna iktar mill-azzar. Farka ċomb tal-lapes jistaʼ jkollha ammonti żgħar taʼ graphene f’saff wieħed jew f’ħafna saffi.
IL-FULLERENES
Dawn il-molekuli tal-karbonju bit-toqob jiġu f’ħafna forom li jinkludu blalen u tubi mikroskopiċi li jissejħu nanotubes. Dawn jitkejlu bin-nanometers, jew wieħed minn biljun taʼ metru.
ORGANIŻMI ĦAJJIN
Il-ħafna ċelluli li minnhom huma magħmulin il-pjanti, l-annimali, u l-bnedmin huma mibnijin fuq struttura taʼ karbonju—element misjub fil-karboidrati, fix-xaħmijiet, u fl-aċidi amminiċi (amino acids).
‘Il-kwalitajiet inviżibbli t’Alla . . . jintgħarfu mill-affarijiet li nħolqu.’—Rumani 1:20.
^ par. 7 Ara l-artiklu “Does Anyone Have a Pencil?” fil-ħarġa bl-Ingliż taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju 2007.