SUĠĠETT PRINĊIPALI
Veru eżista Ġesù?
LA KIEN għani u lanqas setgħan. Ma kellux post fejn joqgħod li setaʼ jgħid li kien tiegħu. Madankollu, it-tagħlim tiegħu influwenza lil miljuni taʼ nies. Veru eżista Ġesù Kristu? X’jgħidu l-esperti taʼ żmienna u dawk tal-qedem?
-
Michael Grant, kittieb tal-istorja u espert dwar iċ-ċivilizzazzjoni tradizzjonali tal-qedem, ikkummenta li jekk naċċettaw kitbiet storiċi antiki li fihom jissemmew ħafna persunaġġi pagani li r-realtà tagħhom bħala nies storiċi qatt ma tiġi ddubitata, ma nistgħux nibqgħu niċħdu l-eżistenza taʼ Ġesù, li jissemma fit-Testment il-Ġdid.
-
Rudolf Bultmann, professur tal-istudji tat-Testment il-Ġdid, stqarr: “Id-dubju jekk Ġesù eżistiex verament hu bla bażi u lanqas ma jistħoqqlu jiġi argumentat. L-ebda bniedem b’moħħu floku ma jistaʼ jiddubita li Ġesù hu l-fundatur taʼ soċjetà storika li l-bidu distint tagħha hu rrappreżentat mill-komunità Palestinjana [taʼ Kristjani] l-iżjed antika.”
-
Will Durant, storjografu, kittieb, u filosfu, kiteb: “Li xi ftit irġiel sempliċi [kittieba tal-Evanġelji] f’ġenerazzjoni waħda vvintaw personalità tant qawwija u li tingħoġob, etika tant għolja u eżistenza taʼ fratellanza umana li tant tqanqal, kien ikun miraklu ferm iktar inkredibbli minn kwalunkwe wieħed li hemm miktub fl-Evanġelji.”
-
Albert Einstein, Ġermaniż taʼ nisel Lhudi li studja l-fiżika, stqarr: “Jien Lhudi, imma naffaxxina ruħi bil-persunaġġ interessanti ferm tan-Nazzarenu.” Meta ġie mistoqsi jekk iqisx lil Ġesù bħala persuna storika, hu wieġeb: “Bla dubju! Ħadd ma jistaʼ jaqra l-Evanġelji mingħajr ma jħoss il-preżenza reali taʼ Ġesù. Il-personalità tiegħu tinħass f’kull kelma. L-ebda ħrafa mhi daqstant ħajja.”
“Ħadd ma jistaʼ jaqra l-Evanġelji mingħajr ma jħoss il-preżenza reali taʼ Ġesù.”—Albert Einstein
X’TURI L-ISTORJA?
L-iktar rakkonti dettaljati tal-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù huma mniżżlin fir-rakkonti Bibliċi, magħrufin bħala l-Evanġelji—Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni—imsemmijin għal min kitibhom. Barra minn hekk, għadd taʼ sorsi bikrin li mhumiex Kristjani jsemmuh.
-
TAĊITU
(Madwar is-sena 56-120 wara Kristu (WK) Taċitu jitqies bħala wieħed mill-ikbar storjografi Rumani tal-qedem. Il-kitbiet tiegħu jitkellmu dwar l-Imperu Ruman mis-sena 14 WK sas-sena 68 WK. (Ġesù miet fis-sena 33 WK.) Taċitu kiteb li meta n-nar qered għalkollox lil Ruma fis-sena 64 WK, l-Imperatur Neruni kien meqjus responsabbli. Imma Taċitu kiteb li Neruni akkuża lill-Kristjani biex “iwaqqaf l-għajdut.” Imbagħad Taċitu qal: “Kristus, il-fundatur tal-isem [Kristjan], ingħata l-kastig tal-mewt fir-renju taʼ Tiberju, b’sentenza tal-prokuratur Ponzju Pilatu.”—Annals, XV, 44.
-
SWETONJU
(Madwar is-sena 69–wara s-sena 122 WK) Fil-ktieb tiegħu Lives of the Caesars, dan l-istorjografu Ruman kiteb dwar ġrajjiet matul ir-renji tal-ewwel 11-il imperatur Ruman. Is-sezzjoni dwar Klawdju tirreferi għall-inkwiet fost il-Lhud f’Ruma li x’aktarx kien ikkaġunat minħabba nuqqas taʼ ftehim dwar Ġesù. (Atti 18:2) Swetonju kiteb: “Ladarba l-Lhud kontinwament kienu jaqilgħu l-inkwiet imqanqal minn Kristus, hu [Klawdju] keċċiehom minn Ruma.” (The Deified Claudius, XXV, 4) Għalkemm b’mod żbaljat akkużaw lil Ġesù li ħoloq dan l-inkwiet, Swetonju ma ddubitax l-eżistenza tiegħu.
-
PLINJU Ż-ŻGĦIR
(Madwar is-sena 61-113 WK) Dan l-awtur Ruman u amministratur fil-Bitinja (it-Turkija moderna) kiteb lill-Imperatur Ruman Trajanu dwar kif jittratta mal-Kristjani f’dik il-provinċja. Plinju qal li hu pprova jisforza lill-Kristjani biex jibdlu fehmithom, u qatel lil dawk kollha li rrifjutaw li jagħmlu dan. Hu spjega: “Dawk li . . . rripetew warajja sejħa għall-Allat [pagani], u offrew qima, bl-inbid u l-inċens, lix-xbieha tiegħek . . . u li fl-aħħar seħtu lil Kristu . . . , jien ħsibt li hu xieraq li jinħelsu.”—Pliny—Letters, Book X, XCVI.
-
ĠUŻEPPI FLAVJU
(Madwar is-sena 37-100 WK) Dan il-qassis Lhudi u kittieb tal-istorja jistqarr li Anna, qassis il-kbir Lhudi li baqaʼ juża l-influwenza politika, “laqqaʼ lill-imħallfin tas-Sinedriju [il-qorti superjuri Lhudija] u ġab quddiemhom raġel jismu Ġakbu, ħu Ġesù li kien imsejjaħ il-Kristu.”—Jewish Antiquities, XX, 200.
-
IT-TALMUD
Din il-ġabra taʼ kitbiet rabbiniċi Lhud li huma ddatati mis-seklu tlieta sas-seklu sitta WK, turi li anke l-għedewwa taʼ Ġesù kkonfermaw l-eżistenza tiegħu. Silta minnhom tgħid: “Yeshu [Ġesù] in-Nazzarenu ġie mdendel maʼ għuda” fil-jum taʼ ċelebrazzjoni Lhudija. Dan hu storikament korrett. (It-Talmud Babiloniż, Sanhedrin 43a, Munich Codex; ara Ġwanni 19:14-16.) Silta oħra tgħid: “Jalla ma jkollna ebda iben jew student li jġib għajb fuqu nnifsu fil-pubbliku bħan-Nazzarenu”—titlu li spiss irrefera għal Ġesù.—It-Talmud Babiloniż, Berakoth 17b, footnote, Munich Codex; ara Luqa 18:37.
EVIDENZA MILL-BIBBJA
L-Evanġelji jagħtuna rakkont sħiħ tal-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù, inkluż dettalji speċifiċi dwar nies, postijiet, u żminijiet—dak li titlob storja awtentika. Eżempju taʼ dan jinsab f’Luqa 3:1, 2, li jgħinna nsiru nafu d-data eżatta meta raġel jismu Ġwanni l-Battista, dak li witta t-triq għal Ġesù, beda x-xogħol tiegħu.
Luqa kiteb: “Fis-sena ħmistax tar-renju taʼ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi kien ħakkiem tad-distrett tal-Galilija, ħuh Filippu kien ħakkiem tad-distrett taʼ l-art taʼ l-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja kien ħakkiem tad-distrett taʼ l-Abilene, fi żmien il-qassis ewlieni Anna u fi żmien Kajfa, il-kelma t’Alla ġiet għand Ġwanni bin Żakkarija fix-xagħri.” Din il-lista dettaljata u preċiża tgħinna nsiru nafu li “l-kelma t’Alla ġiet għand Ġwanni” fis-sena 29 WK.
Is-sebaʼ persuni prominenti li jsemmi Luqa huma magħrufin sew mal-kittieba tal-istorja. Minkejja dan, għal xi żmien, ċerti kritiċi ddubitaw l-eżistenza taʼ Ponzju Pilatu u Lisanja. Imma l-kritiċi tkellmu malajr wisq. Skrizzjonijiet tal-qedem li għandhom l-ismijiet taʼ dawk iż-żewġ uffiċjali ġew skoperti, u dan jikkonferma l-eżattezza taʼ Luqa.GĦALA TAGĦMEL DIFFERENZA?
Il-kwistjoni tal-eżistenza taʼ Ġesù tagħmel differenza għax it-tagħlim tiegħu jagħmel differenza. Pereżempju, Ġesù għallem lin-nies kif jgħixu ħajja ferħana u sodisfatta. * Hu wkoll wiegħed żmien meta l-bnedmin se jgħixu fil-paċi u sigurtà vera, magħqudin taħt gvern wieħed biss għad-dinja kollha msejjaħ “is-saltna t’Alla.”—Luqa 4:43.
It-terminu “s-saltna t’Alla” hu xieraq għax dan il-gvern hu l-mezz li bih Alla se jmexxi d-dinja kollha. (Rivelazzjoni 11:15) Ġesù ċċara dan il-fatt meta fit-talba mudell tiegħu qal: “Missierna fis-smewwiet, . . . ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int . . . fuq l-art.” (Mattew 6:9, 10) It-tmexxija taʼ din is-Saltna x’se tfisser għall-umanità? Aħseb dwar dan li ġej:
-
Il-gwerer u t-taqbid ċivili se jieqfu.—Salm 46:8-11.
-
Il-ħażen, inkluż ir-regħba u l-korruzzjoni, se jispiċċa għal dejjem, kif ukoll in-nies bla devozzjoni lejn Alla.—Salm 37:10, 11.
-
Is-sudditi taʼ din is-Saltna se jgawdu xogħol produttiv u bi skop.—Isaija 65:21, 22.
-
L-art se tirkupra totalment mill-istat marid preżenti tagħha u se tipproduċi b’abbundanza.—Salm 72:16; Isaija 11:9.
Xi nies forsi jqisu dawn il-wegħdi bħala fantasiji. Imma ma tkunx fantasija li nafdaw fl-isforzi tal-bniedem? Ikkunsidra: Minkejja l-avvanzi tal-għaġeb fl-edukazzjoni, ix-xjenza, u t-teknoloġija, miljuni taʼ nies illum iħossuhom wisq inċerti u ansjużi dwar l-għada. U kuljum naraw evidenza taʼ oppressjoni ekonomika, politika, u reliġjuża, kif ukoll taʼ regħba u korruzzjoni. Iva, ir-realtà hi li l-ħakma umana falliet!—Ekkleżjasti 8:9.
Għall-inqas, il-kwistjoni tal-eżistenza taʼ Ġesù jistħoqqilha l-konsiderazzjoni tagħna. * Bħalma jgħid it-2 Korintin 1:19, 20: “Għax il-wegħdi kollha t’Alla, huma kemm huma, saru Iva permezz tiegħu [Kristu].”
^ par. 23 Kienet instabet skrizzjoni li fiha l-isem taʼ tetrarka, jew “ħakkiem tad-distrett,” jismu Lisanja. (Luqa 3:1) Hu ħakem fuq l-Abilene proprju f’dak iż-żmien li semma Luqa.
^ par. 25 Eżempju sabiħ tat-tagħlim taʼ Ġesù jistaʼ jinstab fil-ktieb taʼ Mattew, kapitli 5-7, li spiss jissejħu l-Prietka taʼ fuq il-Muntanja.
^ par. 32 Għal iżjed informazzjoni dwar Ġesù u t-tagħlim tiegħu, mur fuq www.dan124.com/mt u ara taħt TAGĦLIM TAL-BIBBJA >MISTOQSIJIET DWAR IL-BIBBJA MWEĠBIN.