PASS ’IL QUDDIEM BIEX TISSOLVA L-ISFIDA
Li nkunu nafu x’inhi mġiba tajba u mġiba ħażina
Waqt ħarġa maʼ tal-iskola, xi żgħażagħ subien ġew akkużati li attakkaw sesswalment lil student ieħor. Kollha kienu jattendu skola privata prestiġjuża fil-Kanada. Wara l-inċident, Leonard Stern kiteb fil-gazzetta Ottawa Citizen: “Il-fatt li ż-żgħażagħ ikunu intelliġenti, ikollhom edukazzjoni tajba, u jkunu sinjuri ma jwaqqafhomx milli jagħmlu affarijiet ħżiena.”
Stern qal ukoll: “Tistenna li l-aqwa mira tal-ġenituri hi li jkunu jixtiequ jgħallmu lil uliedhom x’inhi mġiba tajba u mġiba ħażina. Minflok, jidher li ħafna ġenituri jħossu li hu iktar importanti li wliedhom imorru tajjeb fl-iskola u jkollhom xogħlijiet tajbin ħalli jkunu jistgħu jagħmlu ħafna flus.”
Hu minnu li l-iskola hi importanti. Imma lanqas l-aqwa edukazzjoni ma tistaʼ tgħin lil xi ħadd biex jiġġieled kontra xewqat jew inklinazzjonijiet ħżiena. Mela allura, fejn nistgħu nsibu edukazzjoni li tgħin f’dawn l-aspetti, jiġifieri li tipprovdi gwida morali?
EDUKAZZJONI LI TIPPROVDI GWIDA MORALI U SPIRITWALI
Il-Bibbja hi bħal mera. Meta nħarsu lejha, naraw il-limitazzjonijiet u d-dgħufijiet tagħna iktar b’mod ċar. (Ġakbu 1:23-25) Imma dan mhux biss. Il-Bibbja tgħinna nagħmlu l-bidliet li għandna bżonn. Din tgħinna niżviluppaw kwalitajiet li jġibu paċi vera u armonija. Dawn il-kwalitajiet jinkludu t-tjubija, il-qalb tajba, il-paċenzja, ir-rażna, u l-imħabba. L-imħabba saħansitra tissejjaħ bħala li hi “rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14) L-imħabba għala hi daqshekk speċjali? Innota x’tgħid il-Bibbja dwar din il-kwalità.
-
“L-imħabba tistabar fit-tul u qalbha tajba. L-imħabba ma tgħirx, ma tiftaħarx, ma tintefaħx [bil-kburija], ma ġġibx ruħha b’mod indeċenti, ma tfittixx l-interessi tagħha, ma tiġix provokata. Ma żżommx kont tal-ħsara. Ma tithenniex bl-inġustizzja [bil-ħażen], imma tithenna bil-verità. Kollox tiflaħ, . . . kollox tissaporti. L-imħabba ma tbatti qatt.”—1 Korintin 13:4-8.
-
“L-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu.”—Rumani 13:10.
-
“Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba profonda lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pietru 4:8.
Meta tkun maʼ nies li jħobbuk, kif tħossok? Protett? Fis-sigurtà? Rilassat? Iva. Int taf li huma jridu l-aħjar għalik, u li qatt mhuma ħa jweġġgħuk apposta.
L-imħabba tistaʼ wkoll iġġiegħel lin-nies biex jagħmlu sagrifiċċji, anke bidliet fil-ħajja, għall-benefiċċju t’oħrajn. Pereżempju, meta raġel li ħa
nsejħulu George sar nannu, hu xtaq ħafna jqattaʼ l-ħin man-neputi tiegħu. Imma kien hemm problema. George kien ipejjep ħafna, u r-raġel tat-tifla ma ridux ipejjep ħdejn it-tarbija. X’għamel George? Għalkemm kien ilu jpejjep 50 sena, hu qataʼ dan il-vizzju minħabba n-neputi tiegħu. Kemm għandha qawwa l-imħabba, hux vera?Il-Bibbja tgħinna nikkultivaw ħafna kwalitajiet tajbin, bħat-tjubija, il-qalb tajba, u speċjalment l-imħabba
L-imħabba hi kwalità li nitgħallmu. Il-ġenituri għandhom irwol importanti f’li jgħallmu lit-tfal tagħhom kif iħobbu. Huma jitimgħu u jipproteġu lit-tfal tagħhom u jkunu hemm għalihom meta jweġġgħu jew jimirdu. Ġenituri tajbin jitkellmu maʼ wliedhom u jgħallmuhom. Huma wkoll jiddixxiplinaw lil uliedhom, u dan jinkludi li jgħallmuhom prinċipji tajbin taʼ x’inhu tajjeb jew ħażin. Barra minn hekk, ġenituri tajbin iħallu eżempju tajjeb għal uliedhom, biex dawn ikunu jistgħu jsegwu l-eżempju tagħhom.
Imma b’niket, xi ġenituri ma jwettqux ir-responsabbiltajiet tagħhom. Ifisser dan li t-tfal tagħhom qatt ma jistgħu jsiru nies tajbin? Lanqas xejn! Anke ħafna nies ikbar, inkluż dawk li trabbew ġo familji mħarbtin, għamlu bidliet drastiċi f’ħajjithom u saru ċittadini li jimpurtahom minn ħaddieħor u li tistaʼ tafdahom. Bħalma se naraw fl-artiklu li jmiss, dan jinkludi wkoll lil uħud li oħrajn ħasbu li qatt ma setgħu jinbidlu.