IL-PROBLEMA
Is-sigurtà tagħna hi mhedda
“Din il-ġenerazzjoni tgawdi riżorsi teknoloġiċi, xjentifiċi, u finanzjarji li qatt ma kien hawn bħalhom . . . U madankollu din forsi hi l-ewwel ġenerazzjoni li se twassal id-dinja għall-kollass fis-sistemi [politiċi, ekonomiċi, u ambjentali].”—The Global Risks Report 2018, Forum tal-Ekonomija Dinjija.
ĦAFNA NIES INFORMATI, GĦALA QED JINKWETAW DWAR IL-FUTUR TAGĦNA U TAL-ART? IKKUNSIDRA FTIT MILL-ISFIDI LI QED NIFFAĊĊJAW.
-
NUQQAS TAʼ SIGURTÀ FUQ L-INTERNET: “Iktar ma jgħaddi ż-żmien, l-internet iktar qed juri li hu post perikoluż. Hu ġenna għall-pedofili, bulijiet, trolls * u hackers,” tgħid il-gazzetta The Australian. “Is-serq tal-identità hi waħda mill-atti kriminali li qed jiżdiedu b’ħeffa madwar id-dinja . . . L-internet jagħti n-nies l-opportunità biex juru waħda mill-agħar karatteristiki tal-bnedmin—li jaslu biex ikunu kattivi u bla qalb.”
-
ŻBILANĊ FINANZJARJU: Skont rapport riċenti minn organizzazzjoni li tgħin lill-foqra, it-tmien l-iktar persuni sinjuri għandhom l-istess ġid daqs it-3.6 biljun ruħ l-iktar fqar fid-dinja. Ir-rapport qal li l-ekonomija tad-dinja mhijiex ġusta għax il-ftit li huma sinjuri qed isiru iktar sinjuri u l-foqra qed isiru iktar foqra, u l-iktar milquta huma nisa. Xi wħud jibżgħu li l-iżbilanċ li dejjem qed jiżdied jistaʼ jġiegħel lin-nies biex jirribellaw.
-
ĠLIED U PERSEKUZZJONI: Rapport tal-2018 mill-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda għar-Refuġjati qal: “Qed nesperjenzaw l-ikbar numru taʼ nies li nafu bih fl-istorja li qed jiċċaqalqu minn fejn joqogħdu.” Iktar minn 68 miljun persuna kellhom jitilqu djarhom, l-iktar minħabba ġlied jew persekuzzjoni. “Kull żewġ sekondi, kważi persuna qed tispiċċa mingħajr saqaf fuq rasha,” qal ir-rapport.
-
THEDDID GĦALL-AMBJENT: “Ħafna speċi taʼ pjanti u annimali qed jisparixxu b’rata mgħaġġla,” jgħid The Global Risks Report 2018, u “t-tinġis tal-arja u l-baħar sar theddida kbira għas-saħħa tan-nies.” Barra minn hekk, l-insetti qed jonqsu ħafna f’ċerti pajjiżi. Minħabba li l-insetti jdakkru l-pjanti, ix-xjentisti issa qed iwissu li l-ambjent jistaʼ jiġi meqrud kompletament. Is-sikek tal-qroll ukoll mhux qed imorru tajjeb. Ix-xjentisti jikkalkulaw li madwar nofs is-sikek fid-dinja mietu f’dawn l-aħħar 30 sena.
Se jirnexxilna nagħmlu l-bidliet li għandna bżonn biex ikollna dinja iktar sigura? Xi wħud iħossu li n-nies għandhom bżonn jingħataw iktar għarfien. Imma x’tip t’għarfien jistaʼ verament ibiddel il-mod kif in-nies jaħsbu u jaġixxu? L-artikli li ġejjin se jikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet.
^ Troll hu xi ħadd li jippowstja messaġġi vendikattivi, provokattivi, jew aggressivi fuq l-internet.