GĦALL-KOPPJI
4: Aħfru lil xulxin
DAN XI JFISSER
Li taħfer ifisser li tħalli nuqqas għaddej u li ma tibqax iżżomm f’qalbek. Li taħfer ma jfissirx li ċċekken l-iżball jew li tagħmel tabirruħek li qatt ma seħħ.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.”—Kolossin 3:13.
“Meta tħobb lil xi ħadd, ma toqgħodx tiffoka fuq l-imperfezzjonijiet tiegħu, imma minflok tara x’persuna qed jipprova jsir.”—Aaron.
GĦALA HU IMPORTANTI
Li tibqaʼ żżomm f’qalbek jistaʼ jkun taʼ ħsara għalik fiżikament u emozzjonalment, kif ukoll jistaʼ jkun taʼ ħsara għaż-żwieġ tiegħek.
“Darba minnhom ir-raġel tiegħi skuża ruħu għal xi ħaġa li kienet weġġgħetni ħafna. Sibtha bi tqila biex naħfirlu. Eventwalment hekk għamilt, imma jiddispjaċini li m’għamiltx hekk mill-ewwel. Dan ġab ħafna tensjoni bla bżonn fuq ir-relazzjoni tagħna.”—Julia.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
EŻAMINA LILEK INNIFSEK
La terġaʼ tħossok imweġġaʼ minħabba xi ħaġa li xi ħadd minnkom qal jew għamel, staqsi lilek innifsek:
-
‘Qed inkun sensittiv iżżejjed?’
-
‘Huwa n-nuqqas tant serju li nistenna apoloġija, jew nistaʼ sempliċement ma nagħtix kas?’
IDDISKUTU DAN BĦALA KOPPJA
-
Normalment kemm indumu biex naħfru lil xulxin?
-
X’nistgħu nagħmlu biex naħfru lil xulxin iktar malajr?
SUĠĠERIMENTI
-
Meta tieħu għalik minħabba xi ħaġa, tassumix li r-raġel jew il-mara tiegħek għamlitlek hekk apposta.
-
Ipprova skuża l-persuna l-oħra fiż-żwieġ u ftakar li “lkoll nitfixklu ħafna drabi.”—Ġakbu 3:2.
“Hu faċli li naħfru lil xulxin meta t-tnejn li aħna jkollna tort, imma hu iktar diffiċli meta t-tort donnu jkun taʼ wieħed biss. Jeħtieġ li tkun veru umli biex taċċetta apoloġija u taħfer.”—Kimberly.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Irranġa malajr.”—Mattew 5:25.
Li tibqaʼ żżomm f’qalbek jistaʼ jkun taʼ ħsara għalik fiżikament u emozzjonalment, kif ukoll jistaʼ jkun taʼ ħsara għaż-żwieġ tiegħek