Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-dixxiplina tiggwida tifel bħalma tmun jidderieġi dgħajsa u jżommha fid-direzzjoni t-tajba

GĦALL-ĠENITURI

6: Id-dixxiplina

6: Id-dixxiplina

DAN XI JFISSER

Il-​kelma dixxiplina tistaʼ tfisser li tidderieġi jew li tgħallem. Xi drabi, dan jinkludi li tikkoreġi l-​imġiba ħażina taʼ ibnek. Imma spiss dan jinvolvi li tagħti taħriġ morali biex jgħin lil ibnek jieħu deċiżjonijiet tajbin mill-​ewwel.

GĦALA HU IMPORTANTI

F’dawn l-​aħħar għaxriet taʼ snin, id-​dixxiplina kważi m’għadhiex teżisti f’xi familji għax il-​ġenituri jibżgħu li l-​korrezzjoni tistaʼ twassal biex it-​tfal iħossuhom inqas kunfidenti fihom infushom. Madankollu, ġenituri għaqlin jagħmlu regoli raġunevoli u jħarrġu lil uliedhom biex iżommu magħhom.

“It-​tfal għandhom bżonn ikunu jafu x’jistgħu u x’ma jistgħux jagħmlu biex jikbru f’adulti maturi. Mingħajr dixxiplina, it-​tfal ikunu bħal dgħajsa bla tmun—li eventwalment se toħroġ minn triqitha jew saħansitra tinqaleb.”—Pamela.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

Kun konsistenti. Jekk uliedek ma jżommux mar-​regoli tiegħek, kun ċert li jkun hemm il-​konsegwenzi. Mill-​banda l-​oħra, kun dejjem lest li tfaħħarhom meta jobdu.

“Jien taʼ sikwit infaħħarhom lil uliedi talli jobdu f’dinja fejn l-​ubbidjenza hija rari ħafna. Il-​fatt li nfaħħarhom jagħmilha iktar faċli għalihom li jaċċettaw il-​korrezzjoni meta jkun hemm bżonnha.”—Christine.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.”—Galatin 6:7.

Kun raġunevoli. Meta tkun qed tagħti d-​dixxiplina, ikkunsidra l-​età u l-​abbiltà tat-​tifel u kemm kienet serja l-​ħaġa li jkun għamel. Il-​konsegwenzi jkunu iktar effettivi meta jkunu relatati mal-​ħażin li jkun għamel—pereżempju, jekk ma jobdix ir-​regoli tiegħek dwar l-​użu tal-​mowbajl, jistaʼ jittiħidlu jew jużah b’mod limitat. Fl-​istess ħin, tagħmilhomx bi kbar sempliċiment għax tkun xi ħaġa li ddejjaq lilek.

“Jien nipprova niddetermina jekk ibni ma jkunx obda apposta jew ikunx sempliċiment għamel żball. Hemm differenza bejn li jirripeti l-​istess ħaġa ħażina u jkun hemm bżonn li jiġi kkoreġut, u bejn li jagħmel żball li jkolli sempliċiment niġbidlu l-​attenzjoni għalih.”—Wendell.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “Iddejquhomx lil uliedkom, sabiex ma jaqtgħux qalbhom.”—Kolossin 3:21.

Uri mħabba. Id-​dixxiplina tkun eħfef għat-​tfal biex jaċċettawha u japplikawha meta jkunu jafu li l-​ġenituri qed jagħmlu dan għax iħobbuhom.

“Kull meta t-​tifel tagħna żbalja, aħna assigurajnieh li konna kburin għal kull deċiżjoni tajba li kien ħa fil-​passat. Aħna spjegajnielu li l-​iżball ma kienx se jeffettwa ħażin ir-​reputazzjoni tiegħu sakemm hu kien lest li jirranġa fejn kien hemm bżonn. Ukoll, urejnieh li aħna konna lesti li ngħinuh f’dan.”—Daniel.

PRINĊIPJU BIBLIKU: “L-​imħabba tistabar fit-​tul u qalbha tajba.”—1 Korintin 13:4.