GĦALL-ĠENITURI
7: Il-valuri
DAN XI JFISSER
Il-valuri huma l-livelli morali li int tagħżel li tgħix bihom. Pereżempju, tagħmel int l-almu tiegħek biex tkun onest f’kollox? Mela x’aktarx li dan il-livell morali tkun trid tgħallmu lil uliedek.
Ukoll, int tkun trid tgħallimhom li hu importanti li jkunu ħabrieka, raġunevoli, u jaħsbu f’oħrajn—kwalitajiet li aħjar jiżviluppawhom meta jkunu għadhom żgħar.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Ħarreġ tifel skond it-triq xierqa għalih; lanqas meta jixjieħ ma jwarrab minnha.”—Proverbji 22:6.
GĦALA HU IMPORTANTI
F’dan iż-żmien taʼ teknoloġija, il-valuri morali huma bżonjużi. “Influwenzi ħżiena tistaʼ ssibhom fuq il-mowbajl fi kwalunkwe ħin,” tgħid omm jisimha Karyn. “Jistaʼ jkun li waqt li t-tfal ikunu maġenbna, huma jkunu qed jaraw xi ħaġa mhix xierqa!”
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Nies maturi . . . għandhom is-sensi tagħhom imħarrġin biex jagħrfu jagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin.”—Ebrej 5:14.
Hu importanti li taħseb f’oħrajn. Dan jinkludi li turi manjieri tajbin bħal li tgħid “jekk jogħġbok” u “grazzi” u li tieħu interess f’oħrajn—valur li rari ssibu minħabba li n-nies donnhom saru iktar moħħhom f’apparat elettroniku milli minn nies oħrajn.
PRINĊIPJU BIBLIKU: “Bħalma tridu li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu l-istess lilhom.”—Luqa 6:31.
DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL
Għidilhom x’livelli morali għandek. Pereżempju, ir-riċerka turi li ż-żgħażagħ ikunu iktar lesti li ma jinvolvux ruħhom f’sess qabel iż-żwieġ jekk ikunu ġew mgħallmin b’mod ċar li kondotta bħal din hi ħażina.
SUĠĠERIMENT: Uża ġrajja kurrenti biex tibda diskussjoni dwar il-valuri. Pereżempju, jekk fuq l-aħbarijiet jissemma li sar att kriminali minħabba diskriminazzjoni, int tistaʼ tgħid: “Hi xi ħaġa vera kerha li xi wħud juru rabja bħal din lejn ħaddieħor. Kif taħseb li n-nies isiru hekk?”
“Hu ħafna iktar diffiċli għat-tfal li jagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin jekk huma ma jkunux jafu x’inhu tajjeb jew ħażin.”—Brandon.
Għallem lil uliedek jaħsbu f’oħrajn. Anki t-tfal żgħar kapaċi jitgħallmu jgħidu “jekk jogħġbok” u “grazzi” u juru rispett lejn oħrajn. “Iktar ma t-tfal jifhmu li mhumiex waħedhom imma li jagħmlu parti minn xi ħaġa ikbar—familja, skola, komunità—iktar ikunu lesti li jagħmlu affarijiet li jibbenefikaw minnhom oħrajn u mhux huma biss,” jgħid il-ktieb Parenting Without Borders.
SUĠĠERIMENT: Lit-tfal agħtihom jagħmlu xi xogħol tad-dar biex tgħinhom jifhmu li hu importanti li jaqdu lil ħaddieħor.
“Jekk it-tfal tagħna jidraw minn issa jagħmlu x-xogħol tad-dar, huma ma jsibuhiex diffiċli meta jiġu biex jgħixu waħedhom. Li jieħdu ħsieb tar-responsabbiltajiet ikun diġà sar parti minn ħajjithom.”—Tara.