Tagħmillek Differenza Jekk Jeżistix Ħallieq?
Għala tagħmel differenza f’ħajtek jekk jeżistix Ħallieq? Jekk l-evidenza tikkonvinċik li Alla jeżisti, jaf tkun trid tara l-evidenza li l-Bibbja vera ġejja mingħandu. U jekk vera tafda dak li tgħid il-Bibbja, tistaʼ tgawdi l-benefiċċji li ġejjin.
Se jkollok ħajja iktar ferħana
X’TGĦID IL-BIBBJA: “[Alla] għamel it-tajjeb u takom ix-xita mis-sema u l-istaġuni tal-frott u mlielkom qlubkom għalkollox bl-ikel u bil-ferħ.”—Atti 14:17.
XI JFISSER GĦALIK: Kull ħaġa li tgawdi fin-natura hija rigal mingħand il-Ħallieq. Int se tapprezzahom iżjed dawn l-affarijiet meta tkun taf kemm jimpurtah minnek dak li tahomlok.
Se ssib pariri tajbin li jgħinuk f’ħajtek
X’TGĦID IL-BIBBJA: Se “tifhem is-sewwa u l-ġustizzja u dak li hu rett, kulma għandek tagħmel biex timxi tajjeb.”—Proverbji 2:9.
XI JFISSER GĦALIK: Peress li ħalqek, Alla jaf eżatt x’għandek bżonn biex tkun ferħan. Meta taqra l-Bibbja, se titgħallem ħafna affarijiet li se jgħinuk f’ħajtek.
Se ssib tweġibiet għall-mistoqsijiet li għandek
X’TGĦID IL-BIBBJA: Se “ssib l-għarfien t’Alla.”—Proverbji 2:5.
XI JFISSER GĦALIK: Meta ssir taf li jeżisti Ħallieq, se jgħinek issib tweġibiet għal mistoqsijiet importanti ħafna, bħal: Għaliex qed ngħixu? Għala hawn ħafna tbatija? X’jiġrilna meta mmutu? Mill-Bibbja tistaʼ ssib tweġibiet li jagħmlu sens.
Se jkollok tama għall-futur
X’TGĦID IL-BIBBJA: “‘Jien naf il-ħsibijiet li qed naħseb dwarkom,’ hija l-kelma taʼ Ġeħova, ‘ħsibijiet taʼ paċi, mhux taʼ ħsara, sabiex nagħtikom futur u tama.’”—Ġeremija 29:11.
XI JFISSER GĦALIK: Alla jwiegħed li fil-futur se jneħħi l-ħażen, it-tbatija, u anke l-mewt. Meta tafda fil-wegħdi t’Alla, it-tama li għandek għall-futur tgħinek tiffaċċja l-problemi li għandek bil-kuraġġ.