ĠIE DISINJAT?
Il-blu jgħajjat tal-Pollia Berry
IL-FROTTA żgħira tal-pjanta Pollia condensata, li tinsab madwar l-Afrika, għandha l-aktar blu qawwi li qatt tistaʼ tara fi pjanta. Madankollu, ma fiha l-ebda kimika blu li ttebbgħa. X’inhu s-sigriet wara dan il-kulur impressjonanti?
Ikkunsidra: Iċ-ċelluli li jkun hemm fil-qoxra tal-frotta fihom ħjut irqaq ħafna li huma rranġati bħalma jkunu sulfarini ġol-kaxxa tagħhom. Dawn il-ħjut jifformaw saffi, u kull saff ikun kemm kemm imdawwar mis-saff taʼ taħtu, sabiex is-saffi fuq xulxin jifformaw disinn li jdur fuqu nnifsu qisu garigor. Il-ħjut infushom ma fihomx kulur blu. Il-kulur jiġi mill-mod kif il-ħjut huma mpoġġija fuq xulxin. B’hekk, is-sigriet tal-blu qawwi, metalliku, u li jkanġi tal-frotta hu minħabba kif inhi mfassla u mhux għax għandha xi kimika li tagħti l-kulur. Il-biċċa l-kbira taċ-ċelluli jidhru blu. Imma minn angoli differenti, xi wħud jidhru fl-aħdar, fir-roża, jew fl-isfar minħabba bidliet żgħar fis-saffi. Barra minn hekk, meta jiġu eżaminati mill-qrib, il-kuluri jidhru bħal tikek maġenb xulxin, bħal kuluri fuq skrin taʼ kompjuter.
Ladarba l-Pollia berries m’għandhomx kimika li tagħtihom il-kulur, huma jżommu l-kulur tagħhom anki wara li jaqgħu mill-pjanta. Infatti, dawk taʼ aktar minn mitt sena ilu għad għandhom il-kulur jgħajjat daqs dawk li għadhom jinqatgħu! Minkejja li ma fihomx x’tiekol għax fihom żerriegħa biss, skont ir-riċerkaturi dawn jibagħtu sinjali li jiġbdu l-għasafar li jkunu fil-viċin.
Ix-xjentisti jemmnu li peress li l-Pollia berry ma fihiex kimika taʼ kulur, din tistaʼ tgħin biex ikun hemm prodotti innovattivi, minn żebgħa li ma tiċċarax kif ġieb u laħaq sa karta speċjali li jkun diffiċli biex tiġi ffalsifikata.
Int x’taħseb? Il-blu jgħajjat tal-Pollia berry ġie bl-evoluzzjoni? Jew ġie disinjat?