SUĠĠETT PRINĊIPALI | HEMM TAMA GĦAL DIN ID-DINJA?
Tfittxija għal tweġibiet
M’INTIX waħdek jekk int ansjuż jew saħansitra mbeżżgħa minħabba li tismaʼ ħafna aħbarijiet ħżiena. Fl-2014, Barack Obama, li dak iż-żmien kien il-president tal-Istati Uniti, ta x’jifhem li minħabba l-affarijiet ħżiena li jiġu rrapportati fil-gazzetti, ħafna jikkonkludu “li m’hemmx tama għad-dinja u li ħadd ma jistaʼ jagħmel xejn.”
Però, ftit wara din l-istqarrija, hu tkellem b’ħeġġa dwar li hemm strateġiji biex jitranġaw ħafna mill-problemi tad-dinja. Hu rrefera għal ċerti inizjattivi tal-gvern bħala “aħbar tajba” u qal li għandu “tama kbira” u li hu “ottimist ħafna.” Fi kliem ieħor, hu qal li l-isforzi li qed jagħmel il-bniedem b’intenzjoni tajba jistgħu jikkontrollaw id-dinja u jiskansawna minn katastrofi globali.
Ħafna huma ottimisti bħalu. Pereżempju, xi wħud ipoġġu l-fiduċja tagħhom fix-xjenza u jikkonkludu li l-avvanz mgħaġġel fit-teknoloġija se jirranġa d-dinja. Espert fit-teknoloġija diġitali u f’affarijiet ġodda bassar b’fiduċja li sal-2030, “it-teknoloġija tagħna se tkun elf darba iktar qawwija u sal-2045, se tkun miljun darba iktar qawwija.” Hu żied jgħid: “Sejrin mhux ħażin. Għalkemm il-problemi li qed niffaċċjaw huma akbar minn taʼ qabel, għandna l-kapaċità nsolvuhom qabel jinqalgħu.”
Imma l-kundizzjonijiet tad-dinja kemm verament huma ħżiena? Vera wasalna fix-xifer taʼ diżastru globali? Għalkemm xi xjentisti u politikanti jwasslu messaġġ taʼ tama, xorta għad hawn ħafna nies li jħossuhom inċerti dwar il-futur. Għala?
ARMI TAL-QERDA TAL-MASSA. Minkejja l-isforzi kbar li għamlu l-Ġnus Magħquda u organizzazzjonijiet oħra, dawn ma rnexxilhomx inaqqsu l-armi nukleari. Minflok, xi mexxejja ġew jaqgħu u jqumu mil-liġijiet li jikkontrollaw kemm għandhom ikollhom armi. Pajjiżi magħrufin għal li jkollhom l-armi nukleari qed jaraw x’jagħmlu biex jimmodernizzaw il-bombi tagħhom u joħolqu oħrajn iktar qattiela. Pajjiżi li qatt ma kellhom armi tal-qerda tal-massa issa jistgħu jeqirdu mases kbar taʼ nies.
Il-fatt li l-ġnus huma aktar lesti għal gwerra nukleari minn qatt qabel qed jagħmel id-dinja post perikoluż ħafna, anki fi żminijiet taʼ “paċi.” “Pereżempju, ikun taʼ inkwiet kbir li jkun hemm armi li jistgħu jiddeċiedu li jaqbdu u joqtlu b’mod awtomatiku jew li jaħdmu mingħajr superviżjoni,” iwissi l-Bulletin of the Atomic Scientists.
SAĦĦITNA FIL-PERIKLU. Ix-xjenza hi limitata f’dak li tistaʼ tagħmel biex taċċertana li jkollna saħħa tajba. Pressjoni għolja, obeżità, tinġis fl-arja, u abbuż mid-droga—li lkoll jistgħu jwasslu għal mard—qed jiżdiedu. Qed imutu iktar nies minn mard ieħor li ma jittiħidx, bħal kankru, mard tal-qalb, u dijabete. Qed ikun hawn iktar nies li qed ibatu minn diżabilità minħabba mard ieħor, inkluż il-mard mentali. U fis-snin reċenti rajna li faqqgħu epidemiji taʼ mard perikoluż bħall-vajrus tal-Ebola u taz-Zika. Il-qofol taʼ dan: Il-mard mhux qed jiġi kkontrollat mill-bniedem, u donnu m’hemmx tama li se jispiċċa l-mard!
IL-ĦSARA TAL-BNIEDEM FUQ IN-NATURA. Il-fabbriki jkomplu jniġġsu lid-dinja. Miljuni taʼ nies imutu kull sena minħabba l-arja kkontaminata li jibilgħu.
Individwi, komunitajiet, u dipartimenti tal-gvern qed ikomplu jitfgħu dranaġġ, skart mediku, skart tal-agrikultura, plastik, u ħmieġ ieħor fl-oċeani. “Dawn l-affarijiet tossiċi qed jivvelenaw annimali u pjanti tal-baħar, u kif ukoll lin-nies li jieklu minn dawn l-affarijiet ikkontaminati,” tispjega l-Encyclopedia of Marine Science.
U l-ilma qed jispiċċa. L-awtur tax-xjenza Brittaniku Robin McKie bir-raġun iwissi: “Id-dinja qed tiffaċċja kriżi tal-ilma li se teffettwa kull parti tal-globu.” Il-politikanti jammettu li n-nuqqas t’ilma hija problema li tistaʼ tgħid li l-bniedem ġabha b’idejh u li hi taʼ periklu kbir.
IL-ĦSARA TAN-NATURA FUQ IL-BNIEDEM. Maltempati, uragani, tempesti qawwijin, tifuni, u terremoti jwasslu biex ikun hemm għargħar li jġib ħafna ħsara, valangi, u affarijiet bħal dawn li jġibu qerda. Aktar nies minn qatt qabel qed jinqatlu jew inkella qed jiġu effettwati minn dawn il-qawwiet tan-natura. Studju ppubblikat min-NASA juri li hemm ċans akbar li jkollna “maltempati qawwijin, heat waves qattiela, u aktar ċikli taʼ għargħar u nixfa estrema.” Sejra n-natura teqred lill-bniedem?
Żgur li tistaʼ taħseb f’theddid gravi ieħor għal ħajjitna. Madankollu, int mhux se ssib tweġibiet sodisfaċenti dwar il-futur billi tanalizza l-affarijiet ħżiena li qed jiġru llum. Xi wħud forsi jirraġunaw l-istess meta jisimgħu lill-politikanti u x-xjentisti. Però, bħalma ssemma fl-artiklu taʼ qabel, ħafna sabu tweġibiet konvinċenti għall-mistoqsijiet dwar il-kundizzjonijiet tad-dinja u l-futur. Tweġibiet bħal dawn fejn tistaʼ ssibhom?