ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 6
“Il-Kap tal-Mara Hu r-Raġel”
“Il-kap tal-mara hu r-raġel.”—1 KOR. 11:3.
GĦANJA 13 Kristu, l-eżempju tagħna
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Oħt single liema mistoqsijiet għandha tistaqsi qabel tiddeċiedi li tiżżewweġ?
IL-KRISTJANI kollha huma taħt l-awtorità taʼ Ġesù Kristu li hu kap perfett. Però, meta mara Kristjana tiżżewweġ trid tkun sottomessa lejn l-awtorità taʼ raġel imperfett. Dan mhux dejjem faċli. Mela meta tkun qed taħseb biex tiżżewweġ lil xi ħu, hi għandha tistaqsi lilha nfisha: ‘X’juri li dan il-ħu se jkun kap taʼ familja tajjeb? Li jaqdi lil Ġeħova, hija l-iktar ħaġa importanti għalih? Jekk le, xi jġegħelni naħseb li se jkun kap li jgħin il-familja żżomm ħbiberija tajba maʼ Ġeħova wara li niżżewġu?’ Barra dawn il-mistoqsijiet, oħt għandha tistaqsi wkoll: ‘Xi kwalitajiet għandi jien biex ikollna żwieġ tajjeb? Jien paċenzjuża u ġeneruża? Għandi ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova?ʼ (Ekk. 4:9, 12) Jekk mara tieħu deċiżjonijiet tajbin qabel tiżżewweġ, dan jistaʼ jgħin biex iż-żwieġ tagħha jirnexxi u tkun ferħana.
2. X’se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
2 Miljuni taʼ nisa Kristjani huma eżempju eċċellenti billi jkunu ubbidjenti lejn ir-raġel tagħhom. Huma taʼ min jammirahom! Aħna ferħanin ħafna li naqdu lil Ġeħova flimkien maʼ dawn in-nisa leali! F’dan l-artiklu se nikkunsidraw it-tweġibiet tal-mistoqsijiet li ġejjin: (1) X’inhuma xi sfidi li nisa miżżewġin jaf ikollhom jiffaċċjaw? (2) Mara għala għandha tagħżel li tkun sottomessa lejn żewġha? (3) Irġiel u nisa Kristjani miżżewġin x’jistgħu jitgħallmu dwar is-sottomissjoni mill-eżempji taʼ Ġesù, Abigajl, u Marija, il-mara taʼ Ġużeppi u omm Ġesù?
X’INHUMA XI SFIDI LI NISA MIŻŻEWĠIN JIFFAĊĊJAW?
3. Għala l-koppji miżżewġin kollha jiffaċċjaw l-isfidi?
3 Iż-żwieġ huwa rigal perfett mingħand Alla, imma l-bnedmin huma imperfetti. (1 Ġw. 1:8) Huwa għalhekk li l-Kelma t’Alla twissi lill-koppji miżżewġin li se jiffaċċjaw sfidi li huma deskritti bħala “tribulazzjoni f’laħamhom.” (1 Kor. 7:28) Issa se niddiskutu xi affarijiet li mara miżżewġa tistaʼ ssib diffiċli.
4. Għala mara tistaʼ tqisu taʼ diżunur li tobdi lil żewġha?
4 Kultant, minħabba t-trobbija tagħha, mara tistaʼ tħoss li jkun diżunur jekk tkun sottomessa lejn żewġha. Marisol, li tgħix l-Istati Uniti, tgħid: “Fejn trabbejt jien, kienu jgħidu li n-nisa għandhom ikunu ugwali daqs l-irġiel. Jien naf li Ġeħova ta l-awtorità lir-raġel bħala kap u li l-mara għandha tkun ubbidjenti, imma n-nisa wkoll jixirqilhom ir-rispett. Mhux dejjem ikun faċli biex nirrispetta l-awtorità tar-raġel għax id-dinja tgħid li m’għandix għalfejn nagħmel hekk.”
5. Liema ideat żbaljati għandhom xi rġiel dwar in-nisa?
5 Mill-banda l-oħra, mara taf tkun miżżewġa lil raġel li jaħseb li n-nisa mhumiex importanti daqs l-irġiel. Ivon, oħt li tgħix l-Amerika t’Isfel, tgħid: “Fejn ngħix jien, l-irġiel jieklu qabel in-nisa. Il-bniet iridu jnaddfu u jsajru, imma s-subien jiġu servuti minn ommhom u ħuthom, u huma meqjusin bħala ‘r-rejiet tad-dar.’” Oħt oħra jisimha Yingling, li tgħix l-Asja, tgħid: “Fil-lingwa tiegħi hemm espressjoni li tgħid li n-nisa m’għandhomx għalfejn ikunu intelliġenti jew ikollhom l-abbiltajiet. Xogħolhom hu li jagħmlu l-faċendi tad-dar, u ma jistgħux jagħtu l-opinjoni tagħhom lir-raġel.” Raġel li ma jurix imħabba u ma jagħmilx dak li tgħid il-Bibbja jagħmel il-ħajja tal-mara tiegħu diffiċli, ma jkunx qed jimita lil Ġesù, u ma jogħġobx lil Ġeħova.—Efes. 5:28, 29; 1 Pt. 3:7.
6. In-nisa miżżewġin x’għandhom jagħmlu biex isaħħu l-ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova?
6 Kif semmejna fl-artiklu taʼ qabel, Ġeħova jistenna li l-irġiel miżżewġin jipprovdu għall-familja u jgħinu lill-familja tibni ħbiberija maʼ Ġeħova. (1 Tim. 5:8) Però, nisa miżżewġin għandhom isibu l-ħin mill-iskeda mimlija tagħhom biex jaqraw il-Kelma t’Alla, jimmeditaw fuqha, u biex jitolbu lil Ġeħova mill-qalb. Dan jaf ma jkunx faċli. In-nisa miżżewġin ikollhom ħafna x’jagħmlu, u forsi jħossu li m’għandhomx ħin u enerġija biex jagħmlu dawn l-affarijiet. Imma għala huwa importanti ħafna li jsibu l-ħin? Għax Ġeħova jrid li kull wieħed u waħda minna jibni u jżomm ħbiberija miegħu.—Atti 17:27.
7. X’se jgħin lil mara biex tkun sottomessa lejn żewġha?
7 Huwa normali li mara jaf ikollha tagħmel sforz biex tkun sottomessa lejn ir-raġel imperfett tagħha. Però, hi se ssibha iktar faċli biex twettaq l-inkarigu li Ġeħova taha jekk tifhem u taċċetta l-prinċipji Skritturali għala għandha tkun sottomessa lejn żewġha.
MARA GĦALA GĦANDHA TAGĦŻEL LI TKUN SOTTOMESSA LEJN ŻEWĠHA?
8. Skont Efesin 5:22-24, għala mara Kristjana għandha tagħżel li tkun sottomessa lejn żewġha?
8 Mara Kristjana tagħżel li tkun sottomessa lejn żewġha għax Ġeħova hekk jitlob minnha. (Aqra Efesin 5:22-24.) Hi tafda lil Missierha tas-sema għax taf li hu jħobbha u mhux se jitlobha tagħmel xi ħaġa li ma tkunx tajba għaliha.—Dt. 6:24; 1 Ġw. 5:3.
9. X’jiġri meta mara tobdi lil Ġeħova billi tirrispetta l-awtorità taʼ żewġha?
9 Id-dinja tħeġġeġ lin-nisa biex jinjoraw il-livelli taʼ Ġeħova. Ukoll, tpinġi s-sottomissjoni bħala xi ħaġa li tbaxxi lin-nisa. Bla dubju, dawk li jippromwovu dawn l-ideat ma jafux lil Alla tagħna kollu mħabba. Ġeħova qatt mhu se jagħti kmand li jbaxxi lill-aħwa nisa li huma prezzjużi għalih. Oħt li taħdem iebes biex tobdi lil Ġeħova billi tkun sottomessa lejn żewġha se tgħin biex ikollha l-paċi fil-familja. (Salm 119:165) Se tibbenefika hi, ir-raġel, u t-tfal tagħha.
10. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn dak li qalet Carol?
10 Mara li hija sottomessa lejn żewġha li hu imperfett turi li tħobb u tirrispetta lil Ġeħova, il-wieħed li għamel dan l-arranġament. Carol, li tgħix l-Amerika t’Isfel, tgħid: “Jien naf li żewġi se jiżbalja. Naf ukoll li l-mod kif nittrattah meta jiżbalja juri kemm napprezza l-ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova. Għalhekk, nipprova nibqaʼ sottomessa għax irrid nogħġob lil Missieri tas-sema.”
11. X’jgħin lil oħt jisimha Aneese biex taħfer, u x’nitgħallmu minn dak li qalet?
11 Jistaʼ jkun diffiċli għal mara li tirrispetta u tkun sottomessa lejn żewġha jekk hi tħoss li hu ma jagħtix kas is-sentimenti tagħha. Imma ara x’tagħmel oħt jisimha Aneese meta jiġrilha hekk. Hi tgħid: “Nipprova ma nirrabjax u niftakar li kulħadd jiżbalja. Inżomm f’moħħi li għandi naħfer mill-qalb bħalma jagħmel Ġeħova. Meta naħfer, nerġaʼ nħossni kalma.” (Salm 86:5) Mara li tkun lesta li taħfer, spiss se ssibha eħfef biex tkun sottomessa.
X’NITGĦALLMU MILL-EŻEMPJI FIL-BIBBJA?
12. X’eżempji fiha l-Bibbja?
12 Xi wħud jaħsbu li meta persuna tkun sottomessa tkun dgħajfa. Imma dan mhux veru. Il-Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ wħud li minkejja li kellhom karattru
sod kienu sottomessi. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minn Ġesù, Abigajl, u Marija.13. Ġesù għala jirrispetta l-awtorità taʼ Ġeħova? Spjega.
13 Ġesù jirrispetta l-awtorità taʼ Ġeħova, imma dan ma jfissirx li hu mhux kapaċi jew mhux intelliġenti. Fil-fatt, il-mod sempliċi u ċar kif Ġesù kien jgħallem juri li kien intelliġenti ħafna. (Ġw. 7:45, 46) Ġeħova kien jaf li Ġesù kien kapaċi ħafna tant li ħallieh jaħdem miegħu meta ħalaq kollox fis-sema u fuq l-art. (Prov. 8:30; Ebr. 1:2-4) U wara li Ġeħova rxoxta lil Ġesù, hu tah “kull awtorità fis-sema u fuq l-art.” (Mt. 28:18) Għalkemm Ġesù kapaċi ħafna, hu xorta jistaqsi lil Ġeħova għall-gwida. Għala? Għax iħobb lil Missieru.—Ġw. 14:31.
14. Raġel miżżewweġ x’jistaʼ jitgħallem (a) minn kif Ġeħova jqis lin-nisa? (b) minn Proverbji 31?
14 Raġel miżżewweġ x’jistaʼ jitgħallem? L-arranġament taʼ Ġeħova biex mara tkun sottomessa lejn żewġha ma jfissirx li Ġeħova jqis lin-nisa inferjuri mill-irġiel. Ġeħova wera dan meta hu stess għażel irġiel kif ukoll nisa biex imexxu maʼ Ġesù. (Gal. 3:26-29) Ġeħova wera li jafda lil Ibnu meta fdah b’awtorità. Bl-istess mod, raġel għaqli mhux se jiddejjaq jagħti xi responsabbiltajiet lill-mara tiegħu. Il-Bibbja tiddeskrivi affarijiet li mara kapaċi tagħmel. Pereżempju, hi taf tieħu ħsieb id-dar tagħha, taf tixtri jew tbigħ propjetà, u taf taħdem fin-negozju. (Aqra Proverbji 31:15, 16, 18.) Hi mhix skjava, u għalhekk għandha dritt tagħti l-opinjoni tagħha. B’hekk, ir-raġel tagħha jafdaha u jismaʼ l-ideat tagħha. (Aqra Proverbji 31:11, 26, 27.) Meta raġel jirrispetta lil martu b’dan il-mod, hi se tieħu pjaċir tkun sottomessa.
15. Mara miżżewġa x’tistaʼ titgħallem minn Ġesù?
15 Mara miżżewġa x’tistaʼ titgħallem? Minkejja li Ġesù għamel affarijiet kbar, hu ma jħossux inferjuri għax jissottometti ruħu għall-awtorità taʼ Ġeħova. (1 Kor. 15:28; Flp. 2:5, 6) Bl-istess mod, mara kapaċi li ssegwi l-eżempju taʼ Ġesù mhux se tħossha inferjuri għax tkun sottomessa lejn żewġha. Hi tappoġġja lil żewġha mhux biss għax tħobbu imma wkoll għax tħobb u tirrispetta lil Ġeħova.
16. Skont l-1 Samwel 25:3, 23-28, liema sfidi ffaċċjat Abigajl? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
16 Abigajl kellha raġel jismu Nabal. Hu kien egoist, kburi, u ma japprezza xejn. Kieku riedet ittemm iż-żwieġ tagħha, Abigajl setgħet ħalliet lil David joqtol lil Nabal, imma ma għamlitx hekk. Minflok, hi għamlet dak li setgħet biex tipproteġi lil Nabal u lil taʼ darha. Immaġina l-kuraġġ li wriet biex tmur quddiem 400 raġel armat u tkellem lil David b’rispett. Hi kienet lesta wkoll tieħu t-tort tal-iżball li għamel żewġha. (Aqra l-1 Samwel 25:3, 23-28.) David mill-ewwel irrealizza li Ġeħova kien qed juża lil din il-mara kuraġġuża biex twaqqfu milli jagħmel żball kbir.
17. Raġel miżżewweġ x’jistaʼ jitgħallem mir-rakkont taʼ David u Abigajl?
17 Raġel miżżewweġ x’jistaʼ jitgħallem? Abigajl kienet mara għaqlija. David għamel sew meta semaʼ mill-parir tagħha. U grazzi għal dan, hu ma qatel lil ħadd innoċenti. Bl-istess mod, raġel għaqli se jismaʼ u jikkunsidra l-opinjoni taʼ martu qabel ma jieħu deċiżjoni importanti. Jistaʼ jkun li l-opinjoni tagħha tgħinu jevita jieħu deċiżjoni ħażina.
18. Mara miżżewġa x’tistaʼ titgħallem mill-eżempju taʼ Abigajl?
1 Pt. 3:1, 2) Imma anki jekk ir-raġel jiddeċiedi li ma jaqdix lil Ġeħova, Ġeħova se jkun ferħan bil-lealtà tagħha meta jara li qed tobdi lil żewġha.
18 Mara miżżewġa x’tistaʼ titgħallem? Mara li tħobb u tirrispetta lil Ġeħova jistaʼ jkollha effett tajjeb fuq il-familja tagħha, anki jekk ir-raġel ma jaqdix lil Ġeħova jew ma jgħixx skont il-prinċipji tiegħu. Hi mhux se tipprova ttemm iż-żwieġ tagħha. Minflok, billi turi rispett u tkun ubbidjenti, hi tistaʼ tħajjar lir-raġel tagħha jitgħallem dwar Ġeħova. (19. Oħt meta m’għandhiex tobdi lil żewġha?
19 Oħt sottomessa lejn żewġha mhix se tappoġġa lir-raġel tagħha jekk hu jitlobha tagħmel xi ħaġa li tmur kontra l-liġijiet jew il-prinċipji tal-Bibbja. Ejja ngħidu li raġel mhux Xhud jitlob lil martu tigdeb, tisraq, jew tagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. Il-Kristjani kollha, inkluż l-aħwa nisa miżżewġin, l-ewwel għandhom jobdu lil Alla Ġeħova. Jekk oħt tiġi mitluba biex tikser il-prinċipji tal-Bibbja, hi għandha tirrifjuta u tispjega b’mod sod imma b’rispett għala ma tistax tagħmel dak li jrid hu.—Atti 5:29.
20. Kif nafu li Marija kellha ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova?
20 Marija kellha ħbiberija b’saħħitha maʼ Ġeħova. Hi kienet taf l-Iskrittura sew. Waqt konversazzjoni li kellha maʼ Eliżabetta, omm Ġwanni l-Battista, Marija kkwotat mill-Iskrittura Ebrajka iktar minn 20 darba. (Lq. 1:46-55) U aħseb dwar dan: Għalkemm Marija kienet se tiżżewweġ lil Ġużeppi, l-anġlu taʼ Ġeħova deher lilha l-ewwel. L-anġlu l-ewwel kellem direttament lil Marija u qalilha li kien se jkollha tifel u dan kien se jkun l-Iben t’Alla. (Lq. 1:26-33) Ġeħova kien jafha sew lil Marija u kien ċert li kienet se tħobb u tieħu ħsieb lil Ibnu. U aħna m’għandniex dubju li Marija baqgħet issaħħaħ il-ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova anki wara li Ġesù miet u ġie rxoxtat għas-sema.—Atti 1:14.
21. Raġel miżżewweġ x’jistaʼ jitgħallem minn dak li tgħid il-Bibbja dwar Marija?
21 Raġel miżżewweġ x’jistaʼ jitgħallem? Raġel għaqli jkun ferħan meta l-mara tiegħu tkun taf l-Iskrittura sew. Hu ma jiddejjaqx jew jaħseb li hi trid tkun aħjar minnu. Hu jirrealizza li jekk il-mara tiegħu tkun taf il-Bibbja u l-prinċipji tagħha, hi tistaʼ tgħin lill-familja. Però, anki jekk il-mara taf iżjed skola, hija r-responsabbiltà tar-raġel li jieħu ħsieb il-qima bħala familja u attivitajiet teokratiċi oħra.—22. Mara miżżewġa x’tistaʼ titgħallem minn Marija?
22 Mara miżżewġa x’tistaʼ titgħallem? Mara għandha tkun sottomessa lejn żewġha, imma hi xorta għandha r-responsabbiltà biex iżżomm il-fidi tagħha b’saħħitha. (Gal. 6:5) Għalhekk, hi għandha ssib il-ħin għall-istudju persunali tagħha u l-meditazzjoni. Dan se jgħinha biex iżżomm l-imħabba u r-rispett lejn Ġeħova u biex issib il-ferħ meta tkun sottomessa lejn żewġha.
23. Nisa li huma sottomessi lejn l-irġiel tagħhom, kif jibbenefikaw huma, il-familja tagħhom, u l-kongregazzjoni?
23 Nisa li jibqgħu sottomessi lejn ir-raġel tagħhom għax iħobbu lil Ġeħova, se jkunu iktar ferħanin u kuntenti minn dawk li ma jappoġġjawx l-arranġament taʼ Ġeħova. Ukoll, huma taʼ eżempju tajjeb għat-tfajliet u l-ġuvintur. U jgħinu biex ikun hemm l-imħabba u l-paċi mhux biss fil-familja imma anki fil-kongregazzjoni. (Titu 2:3-5) Illum, il-biċċa l-kbira mill-qaddejja taʼ Ġeħova huma nisa. (Salm 68:11) Ilkoll kemm aħna, kemm irġiel u kemm nisa, nistgħu ngħinu biex fil-kongregazzjoni tagħna jkun hemm il-ferħ. Fl-artiklu li jmiss se niddiskutu kif nistgħu nagħmlu dan.
GĦANJA 131 “Dak li Alla għaqqad flimkien”
^ par. 5 Ġeħova għamel arranġament biex mara miżżewġa tkun sottomessa lejn ir-raġel tagħha. Imma dan x’jinvolvi? Irġiel u nisa Kristjani miżżewġin jistgħu jitgħallmu ħafna dwar l-ubbidjenza u kif jirrispettaw l-awtorità mill-eżempju taʼ Ġesù u taʼ xi nisa li jissemmew fil-Bibbja.