Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 17

Int Prezzjuż Ħafna għal Ġeħova!

Int Prezzjuż Ħafna għal Ġeħova!

“Ġeħova qed jieħu pjaċir bil-​poplu tiegħu.”—SALM 149:4.

GĦANJA 108 L-​imħabba leali t’Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

Missierna tas-​sema “jieħu pjaċir” b’kull wieħed u waħda minna (Ara paragrafu 1)

1. Ġeħova x’jinnota fina?

ALLA ĠEĦOVA “jieħu pjaċir bil-​poplu tiegħu.” (Salm 149:4) Kemm hi xi ħaġa sabiħa din! Ġeħova jara l-​kwalitajiet sbieħ li għandna, x’persuni nistgħu nsiru, u jgħinna biex insiru l-​ħbieb tiegħu. Jekk nibqgħu leali lejh, hu se jibqaʼ l-​ħabib tagħna għal dejjem!—Ġw. 6:44.

2. Xi aħwa għala jsibuha diffiċli biex jemmnu li Ġeħova jħobbhom?

2 Xi aħwa jaf jgħidu, ‘Naf li Ġeħova jħobb lill-​poplu tiegħu, imma kif nistaʼ nkun ċert li jħobb lili personalment?’ Xi wħud għala jaħsbu hekk? Oksana * batiet ħafna meta kienet żgħira. Hi tgħid: “Meta tgħammidt u bdejt naqdi bħala pijuniera kont ferħana ħafna. Imma mbagħad, 15-​il sena wara, bdew ġejjin memorji koroh taʼ meta kont żgħira. Bdejt naħseb li Ġeħova ma kienx għadu kuntent bija u ma kienx jixraqli li jħobbni.” Oħt pijuniera jisimha Yua wkoll għaddiet minn sitwazzjoni simili meta kienet żgħira. Hi tgħid: “Jien tgħammidt biex nagħmel lil Ġeħova ferħan. Imma kont ċerta li Ġeħova lili ma setax iħobbni.”

3. X’se nitgħallmu f’dan l-​artiklu?

3 Jistaʼ jkun li int tħossok bħal dawn l-​aħwa li semmejna, li għalkemm inti tħobbu ħafna lil Ġeħova, għandek id-​dubji jekk hu jħobbokx. Għala hu importanti li tkun konvint li Ġeħova jimpurtah minnek? U x’jistaʼ jgħinek meta tibda taħseb li Ġeħova ma jħobbokx? Ejja naraw it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet.

LI NAĦSBU LI ĠEĦOVA MA JĦOBBNIEX HU PERIKOLUŻ

4. Għala hu perikoluż jekk naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex?

4 Jekk inkunu konvinti li Ġeħova jħobbna, aħna se nkunu rridu nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex naqduh anki meta jkun diffiċli. Imma jekk nibdew niddubitaw jekk Ġeħova jimpurtahx minna, ‘ma tantx se jkollna qawwa.’ (Prov. 24:10) U meta nħossuna skuraġġiti u nibdew naħsbu li Alla ma jħobbniex, se jkun iktar faċli għal Satana biex jattakkana.—Efes. 6:16.

5. Xi ġralhom xi aħwa li ħasbu li Alla ma jħobbhomx?

5 Xi aħwa bdew jaħsbu li Ġeħova ma jħobbhomx, u għalhekk il-​fidi tagħhom ma baqgħetx b’saħħitha. Anzjan jismu James qal: “Għalkemm kont qed naqdi f’Betel u nieħu pjaċir nipprietka b’lingwa barranija, ma kontx ċert jekk Ġeħova kienx ferħan b’dak li kont qed nagħmel. Bdejt niddubita wkoll jekk Ġeħova kienx qed jismaʼ t-​talb tiegħi.” Eva, li taqdi fis-​servizz full-​time, tgħid: “Tgħallimt li hu perikoluż li naħsbu li Ġeħova ma jimpurtahx minna għax dan jaffettwa dak kollu li nagħmlu għalih. Dan jistaʼ jwaqqafna milli nkunu rridu nagħmlu iktar għal Ġeħova u jtellfilna l-​ferħ.” Michael, li hu anzjan u pijunier, jgħid: “Jekk taħseb li Alla ma jimpurtahx minnek, se titbiegħed minnu.”

6. X’għandna nagħmlu meta nibdew naħsbu li Alla ma jħobbniex?

6 Dawn l-​esperjenzi juru kemm hu perikoluż għall-​fidi tagħna li nibdew naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex. Imma xi rridu nagħmlu jekk nibdew naħsbu hekk? Aħna rridu nkeċċu dawn il-​ħsibijiet mill-​ewwel! Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tneħħi l-​ħsibijiet li qed jinkwetawk, u minflok, jagħtik il-​paċi li ‘tgħasses lil qalbek.’ (Salm 139:23; Flp. 4:6, 7) U tinsiex, m’intix waħdek. Hemm aħwa oħrajn li qed iħossuhom bħalek. U anki fil-​passat kien hemm qaddejja taʼ Ġeħova li ħassewhom skuraġġiti. Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tal-​appostlu Pawlu.

X’NITGĦALLMU MILL-​EŻEMPJU TAʼ PAWLU

7. Xi problemi kellu Pawlu?

7 Ġieli tħossok li għandek ħafna responsabbiltajiet u ma tistax tlaħħaq magħhom? Jekk iva, tistaʼ tifhem lill-​appostlu Pawlu. Hu ma ħassux inkwetat għal kongregazzjoni waħda biss, imma “għall-​kongregazzjonijiet kollha.” (2 Kor. 11:23-​28) Jew għandek problemi taʼ saħħa li jġegħluk tħossok imdejjaq? Anki Pawlu kellu xi problema li kienet iġġiegħlu jbati. Jistaʼ jkun li kienet problema taʼ saħħa u hu xtaq li jfiq minnha. (2 Kor. 12:7-​10) Ġieli tħossok skuraġġit minħabba l-​iżbalji li tagħmel? Anki Pawlu ġieli ħassu hekk. Hu qal li kien “bniedem miżerabbli” minħabba li kellu jiġġieled il-​ħin kollu biex jagħmel dak li hu tajjeb.—Rum. 7:21-​24.

8. X’għen lil Pawlu jissaporti l-​problemi tiegħu?

8 Minkejja li Pawlu kellu jissaporti dawn il-​problemi kollha, hu baqaʼ jaqdi lil Ġeħova. Għala? Għax minkejja li hu kien konxju tan-​nuqqasijiet tiegħu, hu kellu fidi soda fil-​fidwa. Hu kien jaf ukoll bil-​wegħda taʼ Ġesù li “kulmin jeżerċita l-​fidi [f’Ġesù]. . . jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16; Rum. 6:23) Iva, Pawlu kellu fidi soda fil-​fidwa. Hu kien konvint li Ġeħova lest li jaħfer anki lil dawk li għamlu dnubiet serji jekk jiddispjaċihom.—Salm 86:5.

9. X’nitgħallmu mill-​kliem taʼ Pawlu li nsibu f’​Galatin 2:20?

9 Pawlu kellu fidi li Alla jħobbu għax Alla kien bagħat lil Ġesù biex imut għalih. (Aqra Galatin 2:20.) Innota x’qal Pawlu fl-​aħħar tal-​vers: “L-​Iben t’Alla . . . ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.” Pawlu ma ħasibx li minħabba l-​iżbalji tiegħu, Alla ma setax iħobbu. Hu qatt ma rraġuna, ‘Naf li Ġeħova jħobb lill-​aħwa, imma ma jistax ikun li jħobb lili.’ Pawlu fakkar lir-​Rumani: “Waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rum. 5:8) Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Alla milli jħobbna!

10. X’nitgħallmu minn Rumani 8:38, 39?

10 Aqra Rumani 8:38, 39. Pawlu kien konvint mill-​imħabba t’Alla. Hu kiteb li xejn “ma jistaʼ jifridna mill-​imħabba t’Alla.” Pawlu kien jaf kemm Ġeħova kien paċenzjuż mal-​Iżraelin. Hu kien jaf ukoll kemm Ġeħova kien ħanin miegħu. Fi kliem ieħor, Pawlu kien qed jgħid, ‘La Ġeħova bagħat lil Ibnu biex imut għalija, jien ċert li hu jħobbni.’—Rum. 8:32.

L-​iktar ħaġa importanti għal Ġeħova hi dak li nagħmlu issa u fil-​futur, mhux l-​iżbalji li għamilna fil-​passat (Ara paragrafu 11) *

11. Pawlu għala kien ċert li Alla jħobbu minkejja l-​iżbalji li għamel?

11 Aqra l-​1 Timotju 1:12-​15. Żgur li kien hemm xi żmien meta l-​appostlu Pawlu ħassu mdejjaq ħafna minħabba l-​passat tiegħu. Mhux taʼ b’xejn li hu qal li kien ‘l-​iktar wieħed li jispikka’ mill-​midinbin! Qabel tgħallem il-​verità, Pawlu kien jippersegwita lill-​Kristjani f’belt wara oħra. Hu appoġġja lil dawk li kienu joqtlu lill-​Kristjani. (Atti 26:10, 11) Tistaʼ timmaġina kif Pawlu setaʼ ħassu kieku ltaqaʼ maʼ żagħżugħ Kristjan li l-​ġenituri tiegħu kienu nqatlu minħabba fih? Żgur li hu kien jiddispjaċih għall-​iżbalji li għamel. Però, hu kien jaf li ma jistax ibiddel il-​passat tiegħu. Hu emmen li Kristu miet għalih. Fil-​fatt qal: “Bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jien dak li jien.” (1 Kor. 15:3, 10) X’inhi l-​lezzjoni? Inti trid tkun konvint li Ġesù miet għalik u għamilha possibbli biex ikollok ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova. (Atti 3:19) L-​iktar ħaġa importanti għal Ġeħova hi dak li nagħmlu issa u fil-​futur, mhux l-​iżbalji li għamilna fil-​passat, kemm jekk konna Xhieda tiegħu u kemm jekk le.—Is. 1:18.

12. Il-​kliem li nsibu fl-​1 Ġwanni 3:19, 20 kif jgħinna meta nħossuna li m’aħniex maħbubin jew li ma niswew għal xejn?

12 Meta taħseb dwar dak li Ġesù għamel għalik, forsi tgħid, ‘Jien ma ħaqqnix dan ir-​rigal prezzjuż.’ Għala jaf tħossok b’dan il-​mod? Għax il-​qalb imperfetta tagħna tistaʼ ġġegħelna nħossu li ma jħobbna ħadd jew ma niswew għal xejn. (Aqra l-​1 Ġwanni 3:19, 20.) Meta jiġuna dawn il-​ħsibijiet irridu niftakru li “Alla hu akbar minn qlubna.” Anki jekk tħoss li Alla ma jħobbokx u li mhux se jaħfirlek, kun ċert li jħobbok u se jaħfirlek. Irridu nitgħallmu nemmnu li Ġeħova jħobbna. Biex nagħmlu dan irridu nistudjaw il-​Kelma tiegħu spiss, nitolbu b’mod regulari, u nqattgħu l-​ħin mal-​aħwa. Għala huwa importanti li nagħmlu dan?

L-​ISTUDJU TAL-​BIBBJA, IT-​TALB, U L-​AĦWA KIF JISTGĦU JGĦINUNA?

13. Il-​qari tal-​Bibbja kif jistaʼ jgħinna? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Il-​Bibbja Kif Tgħinhom?”)

13 Studja l-​Bibbja kuljum, u b’hekk titgħallem iktar dwar il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova. Se tifhem ukoll kemm iħobbok. Meta taqra l-​Bibbja kuljum u timmedita fuqha se jgħinek biex “tikkoreġi” lil moħħok u lil qalbek. (2 Tim. 3:16) Anzjan jismu Kevin li kellu jiġġieled maʼ sentimenti negattivi jgħid: “Meta qrajt Salm 103 u qgħadt nimmedita fuqu stajt nifhem kif Ġeħova jaħsibha dwari.” Eva, li semmejna qabel, tgħid: “Fl-​aħħar tal-​ġurnata, jien noqgħod nimmedita fuq dak li hu importanti għal Ġeħova. Dan jgħinni biex inħossni kuntenta u nsaħħaħ il-​fidi tiegħi.”

14. It-​talb kif jistaʼ jgħinna?

14 Itlob spiss. (1 Tess. 5:17) Biex issir ħabib taʼ xi ħadd trid titkellem miegħu spiss u tiftaħ qalbek miegħu. U l-​istess irridu nagħmlu maʼ Ġeħova. Meta niftħu qalbna miegħu u ngħidulu x’qed jinkwetana u kif qed inħossuna, inkunu qed nuruh li għandna fiduċja fih u nafu li hu jħobbna. (Salm 94:17-​19; 1 Ġw. 5:14, 15) Yua, li semmejna qabel, tgħid: “Meta nitlob lil Ġeħova, ma ngħidlux biss dak li jkun ġrali matul il-​ġurnata. Ngħidlu wkoll dak li nkun qed naħseb u nħoss. Maż-​żmien, bdejt inqis lil Ġeħova bħala Missier li jħobb lit-​tfal tiegħu.”—Ara l-​kaxxa “ Qrajtu Int?

15. Ġeħova kif juri li jinteressah minna?

15 Qattaʼ l-​ħin mal-​aħwa leali għax huma rigal mingħand Ġeħova. (Ġak. 1:17) Missierna tas-​sema juri li jinteressah minna billi jagħtina aħwa fil-​kongregazzjoni li ‘jħobbuna l-​ħin kollu.’ (Prov. 17:17) Fl-​ittra tiegħu lill-​Kolossin, l-​appostlu Pawlu semma xi Kristjani li kienu t’għajnuna kbira għalih. (Kol. 4:10, 11) Anki Kristu Ġesù kellu bżonn u apprezza l-​għajnuna li rċieva mingħand il-​ħbieb tiegħu u l-​anġli.—Lq. 22:28, 43.

16. L-​aħwa kif jistgħu jgħinuna nersqu eqreb taʼ Ġeħova?

16 Tfittex int u taċċetta l-​għajnuna mingħand l-​aħwa? Meta nitkellmu maʼ ħu jew oħt matura dwar il-​problemi tagħna ma jfissirx li m’għandniex fidi soda, anzi dan jistaʼ jkun taʼ protezzjoni għalina. James, li semmejna qabel, qal hekk: “Ħbiberija tajba maʼ aħwa maturi għenitni ħafna. Meta jkolli ħsibijiet negattivi, dawn l-​aħwa jisimgħuni u jgħiduli li jħobbuni. Meta jagħmlu hekk nara kemm Ġeħova jħobbni u jieħu ħsiebi.” Għalhekk, hu importanti ħafna li nsiru ħbieb sew mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni!

IBQAʼ FL-​IMĦABBA T’ALLA

17-18. Minn min għandna nisimgħu, u għala?

17 Satana jridna naqtgħu qalbna u nċedu għal dak li hu ħażin. Satana jridna naħsbu li Ġeħova ma jħobbniex u li aħna ma jixirqilniex li niġu salvati. Imma kif rajna matul dan l-​artiklu, dan mhux vera.

18 Ġeħova jħobbok u int prezzjuż ħafna għalih. Jekk tobdih, int se tibqaʼ fl-​imħabba tiegħu għal dejjem, bħalma għamel Ġesù. (Ġw. 15:10) Mela tismax minn qalbek jew minn Satana meta jgħidlek li Alla ma jħobbokx. Minflok, ismaʼ minn Ġeħova li jinnota t-​tajjeb taʼ kull wieħed u waħda minna. Kun konvint li Ġeħova “jieħu pjaċir bil-​poplu tiegħu,” u bik ukoll!

GĦANJA 141 Il-​miraklu tal-​ħajja

^ par. 5 Xi aħwa jsibuha diffiċli biex jemmnu li Ġeħova jħobbhom. F’dan l-​artiklu se naraw kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jħobb lil kull wieħed u waħda minna. Se naraw ukoll kif nistgħu nkunu konvinti li Ġeħova jħobbna.

^ par. 2 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Qabel ma sar jaf bil-​verità, l-​appostlu Pawlu ppersegwita u tefaʼ fil-​ħabs lil ħafna Kristjani. Meta aċċetta dak li Ġesù għamel għalih, hu nbidel u beda jinkuraġġixxi lill-​aħwa. Uħud minnhom setgħu kienu jiġu minn dawk li ppersegwita qabel.