Infittxu r-rikkezzi veri
“Agħmlu għalikom ħbieb permezz taʼ l-għana mhux ġust.”—LUQA 16:9.
1, 2. F’din is-sistema, għala dejjem se jkun hawn xi nies foqra?
ILLUM, is-sistema ekonomika hi kiefra u inġusta. Pereżempju, għal ħafna żgħażagħ huwa diffiċli biex isibu xogħol. Xi nies jirriskjaw ħajjithom biex imorru joqogħdu f’pajjiżi sinjuri. U anke f’pajjiżi sinjuri, hemm ħafna nies foqra. Madwar id-dinja, is-sinjuri qed jistagħnew iktar waqt li l-foqra qed jiftaqru iktar. Skont stimi reċenti, il-1 fil-mija tan-nies li huma l-iktar sinjuri għandhom flus daqs il-kumplament tad-99 fil-mija f’daqqa. Biċ-ċar, waqt li xi nies għandhom biżżejjed flus biex iservuhom għal mijiet taʼ snin, biljuni oħra huma foqra ħafna. Ġesù wera li kien jaf dan meta qal: “Il-foqra dejjem magħkom.” (Marku 14:7) Għala teżisti inġustizzja bħal din?
2 Ġesù kien jaf li s-Saltna t’Alla biss setgħet tbiddel is-sistema kummerċjali taʼ did-dinja. Il-Bibbja turi li “l-merkanti,” jew is-sistema kummerċjali, flimkien mas-sistemi politiċi u reliġjużi, huma parti mid-dinja taʼ Satana. (Rivelazzjoni 18:3) Il-poplu t’Alla jistaʼ jissepara kompletament minn mal-politika u r-reliġjon falza. Madankollu, il-biċċa l-kbira mill-poplu t’Alla ma jistax jissepara kompletament minn mal-parti kummerċjali tad-dinja taʼ Satana.
3. Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
3 Bħala Kristjani, għandna bżonn neżaminaw l-attitudni li għandna lejn is-sistema kummerċjali tad-dinja. Biex nagħmlu dan nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Kif nistaʼ nuża l-affarijiet materjali tiegħi biex nuri li jien leali lejn Alla? Kif nistaʼ nsir inqas involut fid-dinja kummerċjali? Liema esperjenzi juru li l-poplu t’Alla llum jafda fih kompletament?’
L-ISTORJA TAL-PROKURATUR LI MA KIENX RAĠEL SEWWA
4, 5. (a) Xi ġralu l-prokuratur fl-istorja taʼ Ġesù? (b) Ġesù x’qalilhom jagħmlu lis-segwaċi tiegħu?
4 Aqra Luqa 16:1-9. L-istorja taʼ Ġesù dwar il-prokuratur li ma kienx raġel sewwa għandha ġġegħelna lkoll nieqfu u naħsbu. Il-prokuratur kien akkużat li berbaq il-ġid taʼ sidu, u dan iddeċieda li jkeċċih. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Imma l-prokuratur uża “l-għaqal taʼ moħħu,” jew l-għerf prattiku. Qabel ma telaq l-impjieg tiegħu, hu għamel ħbieb maʼ nies li maż-żmien setgħu jgħinuh. Ġesù ma qalx din l-istorja għax ried lid-dixxipli tiegħu jaġixxu inġustament sabiex ikunu jistgħu jkampaw. In-nies tad-dinja jagħmlu hekk. Minflok, Ġesù uża din l-istorja biex jgħallem lezzjoni importanti ħafna.
5 Ġesù kien jaf li bħalma l-prokuratur f’daqqa waħda ġie f’sitwazzjoni diffiċli, il-biċċa l-kbira mis-segwaċi tiegħu kienu se jsibuha diffiċli ħafna jmantnu lilhom infushom f’did-dinja inġusta. Allura qalilhom: “Agħmlu għalikom ħbieb permezz taʼ l-għana mhux ġust.” Dan il-kliem jinkuraġġina biex nagħmlu ħbieb maʼ Ġeħova u Ġesù permezz tal-għana jew rikkezzi tagħna. Għala? Ħalli meta dawn ir-rikkezzi jispiċċaw, dawn il-ħbieb, Ġeħova u Ġesù, “jilqgħukom fl-għamajjar taʼ dejjem.” X’nistgħu nitgħallmu mill-parir taʼ Ġesù?
6. Kif nafu li s-sistema kummerċjali tal-lum ma kinitx parti mill-iskop t’Alla?
6 Għalkemm Ġesù ma jispjegax għala jsejjaħ l-affarijiet materjali ‘mhux ġusti,’ il-Bibbja tagħmilha ċara illi li tagħmel ħafna flus mill-affarijiet ma kienx parti mill-iskop t’Alla. Pereżempju, Ġeħova b’mod ġeneruż ta lil Adam u Eva iktar milli kellhom bżonn fil-ġnien tal-Għeden. (Ġenesi 2:15, 16) Iktar tard, meta Alla ta l-ispirtu qaddis lill-midlukin tiegħu, “ħadd minnhom ma kien jgħid li dak li kellu kien tiegħu; imma kienu jaqsmu kollox bejniethom.” (Atti 4:32) Il-profeta Isaija qal li kien se jkun hemm żmien meta kull bniedem kien se jgawdi bl-abbundanza kulma tipproduċi l-art. (Isaija 25:6-9; 65:21, 22) Imma sa ma jasal dak iż-żmien, is-segwaċi taʼ Ġesù kien se jkollhom bżonn ‘l-għaqal taʼ moħħhom.’ Kien se jkollhom bżonn jgħixu billi jużaw l-affarijiet materjali taʼ din id-dinja li huma inġusti u, fl-istess ħin, jipprovaw ukoll jogħġbu lil Alla.
UŻU GĦAQLI TAL-GĦANA MHUX ĠUST
7. Ġesù liema parir jagħti f’Luqa 16:10-13?
7 Aqra Luqa 16:10-13. Il-prokuratur fl-istorja taʼ Ġesù għamel ħbieb għax kien jaqbillu. Madankollu, Ġesù ried lis-segwaċi tiegħu jagħmlu ħbieb fis-sema għal skopijiet mhux egoisti. Hu riedna nifhmu li l-mod taʼ kif nużaw ir-rikkezzi mhux ġusti tagħna jistaʼ juri jekk aħniex leali lejn Alla. Kif nistgħu nagħmlu dan?
8, 9. Agħti eżempji taʼ kif xi wħud qed juru lealtà fl-użu tagħhom tar-rikkezzi li mhumiex ġusti.
8 Mod wieħed kif nuru li aħna leali bl-affarijiet materjali tagħna hu billi nagħtu donazzjonijiet għax-xogħol tal-ippritkar madwar id-dinja li Ġesù bassar li kien se jsir. (Mattew 24:14) Tifla żgħira fl-Indja żammet karus u bil-mod il-mod żiedet il-muniti fih. Hi saħansitra waqfet tixtri l-ġugarelli sabiex tagħmel dan. Meta l-karus imtela, hi tat il-flus kollha li kienet ġemmgħet biex jintużaw għax-xogħol tax-xandir. Ħu fl-Indja għandu farm tal-coconuts. Hu ta ħafna coconuts bħala donazzjoni lill-uffiċċju tat-traduzzjoni fil-Malayalam. Peress li l-aħwa tal-uffiċċju jkollhom bżonn jixtru l-coconuts, hu ħass li d-donazzjoni tiegħu kellha iktar valur milli kieku ta l-flus. Dan hu għerf prattiku. B’mod simili, aħwa fil-Greċja regolarment jagħtu bħala donazzjoni żejt taż-żebbuġa, ġobon, u ikel ieħor lill-familja taʼ Betel.
9 Ħu ieħor għamel il-proprjetà tiegħu fis-Sri Lanka disponibbli għal-laqgħat u l-assembleat u biex qaddejja full-time ikunu jistgħu joqogħdu hemm. Dan hu sagrifiċċju finanzjarju għall-ħu, imma huwa t’għajnuna kbira għall-pubblikaturi t’hemm, li ma tantx għandhom flus. F’postijiet fejn ix-xogħol hu ristrett, aħwa jużaw djarhom bħala Swali tas-Saltna. Dan jippermetti lill-pijunieri u oħrajn li ma tantx għandhom flus sabiex ikollhom post fejn jiltaqgħu mingħajr ma jkollhom iħallsu l-kera.
Il-poplu t’Alla juża l-affarijiet materjali tiegħu għall-benefiċċju t’oħrajn
10. X’benefiċċji jkollna meta nagħtu b’ġenerożità?
10 Minn eżempji bħal dawn naraw li l-poplu t’Alla juri “fedeltà fl-inqas ħaġa.” (Luqa 16:10) Huma jużaw l-affarijiet materjali tagħhom għall-benefiċċju t’oħrajn. Dawn il-ħbieb taʼ Ġeħova kif iħossuhom dwar li jagħmlu sagrifiċċji bħal dawn? Huma ferħanin ħafna għax jafu li meta jkunu ġenerużi, huma jiksbu rikkezzi ‘veri’ fis-sema. (Luqa 16:11) Waħda oħt li tagħti donazzjonijiet b’mod regulari għax-xogħol tas-Saltna tispjega x’barka ngħatatilha matul is-snin: “Sibt li iktar ma nkun ġeneruża materjalment, iktar insir ġeneruża fl-attitudni tiegħi lejn oħrajn. Jien iktar ġeneruża f’li naħfer, f’li nkun paċenzjuża m’oħrajn, u f’li nkun kapaċi naċċetta diżappunti u pariri.” Ħafna tgħallmu li l-ġenerożità kienet taʼ benefiċċju għalihom persunalment.—Salm 112:5; Proverbji 22:9.
11. (a) Il-ġenerożità tagħna kif turi l-għerf prattiku? (b) X’inhu jiġri fost il-poplu t’Alla llum? (Ara l-ewwel stampa.)
11 Aħna nuru wkoll l-għerf prattiku meta nużaw l-affarijiet materjali tagħna biex nappoġġjaw oħrajn fil-ministeru. Imbagħad, anke jekk ma nistgħux naqdu full-time jew immorru noqogħdu fejn il-bżonn hu akbar, xorta nkunu qed ngħinu oħrajn jibbenefikaw. (Proverbji 19:17) Pereżempju, id-donazzjonijiet tagħna jgħinu biex tiġi provduta letteratura u biex jiġi appoġġjat ix-xogħol tal-ippritkar fi nħawi fqar ferm fejn ħafna qed jidħlu fil-verità. F’dawn il-pajjiżi, bħall-Kongo, il-Madagaskar, u l-Irwanda, il-Bibbji jistgħu jkunu għaljin ħafna. Xi drabi kopja waħda tiswa daqs paga taʼ ġimgħa jew xahar. Għal snin sħaħ, ħutna kellhom jiddeċiedu bejn li jixtru ikel għall-familji tagħhom u li jixtru Bibbja. Issa, minħabba d-donazzjonijiet t’oħrajn u tqassim taʼ fondi “ndaqs,” l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova tittraduċi u tqassam Bibbji bla ħlas lil kull membru tal-familja kif ukoll lill-istudenti tal-Bibbja. (Aqra t-2 Korintin 8:13-15.) Allura kemm dawk li jagħtu u kemm dawk li jirċievu jistgħu jsiru ħbieb taʼ Ġeħova.
KIF NISTGĦU NSIRU INQAS INVOLUTI FID-DINJA KUMMERĊJALI?
12. Abraham kif wera li fada f’Alla?
12 Aħna nistgħu wkoll insiru ħbieb taʼ Ġeħova meta nsiru inqas involuti fid-dinja kummerċjali u nfittxu rikkezzi ‘veri.’ Ir-raġel leali Abraham hekk għamel. Hu obda lil Ġeħova u telaq mill-belt sinjura ħafna taʼ Ur sabiex jgħix fit-tined għax ried ikun ħabib taʼ Ġeħova. (Ebrej 11:8-10) Minflok ma fada fl-affarijiet materjali, hu dejjem fada f’Alla. (Ġenesi 14:22, 23) Ġesù ħeġġeġ oħrajn biex jimitaw din it-tip taʼ fidi. Darba minnhom, lil żagħżugħ sinjur qallu hekk: “Jekk trid tkun perfett, mur bigħ dak li għandek u agħti lill-foqra u jkollok teżor fis-sema, u ejja kun segwaċi tiegħi.” (Mattew 19:21) Dan iż-żagħżugħ ma kellux fidi bħal t’Abraham. Imma kien hemm nies oħra li fdaw f’Alla.
13. (a) Pawlu liema parir ta lil Timotju? (b) Illum kif nistgħu napplikaw il-parir taʼ Pawlu?
13 Timotju kien raġel taʼ fidi. Wara li Pawlu sejjaħ lil Timotju “suldat tajjeb taʼ Kristu Ġesù,” hu qallu: “Ebda raġel li jaqdi bħala suldat ma jinvolvi ruħu fin-negozju tal-ħajja ċivili, sabiex jikseb l-approvazzjoni taʼ min ingaġġah bħala suldat.” (2 Timotju 2:3, 4) Is-segwaċi taʼ Ġesù llum, inkluż l-iktar minn miljun qaddej full-time, jagħmlu kulma jistgħu biex japplikaw il-parir taʼ Pawlu. Huma jirreżistu reklami taʼ tentazzjoni taʼ did-dinja rgħiba. Huma jiftakru l-prinċipju: “Min jissellef hu l-qaddej taʼ min isellfu.” (Proverbji 22:7) Satana jridna nużaw il-ħin u l-enerġija kollha tagħna sabiex naħdmu għad-dinja kummerċjali tiegħu. Xi wħud jissellfu ammonti kbar taʼ flus biex ikollhom dar, karozza, edukazzjoni, jew saħansitra biex iħallsu tieġ. Jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu nispiċċaw bid-dejn għal ħafna snin. Aħna nuru l-għaqal tal-moħħ meta nissimplifikaw ħajjitna, nevitaw id-dejn, u nonfqu inqas flus. B’dan il-mod, minflok ma nkunu skjavi tad-dinja kummerċjali tal-lum, se nkunu ħielsa biex naqdu lil Alla.—1 Timotju 6:10.
14. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu? Agħti eżempji.
14 Sabiex inżommu ħajjitna sempliċi, għandna npoġġu s-Saltna t’Alla l-ewwel. Raġel u mara miżżewġin kellhom negozju kbir li kien irendi l-flus. Minkejja dan, huma riedu jerġgħu lura għall-ministeru full-time. Allura l-koppja biegħu n-negozju, id-dgħajsa, u affarijiet materjali oħra li kellhom. Imbagħad huma vvolontarjaw biex jgħinu fil-kostruzzjoni tal-kwartieri ġenerali f’Warwick, New York. Dan kien speċjali ħafna għalihom għax kien ifisser li jaqdu f’Betel flimkien maʼ binthom u żewġha u, għal xi ġimgħat, mal-ġenituri tar-raġel tat-tifla, li ħadmu wkoll fil-proġett taʼ Warwick. Pijuniera f’Kolorado, l-Istati Uniti tal-Amerika, sabet xogħol part-time f’bank. Dawk li impjegawha tant kienu ferħanin b’xogħolha li ġiet offruta pożizzjoni full-time bit-triplu tal-paga li kellha. Madankollu, peress li x-xogħol ma kienx se jħalliha tiffoka fuq il-ministeru, hi rrifjutat din l-offerta vantaġġuża. Dawn huma biss ftit eżempji tal-ħafna sagrifiċċji li għamlu l-qaddejja taʼ Ġeħova. Meta nkunu determinati li npoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel, dan juri li l-ħbiberija t’Alla u r-rikkezzi veri huma ħafna iktar taʼ valur għalina mill-affarijiet materjali.
META R-RIKKEZZI MATERJALI JISPIĊĊAW
15. Liema rikkezzi jġibu l-ikbar sodisfazzjon?
15 Li jkollna għana materjali ma jfissirx neċessarjament li għandna l-approvazzjoni t’Alla. Ġeħova jbierek lil dawk “għonja f’għemejjel tajbin.” (Aqra l-1 Timotju 6:17-19.) Pereżempju, oħt jisimha Lucia saret taf li kien hemm bżonn taʼ predikaturi fl-Albanija. * (Ara n-nota taʼ taħt.) Allura fl-1993, telqet mill-Italja u marret toqgħod hemm. Ma kellhiex xogħol imma fdat li Ġeħova kien se jipprovdilha. Hi tgħallmet l-Albaniż u għenet iktar minn 60 persuna jiddedikaw lilhom infushom. Aħna jistaʼ ma jkollniex l-istess riżultati fit-territorju li nippritkaw fih. Imma kwalunkwe ħaġa li nagħmlu biex ngħinu oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova u jsiru ħbiebu hi xi ħaġa li se ngħożżu għal dejjem.—Mattew 6:20.
Dak li nagħmlu għal Ġeħova u s-Saltna tiegħu se jagħmilna verament ferħanin
16. (a) X’se jiġrilha s-sistema kummerċjali tal-lum? (b) Dan kif għandu jeffettwa l-ħarsa tagħna lejn affarijiet materjali?
16 Ġesù għamilha ċara li s-sistema kummerċjali tal-lum se tispiċċa. Hu qal Luqa 16:9) F’dawn l-aħħar żminijiet, xi banek fallew u xi pajjiżi kellhom problemi ekonomiċi serji. Iżda fil-futur qarib, l-affarijiet se jiggravaw. Is-sistemi politiċi, reliġjużi, u kummerċjali li jagħmlu parti mis-sistema taʼ Satana se jispiċċaw. Il-profeti Eżekjel u Sofonija bassru li d-deheb u l-fidda, li minn dejjem kienu importanti għas-sistema kummerċjali, se jsiru bla valur. (Eżekjel 7:19; Sofonija 1:18) Kif inħossuna jekk naslu lejn l-aħħar taʼ ħajjitna f’did-dinja u nirrealizzaw li nkunu ssagrifikajna rikkezzi veri għal affarijiet materjali mhux ġusti tad-dinja? Nistgħu forsi nħossuna bħal raġel li ħadem ħajtu kollha biex iġemmaʼ ħafna flus, imma mbagħad isir jaf li l-flus huma foloz. (Proverbji 18:11) L-affarijiet materjali taʼ did-dinja żgur se jispiċċaw. Allura titlifx l-opportunità biex tuża l-affarijiet materjali tiegħek biex tagħmel ħbieb fis-sema. Dak li nagħmlu għal Ġeħova u s-Saltna tiegħu se jagħmilna verament ferħanin.
‘meta jispiċċa l-għana materjali,’ mhux ‘jekk jispiċċa.’ (17, 18. Il-ħbieb t’Alla għal xiex iħarsu ’l quddiem?
17 Meta tiġi s-Saltna t’Alla, ħadd mhu se jkollu jħallas kera jew jissellef il-flus. L-ikel se jkun b’xejn u abbundanti, u mhux se jkun hemm bżonn inħallsu għal tobba jew mediċina. Il-ħbieb taʼ Ġeħova se jgawdu l-aqwa mill-prodotti tal-art. Id-deheb, il-fidda, u l-ħaġar prezzjuż se jintużaw għas-sbuħija tagħhom, mhux biex jagħmlu lil xi ħadd sinjur. Materjal taʼ kwalità tajba ħafna tal-injam, ġebel, u metall se jkun disponibbli b’xejn biex jinbnew djar sbieħ. Il-ħbieb tagħna se jgħinuna għax iridu, mhux għax inħallsuhom. Aħna se naqsmu flimkien dak kollu li l-art tipproduċi.
18 Dan hu biss parti mill-premju imprezzabbli għal dawk li jagħmlu ħbieb fis-sema. L-aduraturi taʼ Ġeħova fuq l-art se jgħajtu bil-ferħ meta jisimgħu kliem Ġesù: “Ejjew intom, imberkin minn Missieri, irtu s-saltna mħejjija għalikom mit-tisjis tad-dinja.”—Mattew 25:34.
^ par. 4 Ġesù ma qalx jekk l-akkuża kinitx vera jew le. Fil-fatt, il-kelma “xlewh” f’Luqa 16:1 tistaʼ tfisser li xi ħadd b’intenzjoni ħażina gideb dwar li l-prokuratur berbaq il-ġid taʼ sidu. Ġesù, madankollu, jiffoka fuq kif irreaġixxa l-prokuratur, u mhux fuq ir-raġunijiet għala tilef l-impjieg tiegħu.
^ par. 15 Il-bijografija taʼ Lucia Moussanett tidher fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Lulju 2003, paġni 26-30.