Nirbħu l-ġlieda tal-moħħ
INT qed tiġi attakkat! L-għadu hu Satana, u l-arma li qed juża hi qawwija ħafna. Din l-arma hija magħmula apposta biex tattakkalek moħħok, u mhux ġismek. Din x’inhi? Il-propaganda!
L-appostlu Pawlu kien jaf li l-propaganda taʼ Satana kienet perikoluża ħafna. Imma mhux il-Kristjani kollha kienu konxji tal-periklu. Pereżempju, jidher li xi wħud f’Korintu ħasbu li tant kienu sodi fil-verità li qatt ma setgħu jiġu mqarrqin minn Satana. (1 Korintin 10:12) Huwa għalhekk li Pawlu ta din it-twissija: “Nibżaʼ li b’xi mod, bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-makakkerija tiegħu, moħħkom isir korrott u jitbiegħed mis-sinċerità u s-safa li jistħoqqlu l-Kristu.”—2 Korintin 11:3.
Il-kliem taʼ Pawlu juri kemm hu importanti li ma nsirux kunfidenti żżejjed. Biex tirbaħ il-ġlieda kontra l-propaganda taʼ Satana, għandek tagħraf kemm hi perikoluża u mbagħad tipproteġi lilek innifsek minnha.
KEMM HI PERIKOLUŻA L-PROPAGANDA?
F’dan il-kuntest, il-propaganda hi informazzjoni mhix eżatta jew qarrieqa li tiġi użata biex tinganna lin-nies jew biex tikkontrolla l-mod kif jaħsbu u jaġixxu. Skont il-ktieb Propaganda and Persuasion, il-propaganda hi “bla prinċipji, taʼ ħsara, u inġusta.” In-nies jiddeskrivuha bi kliem bħal “gideb, rappreżentazzjoni ħażina, qerq, manipulazzjoni, [u] kontroll tal-moħħ.”
Il-propaganda hi perikoluża ħafna għax bil-mod il-mod tistaʼ taffettwa l-ħsibijiet tagħna saħansitra mingħajr ma nindunaw. Aħna nistgħu nqabbluha maʼ gass velenuż li la nistgħu naraw u lanqas inxommu. Vance Packard, espert fl-imġiba tal-bniedem, qal li l-propaganda taffettwa l-mod kif naġixxu
“ħafna iktar milli nirrealizzaw.” Espert ieħor qal li l-propaganda ġiegħlet lil ħafna nies jaġixxu b’modi perikolużi ħafna u mhux raġunevoli u wasslet għal ġenoċidji (fejn ġens sħiħ jiġi maqtul), gwerer, u persekuzzjoni minħabba r-razza jew ir-reliġjon.—Easily Led—A History of Propaganda.Jekk il-bnedmin jistgħu jqarrqu bina permezz tal-propaganda tagħhom, kemm iktar jistaʼ jqarraq bina Satana? Hu ilu jistudja l-imġiba tal-bnedmin minn mindu ġew maħluqin. Barra minn hekk, hu qiegħed jikkontrolla “d-dinja kollha,” u b’hekk jistaʼ juża kwalunkwe parti mid-dinja biex ixerred il-gideb tiegħu. (1 Ġwanni 5:19; Ġwanni 8:44) Satana “għema l-imħuħ” taʼ tant nies bil-propaganda tiegħu li issa qed “iqarraq bl-art abitata kollha.” (2 Korintin 4:4; Rivelazzjoni 12:9) Kif tistaʼ tirreżisti l-propaganda tiegħu?
SAĦĦAĦ IL-FIDI TIEGĦEK
Ġesù għallimna li hemm mod sempliċi kif niġġieldu l-propaganda: ‘Kunu afu l-verità, u l-verità teħliskom.’ (Ġwanni 8:31, 32) Fi gwerra, suldat ikollu bżonn ikun jaf minn fejn iġib informazzjoni li jistaʼ jafda għax l-għadu se jxerred il-gideb sabiex iqarraq bih. Allura int minn fejn tistaʼ ġġib informazzjoni li tistaʼ tafda? Ġeħova pprovda dan fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Fiha int tistaʼ ssib kulm’għandek bżonn biex tiġġieled il-propaganda taʼ Satana.—2 Timotju 3:16, 17.
Ovvjament, Satana jafu dan. Għalhekk, hu juża d-dinja li jikkontrolla biex jaljenana u jiskuraġġina milli naqraw u nistudjaw il-Bibbja. Tiġix imqarraq bit-“tnassis [mill-agħar] tax-Xitan”! (Efesin 6:11) Mhuwiex biżżejjed li jkollna fehma bażika tal-verità. Irridu naħdmu iebes biex inkabbru l-għarfien tagħna tal-verità. (Efesin 3:18) Bħalma qal l-awtur Noam Chomsky, “Ħadd mhu se jpoġġilek il-verità f’moħħok. Hi xi ħaġa li trid tfittixha għalik innifsek.” Għalhekk ‘fittex għalik innifsek’ billi ‘teżamina bir-reqqa l-Iskrittura kuljum.’—Atti 17:11.
Satana ma jridekx taħseb b’mod ċar u tifhem il-verità dwar dak li tismaʼ. Għala? Għax “hemm iktar ċans li [l-propaganda] tkun effettiva” jekk in-nies ikunu “skuraġġiti biex ma jaħsbux b’attenzjoni.” (Media and Society in the Twentieth Century) Taqbadx u temmen kulma tismaʼ mingħajr ma taħseb Proverbji 14:15) Alla tak “l-abbiltà li taħseb” u “l-qawwa tar-raġuni,” għalhekk użahom biex issaħħaħ il-fidi tiegħek.—Proverbji 2:10-15; Rumani 12:1, 2.
sew dwaru. (IBQGĦU MAGĦQUDIN
Suldati li jiġu influwenzati mill-propaganda jibdew jibżgħu u jkunu inqas lesti biex jiġġieldu. Il-propaganda tistaʼ saħansitra ġġegħelhom jiġġieldu bejniethom stess jew jinqatgħu minn mal-bqija tat-truppi. Skont ġeneral Ġermaniż, il-propaganda kienet waħda mir-raġunijiet għala l-Ġermanja ġiet megħluba fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Hu qal li n-nies tant kienu influwenzati mill-propaganda li kien bħallikieku ġew ipnotizzati minnha. Satana juża metodi simili biex ikisser l-unità fost il-Kristjani llum. Pereżempju, hu jipprova joħloq nuqqas taʼ qbil bejn l-aħwa. Jew jipprova jwassalhom biex jitilqu mill-organizzazzjoni taʼ Ġeħova billi jġegħelhom jaħsbu li kienet inġusta jew li għamlet xi ħaġa ħażina.
Tiġix imqarraq! Segwi l-parir tal-Kelma t’Alla u ibqaʼ magħqud maʼ ħutek. Pereżempju, il-Bibbja tinkuraġġina biex inkomplu ‘naħfru lil xulxin mill-qalb’ u nkunu ħfief biex nissetiljaw kwalunkwe nuqqas taʼ qbil. (Kolossin 3:13, 14; Mattew 5:23, 24) U twissina biex ma ninqatgħux mill-kongregazzjoni. (Proverbji 18:1) Agħmel ċert li int preparat biex tirreżisti l-propaganda taʼ Satana. Saqsi lilek innifsek, ‘L-aħħar darba li xi ħadd minn ħuti naqasni, irreaġixxejt b’mod li jogħġob lil Alla jew b’mod li jogħġob lil Satana?’—Galatin 5:16-26; Efesin 2:2, 3.
TITLIFX IL-FIDUĊJA TIEGĦEK
Suldat li mhuwiex leali lejn il-mexxej tiegħu mhux se jiġġieled sew. Għalhekk, l-għadu juża l-propaganda biex ikisser il-fiduċja li s-suldat ikollu fil-mexxej tiegħu. Jekk il-mexxejja jieħdu żball, l-għedewwa jipprovaw jużaw dan u jgħidu: “Ma tistax tafdahom!” u “Tħallihomx idaħħluk f’diżastru!” Satana jagħmel l-istess. Hu jipprova jkissirlek il-fiduċja li għandek f’dawk li Ġeħova qed juża biex imexxi lin-nies tiegħu.
Kif tistaʼ tipproteġi ruħek? Kun determinat li tibqaʼ fl-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Kompli kun leali u appoġġja lill-irġiel li qed imexxu l-poplu t’Alla, minkejja li dawn l-irġiel huma imperfetti. (1 Tessalonikin 5:12, 13) L-apostati u oħrajn li jqarrqu jistgħu jattakkaw l-organizzazzjoni. (Titu 1:10) Anki jekk dak li jgħidu jidher li hu veru, ‘titlifx malajr ir-raġuni tiegħek.’ (2 Tessalonikin 2:2) Segwi l-parir li Pawlu ta lil Timotju: “Kompli f’dak li tgħallimt,” u ftakar “mingħand min tgħallimtu.” (2 Timotju 3:14, 15) Aħseb dwar l-evidenza kollha li turi li int tistaʼ tafda l-ilsir leali li Ġeħova issa uża għal kważi mitt sena biex jgħallimna l-verità.—Mattew 24:45-47; Ebrej 13:7, 17.
TIBŻAX
Ukoll, Satana jipprova jinfluwenzak b’modi iktar diretti. Kultant jipprova jġiegħlek tħossok imbeżżaʼ. It-twerwir hu “wieħed mill-eqdem forom tal-propaganda.” (Easily Led—A History of Propaganda) Philip M. Taylor, professur mill-Brittanja, kiteb li pereżempju, l-Assirjani użaw it-twerwir flimkien mal-propaganda sabiex jiddominaw fuq l-għedewwa tagħhom. Satana se juża l-biżaʼ, bħal biżaʼ mill-bniedem, biżaʼ mill-persekuzzjoni, u biżaʼ mill-mewt, biex iġiegħlek tieqaf taqdi lil Ġeħova.—Isaija 8:12; Ġeremija 42:11; Ebrej 2:15.
Tħallix lil Satana jagħmel dan lilek! Ġesù qal: “Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem u mbagħad ma jkunu jistgħu jagħmlu xejn iktar.” (Luqa 12:4) Kun fiduċjuż għalkollox li Ġeħova se jżomm il-wegħda tiegħu li jieħu ħsiebek, jagħtik “il-qawwa iktar min-normal,” u jgħinek tirreżisti l-attakki taʼ Satana.—2 Korintin 4:7-9; 1 Pietru 3:14.
M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun hemm drabi fejn tħossok dgħajjef jew imbeżżaʼ. Imma ftakar fil-kliem inkuraġġanti li Ġeħova qal lil Ġożwè: “Kun kuraġġuż u agħmel il-ħila. Tinħasadx jew titwerwer, għax Ġeħova Alla tiegħek hu miegħek kulfejn tmur.” (Ġożwè 1:9) Jekk tħossok ansjuż, itlob mill-ewwel lil Ġeħova dwar dak li qed jinkwetak. Tistaʼ tkun ċert li “l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom.” Imbagħad int se jkollok is-saħħa biex tirreżisti l-propaganda kollha taʼ Satana.—Filippin 4:6, 7, 13.
Tiftakarha l-propaganda li Rabsake, il-messaġġier tal-Assirjani, uża sabiex ibeżżaʼ lin-nies t’Alla? Hu riedhom jemmnu li ħadd ma setaʼ jipproteġihom mill-Assirja, lanqas Ġeħova stess. Imbagħad, hu stqarr li Ġeħova kien qal lill-Assirjani biex jeqirdu lil Ġerusalemm. Ġeħova kif wieġeb għal dan? “Tibżax minħabba l-kliem li smajt u li l-qaddejja tas-sultan taʼ l-Assirja maqdruni bih.” (2 Slaten 18:22-25; 19:6) Imbagħad Ġeħova bagħat anġlu li qered 185,000 Assirjan f’lejl wieħed!—2 Slaten 19:35.
KUN GĦAREF—DEJJEM ISMAʼ MINN ĠEĦOVA
Qatt rajt film li fih xi ħadd ma jirrealizzax li qed jiġi mqarraq? Xtaqt int tgħajjat u tgħidlu: ‘Temminx! Qed jigdbulek!’ Mela, immaġina l-anġli jagħmlu l-istess miegħek u jgħidulek: “Titqarraqx mill-gideb taʼ Satana!”
Mela tismax mill-propaganda taʼ Satana. (Proverbji 26:24, 25) Ismaʼ minn Ġeħova u afda fih f’kulma tagħmel. (Proverbji 3:5-7) Hu jħobbok u jħeġġek: “Ibni, kun għaref u ferraħli qalbi.” (Proverbji 27:11) Jekk tagħmel dan, int se tirbaħ il-ġlieda tal-moħħ!