Kont Taf?
Fi żminijiet Bibliċi kienu jużaw il-papiru biex jagħmlu d-dgħajjes?
ĦAFNA nies jafu li żmien ilu n-nies fl-Eġittu kienu jiktbu fuq karti magħmulin mill-papiru. Il-Griegi kif ukoll ir-Rumani kienu jiktbu fuq il-papiru. * Forsi ħafna ma jafux li l-papiru kien jintuża wkoll biex jagħmlu d-dgħajjes minnu.
Madwar 2,500 sena ilu, il-profeta Isaija kiteb li n-nies li qegħdin jgħixu ‘fir-reġjun tax-xmajjar taʼ l-Etjopja bagħtu lil xi wħud bil-baħar, u bil-bastimenti tal-papiru fuq wiċċ l-ilmijiet.’ Iktar tard, il-profeta Ġeremija bassar li meta l-Medi u l-Persjani kienu se jinvadu l-belt taʼ Babilonja, kienu se jaħarqu “d-dgħajjes tal-papiru” biex il-Babiloniżi ma jkunux jistgħu jaħarbu.—Is. 18:1, 2; Ġer. 51:32.
L-arkeoloġi sabu li fi żminijiet Bibliċi, il-papiru kienu jużawh biex jagħmlu d-dgħajjes. Dan ma jissorprendix lill-istudenti tal-Bibbja għax jafu li l-Bibbja hi ispirata minn Alla. (2 Tim. 3:16) Allura x’sabu? L-arkeoloġi sabu d-dettalji taʼ kif kienu jagħmlu d-dgħajjes tal-papiru fl-Eġittu.
ID-DGĦAJJES TAL-PAPIRU KIF KIENU JSIRU?
Fl-oqbra Eġizzjani nstabu tpinġijiet u tinqix mal-ħajt li juru kif huma kienu jaqtgħu l-papiru u jagħmlu d-dgħajjes minnu. L-irġiel kienu l-ewwel jaqtgħu z-zkuk tal-papiru, jorbtuhom ftit ftit, u mbagħad jissikkawhom kollha flimkien. Iz-zkuk tal-papiru huma trijangulari. Allura, meta kienu jorbtuhom flimkien kienu jiġu sodi ħafna. Ktieb dwar l-istorja tal-Eġittu jgħid li dawn id-dgħajjes tal-papiru kienu jkunu twal madwar 17-il metru, u spazjużi tant li setaʼ jkollhom minn 10 sa 12-il moqdief fuq kull naħa.
GĦALA DAWK LI KIENU JAGĦMLU D-DGĦAJJES UŻAW IL-PAPIRU?
Fl-Eġittu kienu jikbru ħafna pjanti tal-papiru fil-Wied tax-Xmara Nil. Barra minn hekk, id-dgħajjes tal-papiru kien faċli biex tagħmilhom. Anki meta beda jintuża l-injam biex jagħmlu dgħajjes kbar, milli jidher is-sajjieda u l-kaċċaturi baqgħu jagħmlu ċattri u dgħajjes żgħar mill-papiru.
Għal ħafna żmien, in-nies baqgħu jużaw id-dgħajjes tal-papiru. Plutarch, kittieb Grieg li għex fi żmien l-appostli, qal li xi nies fi żmienu kienu għadhom jużaw id-dgħajjes tal-papiru.
^ par. 3 Il-papiru jikber f’art niedja u fi xmajjar fejn ma jkunx hemm kurrent. Din il-pjanta tistaʼ tikber f’għoli taʼ madwar 5 metri, u z-zokk jistaʼ jkun oħxon sa madwar 15-il ċentimetru.