Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

BIJOGRAFIJA

“Tgħallimt Ħafna Minn Oħrajn!”

“Tgħallimt Ħafna Minn Oħrajn!”

META kont żgħir kont suldat fl-​armata Franċiża. Il-​grupp tagħna kien ikkampjat fil-​muntanji tal-​Alġerija u fejn konna kien hemm ħafna ġlied. Darba waħda billejl, fi dlam ċappa, kont qiegħed għassa waħdi bil-​machine gun f’idejja. F’ħin minnhom smajt passi ġejjin minn warajja u ħadt qatgħa kbira. Jien ma ridtx immut u ma ridt noqtol lil ħadd, għalhekk tlabt lil Alla biex jgħinni.

Dik il-​ġurnata bidlitli ħajti għax minn dakinhar bdejt nipprova nsir naf lil Alla. Imma qabel inkompli ngħidilkom x’ġara dak il-​lejl, nixtieq ngħidilkom xi affarijiet li ġrawli meta kont żgħir għax dawn ġegħluni nkun irrid nitgħallem dwar Alla.

DAK LI TGĦALLIMT MINN MISSIERI

Jien twelidt fl-​1937, f’Guesnain, raħal fi Franza li kien fih il-​minjieri tal-​faħam. Missieri, li kien jaħdem fil-​minjieri, għallimni kemm hu importanti li naħdem iebes. Għallimni wkoll biex nobgħod l-​inġustizzja minħabba li fuq ix-​xogħol ra nies li ma kinux jiġu trattati b’mod tajjeb minkejja x-​xogħol perikoluż li kienu jagħmlu. Għalhekk, hu ngħaqad maʼ organizzazzjonijiet biex jaqbeż għad-​drittijiet taʼ dawn il-​ħaddiema. Hu kien iddiżappuntat ukoll bl-​ipokresija li kienu juru l-​qassisin tar-​raħal. Ħafna minnhom kienu jgħixu ħajja komda, imma xorta kienu jitolbu l-​ikel u l-​flus lil dawk li kienu foqra u kienu jaħdmu iebes fil-​minjieri. Missieri ma kienx jaqbel mal-​attitudni taʼ dawn il-​qassisin u għalhekk m’għallimni xejn dwar ir-​reliġjon. Fil-​fatt, qatt ma tkellimna dwar Alla.

Meta bdejt nikber, jien ukoll bdejt nobgħod l-​inġustizzja. Xi ħaġa li ma kontx naqbel magħha kienet il-​mod kif il-​Franċiżi kienu jittrattaw lill-​barranin. Jiena kont nilgħab il-​football mat-​tfal tal-​immigranti u kont nieħu pjaċir magħhom. Barra minn hekk ommi ma kinitx Franċiża, kienet Pollakka. Jien ridt li nies taʼ razez differenti jgħixu flimkien fil-​paċi u jittrattaw sew lil xulxin.

BDEJT NAĦSEB IKTAR BIS-​SERJETÀ DWAR IL-​ĦAJJA

Meta kont suldat

Fl-​1957, il-​gvern riedni ningħaqad mal-​armata militari. U kif spjegajtilkom qabel, għalhekk kont spiċċajt fil-​muntanji tal-​Alġerija fid-​dlam. Wara li għedt dik it-​talba, jien dort u minflok suldat sibt ħmar! Dak il-​ħin ħadt ir-​ruħ! Però, dik il-​ġrajja u l-​gwerra ġegħluni naħseb dwar l-​iskop tal-​ħajja u bdejt nistaqsi lili nnifsi, ‘Għala qegħdin hawnhekk? Alla vera jimpurtah minna? Xi darba se ngħixu fil-​paċi?’

Darba minnhom meta kont sejjer inżur lill-​ġenituri tiegħi ltqajt ma’ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu tani Bibbja Kattolika bil-​Franċiż u meta mort lura l-​Alġerija bdejt naqraha. Skrittura partikolari li ġegħlitni naħseb kienet dik taʼ Rivelazzjoni 21:3, 4 li tgħid: “It-​tinda t’Alla hi mal-​bnedmin . . . U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” * Qatt ma kont smajt xi ħaġa bħal din. Kont nistaqsi lili nnifsi, ‘Dawn l-​affarijiet jistgħu jseħħu?’ Dak iż-​żmien kważi ma kont naf xejn dwar Alla u l-​Bibbja.

Wara li fl-​1959 tlaqt mill-​armata militari, iltqajt maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova jismu François li għallimni ħafna veritajiet mill-​Bibbja. Pereżempju, mill-​Bibbja għallimni li Alla jismu Ġeħova. (Salm 83:18) Hu spjegali wkoll kif Ġeħova se jneħħi l-​inġustizzji li hawn, kif se jagħmel l-​art ġenna, u kif se jwettaq il-​kliem li nsibu f’​Rivelazzjoni 21:3, 4.

Dan it-​tagħlim vera kien jagħmel sens u messli qalbi. Imma kont irrabjat għall-​qassisin u ridt nikkundannahom talli kienu qed jgħallmu tagħlim falz! Kont għadni influwenzat minn missieri, ma kellix paċenzja. Xtaqt li nagħmel xi ħaġa mill-​ewwel!

François u xi Xhieda taʼ Ġeħova oħra li saru ħbieb tiegħi għenuni nikkontrolla r-​rabja li kelli. Huma spjegawli li bħala Kristjani aħna ma nistgħux niġġudikaw lill-​oħrajn, imma rridu ngħinuhom billi naqsmu l-​aħbar tajba magħhom. Dan huwa x-​xogħol li għamel Ġesù u li ta lid-​dixxipli tiegħu. (Mt. 24:14; Lq. 4:43) Kelli bżonn nitgħallem ukoll nitkellem man-​nies b’qalb tajba u b’rispett, anki maʼ dawk li kellhom reliġjon differenti. Kif tgħid il-​Bibbja: “Ilsir tal-​Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd.”—2 Tim. 2:24.

Għamilt il-​bidliet li kelli bżonn u fl-​1959 tgħammidt waqt assemblea. Hemmhekk, jien ħadt grazzja maʼ oħt żagħżugħa jisimha Angèle. Bdejt immur il-​laqgħat fil-​kongregazzjoni tagħha u fl-​1960 iżżewwiġna. Hi vera mara tal-​għaġeb u rigal mingħand Ġeħova.—Prov. 19:14.

Fil-​ġurnata tat-​tieġ

TGĦALLIMT ĦAFNA MINN IRĠIEL TAL-​ESPERJENZA

Matul is-​snin, tgħallimt ħafna lezzjonijiet importanti mingħand aħwa tal-​esperjenza. Waħda mil-​lezzjonijiet importanti li tgħallimt hi, li aħna nistgħu nirnexxu fi kwalunkwe inkarigu diffiċli jekk inkunu umli u napplikaw il-​kliem li nsibu fi Proverbji 15:22, li jgħid: ‘Aħna se nirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.’

Fl-​1965, meta konna nagħmlu x-​xogħol tas-​circuit fi Franza

Fl-​1964, kelli bżonn napplika dan il-​parir. Dik is-​sena bdejt naqdi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u b’hekk kelli ninkuraġġixxi lill-​aħwa u ngħinhom jersqu eqreb taʼ Ġeħova. Però, kien għad kelli 27 sena u ma kellix ħafna esperjenza. Minkejja li għamilt xi żbalji jien pruvajt nitgħallem minnhom. Tgħallimt ukoll lezzjonijiet importanti minn uħud tal-​esperjenza.

Niftakar xi ħaġa li ġratli meta ma kontx ilni naqdi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Wara li żort kongregazzjoni f’Pariġi, ħu matur staqsieni jekk jistax ikellimni fil-​privat. Jien mill-​ewwel għedtlu, “Iva.”

Hu staqsieni, “Louis, meta t-​tabib imur jagħmel vista lil min jara?”

Jiena għedtlu: “Lill-​marid.”

Hu qalli: “Hekk hu. Imma ndunajt li inti qed tqattaʼ ħafna ħin maʼ aħwa li huma b’saħħithom spiritwalment. Il-​kongregazzjoni tagħna fiha ħafna aħwa li huma skuraġġiti, ġodda, jew li jistħu. Tistaʼ tinkuraġġihom ħafna jekk tqattaʼ l-​ħin magħhom jew forsi tmur iżżurhom id-​dar.”

Jien apprezzajt ħafna l-​parir li tani dan il-​ħu. L-​imħabba tiegħu għan-​nagħaġ taʼ Ġeħova messitli qalbi. Għalkemm ma kienx faċli nammetti li żbaljajt, bdejt napplika mill-​ewwel dak li qalli. Jien nirringrazzja lil Ġeħova li għandna aħwa bħal dawn.

Fl-​1969 u l-​1973, ġejt inkarigat biex nieħu ħsieb id-​Dipartiment tas-​Servizz tal-​Ikel, f’żewġ konvenzjonijiet internazzjonali f’Colombes, Pariġi. Fil-​konvenzjoni tal-​1973, kellna nipprovdu l-​ikel għal madwar 60,000 ruħ għal ħamest ijiem! Ma kontx naf kif se jirnexxilna nagħmlu dan. Imma għal darb’oħra, is-​soluzzjoni għal din il-​problema kienet li napplika l-​parir taʼ Proverbji 15:22, li nieħu parir mingħand oħrajn. Jien tlabt l-​għajnuna mingħand aħwa t’esperjenza li xi wħud minnhom kienu bdiewa, ibigħu l-​laħam, kapaċi jsajru, u jixtru l-​affarijiet. Flimkien irnexxielna nagħmlu din il-​biċċa xogħol diffiċli.

Fl-​1973, jien u l-​mara ġejna mistidnin biex immorru naqdu fil-​Betel taʼ Franza. L-​ewwel inkarigu tiegħi kien diffiċli wkoll. Kelli nsib modi kif nibgħat il-​letteratura lill-​aħwa li jgħixu l-​Kamerun, fl-​Afrika, fejn ix-​xogħol tagħna ma setax isir bejn l-​1970 u l-​1993. Għal darb’oħra ma kontx naf hux se jirnexxili nagħmel dan ix-​xogħol. L-​indokratur tal-​fergħa fi Franza nduna kif kont qed inħossni. Biex jinkuraġġini fakkarni li l-​aħwa fil-​Kamerun kellhom bżonn l-​ikel spiritwali u aħna kellna nieħdu ħsiebhom! U hekk għamilna.

Fl-​1973, waqt laqgħa speċjali fin-​Niġerja maʼ aħwa mill-​Kamerun

Jien għamilt diversi vjaġġi biex niltaqaʼ maʼ anzjani mill-​Kamerun u għalihom dan ma kienx faċli. Dawn l-​aħwa kienu bil-​għaqal u kuraġġużi. Huma għenuni nsib modi kif inkun nistaʼ nibgħat il-​letteratura biex b’hekk l-​aħwa jibqgħu jirċivuha b’mod regolari. Ġeħova bierek l-​isforzi tagħna. Fil-​fatt, għal 20 sena, il-​qaddejja tiegħu ma tilfux rivista waħda minn It-​Torri tal-​Għassa u mill-​fuljett tal-​laqgħa taʼ fost il-​ġimgħa li kien jissejjaħ Our Kingdom Service.

Fl-​1977, jien u Angèle, fin-​Niġerja mal-​indokraturi li jżuru l-​kongregazzjonijiet u n-​nisa tagħhom mill-​Kamerun

TGĦALLIMT ĦAFNA MILL-​MARA TIEGĦI

Meta bdejt insir naf lil Angèle sew bdejt ninduna kemm kienet tħobb lil Ġeħova. Meta żżewwiġna stajt nara dan b’mod aħjar. Fil-​fatt, fil-​ġurnata tat-​tieġ filgħaxija, qaltli biex nitlob lil Ġeħova ħalli flimkien nibqgħu nagħmlu l-​almu tagħna fis-​servizz tiegħu. U Ġeħova wieġeb din it-​talba.

Angèle għenitni wkoll biex nistrieħ aktar fuq Ġeħova. Pereżempju, fl-​1973 meta ġejna mistednin biex naqdu f’Betel ħassejtni inkwetat minħabba li kont inħobb ix-​xogħol tas-​circuit. Angèle fakkritni li aħna ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova u għalhekk irridu nagħmlu dak li titlobna l-​organizzazzjoni. (Ebr. 13:17) Jien qbilt magħha kompletament u morna naqdu f’Betel. Mas-​snin rajt kemm il-​mara tiegħi hi bil-​għaqal u tħobb lil Ġeħova. Dawn il-​kwalitajiet saħħew ir-​relazzjoni taʼ bejnietna u għenuna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin tul dawn is-​snin.

Maʼ Angèle fil-​ġnien taʼ Betel fi Franza

Issa li kbirna, Angèle għadha tinkuraġġini. Pereżempju, biex immorru l-​iskejjel teokratiċi li ħafna minnhom ikunu bl-​Ingliż, jien u Angèle bdejna naħdmu iebes biex nitgħallmu iktar din il-​lingwa. Għalhekk, minkejja li kellna iktar minn 70 sena morna f’kongregazzjoni Ingliża. Minħabba r-​responsabbiltajiet tiegħi bħala membru tal-​Kumitat tal-​Fergħa fi Franza, ma kienx faċli biex insib il-​ħin u nistudja lingwa oħra. Imma Angèle u jien għenna lil xulxin. Issa li għandna iktar minn 80 sena nippreparaw għal-​laqgħat tagħna bl-​Ingliż u bil-​Franċiż. U nagħmlu l-​almu tagħna biex nipparteċipaw fil-​laqgħat u nieħdu sehem fil-​ministeru. Ġeħova vera bierek l-​isforzi li għamilna biex nitgħallmu l-​Ingliż!

Fl-​2017, jien u Angèle ġejna mistednin biex nattendu l-​Iskola għall-​Membri tal-​Kumitati tal-​Fergħa u n-​Nisa Tagħhom li ssir ġewwa Patterson, New York.

Ġeħova tassew hu l-​Istruttur Grandjuż. (Is. 30:20) Għalhekk, ilkoll kemm aħna kbar u żgħar nirċievu l-​aqwa tagħlim! (Dt. 4:5-​8) Matul ħajti nnotajt li żgħażagħ li jisimgħu kemm minn Ġeħova kif ukoll minn aħwa tal-​esperjenza jieħdu deċiżjonijiet tajbin u jsiru qaddejja leali taʼ Ġeħova. Proverbji 9:9 jfakkarna: “Agħti lill-​għaref u jsir iktar għaref. Agħti l-​għarfien lil bniedem sewwa u jkompli jitgħallem.”

Xi kultant naħseb dwar dak il-​lejl tal-​biżaʼ li kelli fl-​Alġerija madwar 60 sena ilu. Dak iż-​żmien qatt ma kont naħseb li jistaʼ jkolli l-​ferħ f’ħajti. Tgħallimt ħafna minn oħrajn! Ġeħova ta lili u lil Angèle ħajja sabiħa. Għalhekk, aħna determinati li qatt ma nieqfu nitgħallmu minn Missierna Ġeħova u minn aħwa tal-​esperjenza li jħobbuh.

^ par. 11 Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida ta’ l-​Iskrittura Mqaddsa