X’se jitlaq meta tiġi s-Saltna t’Alla?
“Id-dinja tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 ĠWANNI 2:17.
1, 2. (a) B’liema mod din id-dinja mill-agħar hi simili għal kriminal li dalwaqt se jingħata l-mewt? (Ara l-ewwel stampa.) (b) Kif se jħossu kull min hu fis-sema u fuq l-art wara li din is-sistema mill-agħar tiġi meqruda?
IMMAĠINA din ix-xena. Kriminal perikoluż jinsab għaddej minn kuritur tal-ħabs waqt li l-gwardjani taʼ miegħu jgħajtu, “Għaddej raġel mejjet!” Għala jgħidu dan? Għalkemm il-kriminal hu ħaj u jidher f’saħħtu, hu ġie ssentenzjat għall-mewt u dalwaqt se jiġi maqtul. Huwa bħallikieku diġà mejjet. *—Ara n-nota taʼ taħt.
2 Id-dinja mill-agħar li ngħixu fiha hi simili għal dak il-kriminal li wasal biex jingħata l-mewt. Il-Bibbja tgħid: “Id-dinja tgħaddi.” (1 Ġwanni 2:17) Ġeħova ddeċieda li din is-sistema se tispiċċa dalwaqt, allura m’hemmx dubju li se tispiċċa. Iżda hemm differenza importanti bejn it-tmiem taʼ din is-sistema u l-esekuzzjoni, jew qtil, taʼ dan il-kriminal. Xi nies għandhom mnejn iħossu li l-ġudizzju tal-kriminal ma kienx ġust u forsi jipprotestaw, bit-tama li ma jinqatilx. Madankollu, Ġeħova hu mħallef perfett, u d-deċiżjoni tiegħu biex jeqred din is-sistema hi perfettament ġusta. (Dewteronomju 32:4) L-esekuzzjoni tagħha mhix se tittardja. Wara li din is-sistema fl-aħħar tinqered, kull min hu fis-sema u fuq l-art se jaqbel li l-ġudizzju taʼ Ġeħova kien ġust. X’serħan kbir se jkun dan!
3. Liema erbaʼ problemi se jkunu telqu meta tiġi s-Saltna t’Alla?
3 X’tinkludi “d-dinja” li qiegħda “tgħaddi”? Tinkludi l-affarijiet ħżiena li saru parti mill-ħajja llum. Dawn l-affarijiet kollha dalwaqt mhux se jkunu iżjed. Dan hu attwalment parti mill-“aħbar tajba tas-saltna.” (Mattew 24:14) F’dan l-artiklu, se niddiskutu erbaʼ problemi li se jkunu telqu meta tiġi s-Saltna t’Alla: nies mill-agħar, organizzazzjonijiet korrotti, attivitajiet ħżiena, u kundizzjonijiet ħżiena. Għal kull waħda minn dawn se nitgħallmu (1) kif jaffettwawna issa, (2) x’se jagħmel Ġeħova dwarhom, u (3) x’se jġib minflokhom.
NIES MILL-AGĦAR
4. Nies mill-agħar kif jaffettwawna issa?
4 Nies mill-agħar kif jaffettwawna issa? L-appostlu Pawlu qal li fl-aħħar jiem kien se jkun hemm “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” Imbagħad żied jgħid: “In-nies mill-agħar u l-impusturi jibqgħu sejrin mill-ħażin għall-agħar.” (2 Timotju 3:1-5, 13) Int esperjenzajtu dan? Ħafna minna konna vittmi taʼ nies mill-agħar bħal bulijiet vjolenti, razzisti mimlijin mibegħda, u kriminali bla qalb. Uħud minnhom ma jipprovawx jaħbu l-affarijiet ħżiena li jagħmlu. Oħrajn jagħmlu tabirruħhom li jgħinu lin-nies, imma fil-fatt ikunu mill-agħar. Madankollu, anke jekk ma sfajniex vittmi taʼ xi kriminalità, aħna xorta għadna affettwati min-nies mill-agħar. Niddiżgustaw ruħna meta nisimgħu dwar il-mod krudil li bih jittrattaw lit-tfal, lill-anzjani, u oħrajn li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom. Dawn in-nies mill-agħar jaġixxu b’mod li jagħmilhom jidhru bħal annimali selvaġġi jew saħansitra demonji. (Ġakbu 3:15) B’ferħ, il-Kelma taʼ Ġeħova tagħtina tama.
5. (a) X’opportunità għad għandhom nies mill-agħar? (b) X’se jiġri lil dawk li jirrifjutaw li jinbidlu?
5 X’se jagħmel Ġeħova? Proprju bħalissa, Ġeħova qed jagħti opportunità lin-nies mill-agħar biex jinbidlu. (Isaija 55:7) Għalkemm din is-sistema dalwaqt tinqered, huma għadhom ma ġewx iġġudikati b’mod finali. Iżda, x’se jiġri lil dawk li jirrifjutaw li jinbidlu u li jappoġġjaw din is-sistema saħansitra sa żmien it-tribulazzjoni l-kbira? Ġeħova wiegħed li se jneħħi n-nies mill-agħar kollha minn fuq l-art. (Aqra Salm 37:10.) Illum, ħafna nies tgħallmu jaħbu l-affarijiet ħżiena li jagħmlu, u ħafna drabi ma jiġux ikkastigati. (Ġob 21:7, 9) Imma l-Bibbja tfakkarna: ‘Għajnejn Alla huma fuq l-imġiba tal-bniedem, u l-passi kollha tiegħu jara. La hemm dlam u lanqas swidija biex dawk li jipprattikaw il-ħsara jinħbew hemmhekk.’ (Ġob 34:21, 22) Allura m’hemmx mod kif ninħbew minn Ġeħova. Hu jistaʼ jara kulma n-nies mill-agħar qed jagħmlu. Wara Armageddon, aħna forsi nħarsu fejn kienu jkunu, imma mhux se narawhom. Se jkunu telqu għal dejjem!—Salm 37:12-15.
6. Min se jibqaʼ meta n-nies mill-agħar ikunu telqu, u dan għala hu aħbar tajba?
6 Min se jibqaʼ meta n-nies mill-agħar ikunu telqu? Ġeħova jwiegħed: “Il-ġwejdin se jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” Iżjed ’l isfel fl-istess salm, naqraw: “Il-ġusti se jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:11, 29) Min huma “l-ġwejdin” u “l-ġusti”? Il-ġwejdin huma wħud umli li jitgħallmu minn Ġeħova u jobduh. Il-ġusti huma dawk li jħobbu jagħmlu dak li Alla jgħid li hu tajjeb. Fid-dinja llum, hemm iżjed nies mill-agħar milli ġusti. Imma fid-dinja l-ġdida, se jkun hemm biss nies ġwejdin u ġusti, u huma se jagħmlu l-art ġenna!
ORGANIZZAZZJONIJIET KORROTTI
7. L-organizzazzjonijiet korrotti kif jaffettwawna llum?
7 Organizzazzjonijiet korrotti kif jaffettwawna issa? Ħafna mill-ħażen fid-dinja llum mhux ikkaġunat minn individwi imma minn organizzazzjonijiet. Organizzazzjonijiet reliġjużi jqarrqu b’miljuni taʼ nies. Pereżempju, huma jigdbu dwar min hu Alla, jgħidu li l-Bibbja ma tistax tafdaha, u jingannaw lin-nies dwar il-futur tal-art u l-umanità. Gvernijiet korrotti jippromwovu l-gwerra u vjolenza razzjali u jaħqru lill-foqra u lil dawk li ma jistgħux jiddefendu lilhom infushom. Gvernijiet bħal dawn isiru iktar sinjuri u setgħanin billi juru l-favoritiżmu jew jaċċettaw tixħim. Kumpaniji kbar rgħiba jniġġsu l-ambjent, jeqirdu riżorsi naturali, u jieħdu vantaġġ min-nies biex xi wħud ikunu jistgħu jistagħnew. Biċ-ċar, organizzazzjonijiet korrotti huma responsabbli għal ħafna mit-tbatija fid-dinja llum.
8. Il-Bibbja x’tgħid li se jiġri lil organizzazzjonijiet li jidhru b’saħħithom għal ħafna nies illum?
8 X’se jagħmel Ġeħova? It-tribulazzjoni l-kbira tibda meta l-qawwiet politiċi jattakkaw l-organizzazzjonijiet reliġjużi foloz kollha, li huma deskritti fil-Bibbja bħala prostituta msejħa Babilonja l-Kbira. (Rivelazzjoni 17:1, 2, 16; 18:1-4) Dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi se jinqerdu kompletament. Iżda x’se jiġri lill-organizzazzjonijiet korrotti l-oħrajn kollha? Il-Bibbja tqabbilhom maʼ muntanji u gżejjer għax jidhru li huma b’saħħithom u sodi. (Aqra Rivelazzjoni 6:14.) Imma żżid tgħid li l-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet l-oħrajn kollha li ma jappoġġjawx is-Saltna t’Alla se jiġu meqrudin. Dan se jkun il-parti finali tat-tribulazzjoni l-kbira. (Ġeremija 25:31-33) Wara dan, mhu se jkun hemm ebda organizzazzjoni korrotta oħra!
9. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-art ġdida se tkun organizzata tajjeb?
9 X’se jkun hemm minflok l-organizzazzjonijiet korrotti? Wara Armageddon, se jkun hemm xi organizzazzjoni fuq l-art? Il-Bibbja tgħid: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Is-smewwiet u l-art taʼ qabel huma l-gvernijiet korrotti u n-nies ikkontrollati minnhom. Wara li jkunu spiċċaw, x’se jkun hemm minflokhom? “Smewwiet ġodda u art ġdida.” Is-smewwiet ġodda jirreferu għal gvern ġdid, is-Saltna magħmula minn Ġesù Kristu u l-144,000 mexxej li se jsaltnu miegħu. L-art ġdida tirreferi għan-nies immexxijin permezz tas-Saltna t’Alla. Ġesù u l-mexxejja li se jsaltnu miegħu se jimitaw perfettament lil Alla Ġeħova, li hu Alla taʼ ordni. (1 Korintin 14:33) Allura l-“art ġdida” se tkun organizzata. Se jkun hemm irġiel twajbin biex jieħdu ħsieb l-affarijiet, u huma se jkunu ggwidati minn Kristu u l-144,000. (Salm 45:16) Ġib quddiem għajnejk iż-żmien meta organizzazzjoni waħda u magħquda li qatt ma tistaʼ tiġi korrotta tieħu post l-organizzazzjonijiet korrotti kollha!
ATTIVITAJIET ĦŻIENA
10. X’tip t’attivitajiet ħżiena huma komuni fejn toqgħod int, u kif tiġu affettwati int u l-familja tiegħek?
10 L-attivitajiet ħżiena kif jaffettwawna issa? Aħna ngħixu f’dinja fejn l-immoralità, id-diżonestà, u l-vjolenza ħarxa huma komuni. Id-divertiment tad-dinja jagħmel affarijiet bħal dawn jidhru attraenti, filwaqt li jwaqqaʼ għaċ-ċajt dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb jew ħażin. (Isaija 5:20) Il-ġenituri speċjalment għandhom jissieltu biex jipproteġu lil uliedhom minn influwenzi ħżiena bħal dawn. Fil-fatt, il-Kristjani veri kollha għandhom jaħdmu iebes biex jipproteġu r-relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova f’dinja li ma tirrispettax il-livelli t’Alla.
11. X’nitgħallmu mill-ġudizzju li għamel Ġeħova fuq Sodoma u Gomorra?
11 X’se jagħmel Ġeħova dwar l-attivitajiet ħżiena? Ikkunsidra x’għamel Ġeħova dwar l-affarijiet ħżiena li ġraw fil-bliet taʼ Sodoma u Gomorra. (Aqra t-2 Pietru 2:6-8.) Lot kien raġel sewwa, u hu u l-familja tiegħu batew ħafna minħabba l-affarijiet ħżiena li kienu qed jagħmlu n-nies taʼ madwarhom. Ġeħova qered dak ir-reġjun kollu biex itemm l-affarijiet mill-agħar li kienu qed jiġru hemm. Imma kien ukoll qed ‘iħalli mudell’ għan-nies mill-agħar illum. L-istess bħalma Ġeħova temm l-attivitajiet kollha immorali dak iż-żmien, hu se jtemmhom ukoll illum meta jeqred din is-sistema preżenti.
12. Liema attivitajiet tħares ’il quddiem għalihom meta din is-sistema tkun telqet?
12 X’se jkun hemm minflok l-attivitajiet ħżiena? Fid-dinja l-ġdida se jkollna ħafna x’nagħmlu b’attivitajiet li jġibulna l-ferħ. Pereżempju, se nibdlu l-art f’ġenna u nibnu djar għalina u għal dawk li nħobbu. Ukoll, se nilqgħu lura għall-ħajja miljuni taʼ wħud irxoxtati u ngħallmuhom dwar Ġeħova u dak kollu li għamel għall-bnedmin. (Isaija 65:21, 22; Atti 24:15) F’dak iż-żmien, se nkunu medhijin b’attivitajiet li jferrħuna u jġibu tifħir lil Ġeħova!
KUNDIZZJONIJIET ĦŻIENA
13. Ir-ribelljoni fl-Għeden għal xiex wasslet?
13 Il-kundizzjonijiet ħżiena kif jaffettwawna issa? Dinja mimlija b’nies mill-agħar, organizzazzjonijiet korrotti, u attivitajiet ħżiena wasslet għal kundizzjonijiet ħżiena t’għajxien. Ilkoll kemm aħna niġu affettwati b’affarijiet bħal gwerer, faqar, razziżmu, mard, u mewt. Dawn il-kundizzjonijiet ħżiena bdew għaliex Satana, Adam, u
Eva rribellaw kontra Ġeħova. U lkoll kemm aħna ġejna affettwati mir-ribelljoni tagħhom.14. X’se jagħmel Ġeħova dwar il-kundizzjonijiet ħżiena?
14 X’se jagħmel Ġeħova dwar il-kundizzjonijiet ħżiena? Ikkunsidra xi ftit eżempji. Ġeħova jwiegħed li jwaqqaf il-gwerer kollha. (Aqra Salm 46:8, 9.) Hu se jġib il-mard fix-xejn. (Isaija 33:24) Se jiblaʼ l-mewt għal dejjem. (Isaija 25:8) Se jtemm il-faqar. (Salm 72:12-16) U Ġeħova se jneħħi l-kundizzjonijiet ħżiena l-oħrajn kollha li jagħmlu l-ħajja miżerabbli llum. Hu saħansitra se jneħħi l-influwenza ħażina taʼ Satana u d-demonji tiegħu!—Efesin 2:2.
15. Semmi xi ftit affarijiet li se jkunu telqu għal dejjem wara Armageddon.
15 Immaġina ftit x’se jkun ifisser li ngħixu f’dinja mingħajr gwerer, mard, jew mewt! Mhux se jkun hemm armati, armi, jew monumenti tal-gwerra. Mhux se jkollna bżonn sptarijiet, tobba, infermieri, kmamar mortwarji, jew ċimiterji. Il-kriminalità mhux se teżisti, allura mhux se niġu bżonn pulizija, security alarms, jew forsi saħansitra serraturi u ċwievet! Dawn il-kundizzjonijiet ħżiena kollha li joħolqulna tant ansjetà se jkunu telqu għal dejjem.
16, 17. (a) Kif se jħossuhom dawk li jsalvaw minn Armageddon? Agħti eżempju. (b) Kif nistgħu nkunu ċerti li aħna se nibqgħu wara li titlaq din id-dinja?
16 Kif se tkun il-ħajja meta l-kundizzjonijiet ħżiena jkunu telqu? Mhux faċli biex timmaġina. Tant ilna ngħixu b’kundizzjonijiet ħżiena li għandna mnejn lanqas nindunaw kemm iġibulna stress. Biex nagħtu eżempju, nies li joqogħdu fi triq traffikuża għandhom mnejn ma jibqgħux jagħtu kas il-ħsejjes. U nies li joqogħdu viċin miżbla jistgħu ma jagħtux kas ir-riħa iżjed. Imma meta Ġeħova jneħħi l-kundizzjonijiet ħżiena kollha, se jkollna serħan taʼ veru!
17 X’se jieħu post l-istress kollu li nħossu llum? Salm 37:11 jgħid: “Bi sliem kotran jitgħaxxqu ferm.” Kemm ifarraġna li nkunu nafu li dan hu li jrid Ġeħova għalina! Matul dawn iż-żminijiet stressanti, agħmel kulma tistaʼ biex tibqaʼ qrib Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. It-tama tiegħek għall-futur hi prezzjuża, allura aħseb fil-fond dwarha, agħmel ċert li tkun reali għalik, u aqsamha m’oħrajn. (1 Timotju 4:15, 16; 1 Pietru 3:15) B’dan il-mod, tistaʼ tkun ċert li meta din is-sistema tispiċċa, int se tibqaʼ ħaj u tkun ferħan għal dejjem!
^ par. 1 Dan il-paragrafu jiddeskrivi drawwa li kienet komuni ħafna snin ilu fil-ħabsijiet f’xi partijiet tal-Istati Uniti tal-Amerika.