Il-fidi—Kwalità li ssaħħaħna
IL-FIDI għandha qawwa kbira. Pereżempju, għalkemm Satana jrid joqtolna spiritwalment, il-fidi tgħinna ‘nitfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-Ħażin.’ (Efes. 6:16) Bil-fidi nistgħu nissaportu problemi li jidhru kbar daqs il-muntanji. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ikollkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, tgħidu lil din il-muntanja, ‘Inqalaʼ minn hawn u mur hemm,’ u din tmur.” (Mt. 17:20) Peress li nafu li l-fidi tistaʼ ssaħħaħ il-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, għandna naħsbu dwar dawn il-mistoqsijiet: X’inhi l-fidi? Il-kundizzjoni taʼ qalbna kif teffettwa l-fidi tagħna? Kif nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna? U f’min għandu jkollna fidi?—Rum. 4:3.
X’INHI L-FIDI?
Il-fidi hi iktar milli sempliċement nemmnu dak li tgħid il-Bibbja, għax anke “d-demonji jemmnu [li Alla jeżisti] u jirtogħdu.” (Ġak. 2:19) Allura, x’inhi l-fidi?
Il-Bibbja tiddeskrivi l-fidi bħala li għandha żewġ aspetti. L-ewwel, “il-fidi hi l-istennija garantita t’affarijiet li nittamaw għalihom.” (Ebr. 11:1a) Jekk għandek fidi, int temmen b’mod sod li kulma jgħid Ġeħova hu veru u se jseħħ. Pereżempju, Ġeħova qal lill-Iżraelin li bħalma huma ma setgħux iwaqqfu x-xemx milli titlaʼ, bl-istess mod hu ma setax jikser il-patt tiegħu maʼ David. (Ġer. 33:20, 21) Int qatt tibżaʼ li x-xemx ma tibqax titlaʼ, u b’hekk ma jibqax ikun hawn lejl u nhar? Żgur li le. Jekk int ċert li x-xemx se titlaʼ kuljum, għandek int tiddubita li l-Ħallieq taʼ dawn l-affarijiet se jwettaq il-wegħdi tiegħu? Żgur li le!—Is. 55:10, 11; Mt. 5:18.
It-tieni, il-fidi hi “t-turija evidenti taʼ realtajiet li ma jidhrux,” jew l-evidenza konvinċenti t’affarijiet li ma jidhrux bl-għajnejn u madankollu huma reali. (Ebr. 11:1b) B’liema mod? Ejja ngħidu li tifel jistaqsik, ‘Kif taf li l-arja teżisti?’ Għalkemm qatt ma rajt l-arja, int forsi ssemmilu affarijiet li juru li l-arja teżisti, bħal li nieħdu n-nifs, li naraw il-weraq itiru bir-riħ, u affarijiet oħra. Meta t-tifel ikun konvint minn dan, hu jifhem li hu possibbli li jemmen f’xi ħaġa li ma jistax jara. B’mod simili, il-fidi hi bbażata fuq evidenza li nistgħu naraw.—Rum. 1:20.
HEMM BŻONN KUNDIZZJONI TAJBA TAL-QALB
Peress li l-fidi hi bbażata fuq l-evidenza, biex persuna jkollha l-fidi għandha l-ewwel tikseb “għarfien eżatt dwar il-verità.” (1 Tim. 2:4) Imma l-għarfien mhux biżżejjed. L-appostlu Pawlu kiteb: “Bil-qalb wieħed jeżerċita l-fidi.” (Rum. 10:10) Persuna m’għandhiex biss temmen il-verità imma tapprezzaha wkoll. B’hekk biss se tkun motivata biex teżerċita l-fidi, jiġifieri, li taġixxi fi qbil mal-verità. (Ġak. 2:20) Persuna li ma tapprezzax mill-qalb il-verità forsi tirrifjuta saħansitra evidenza konvinċenti peress li ma tkunx trid tbiddel it-twemmin tagħha jew tkun trid tagħmel dak li tixtieq hi. (2 Pt. 3:3, 4; Ġuda 18) Kien għalhekk li fi żminijiet Bibliċi mhux kull min ra l-mirakli żviluppa l-fidi. (Num. 14:11; Ġw. 12:37) L-ispirtu qaddis t’Alla jipproduċi l-fidi f’dawk biss li verament iħobbu dak li hu veru.—Gal. 5:22; 2 Tess. 2:10, 11.
KIF DAVID ŻVILUPPA FIDI SODA
Is-Sultan David hu fost dawk li kellhom fidi soda. (Ebr. 11:32, 33) Madankollu, mhux kull membru tal-familja tiegħu kellu fidi bħal din. Pereżempju, darba minnhom ħuh il-kbir Eljab, wera nuqqas taʼ fidi meta b’rabja qal li David kellu mottivi ħżiena għala kien qed jinkwieta dwar l-isfida taʼ Gulija. (1 Sam. 17:26-28) Ħadd ma jitwieled bil-fidi; lanqas hemm xi ħadd li jiritha mingħand il-ġenituri, allura l-fidi taʼ David kienet riżultat tal-ħbiberija tiegħu m’Alla.
F’Salm 27, David juri kif żviluppa fidi soda bħal din. (Vers 1) David immedita fuq l-esperjenzi tal-passat li kellu u fuq kif Ġeħova tratta mal-avversarji tiegħu. (Versi 2, 3) Hu verament apprezza l-arranġament taʼ Ġeħova għall-qima. (Vers 4) David qiem lil Alla flimkien maʼ qaddejja oħra fit-tabernaklu. (Vers 6) B’ħeġġa fittex lil Ġeħova bit-talb. (Versi 7, 8) Ukoll David ried ikun struwit fit-triq t’Alla. (Vers 11) Tant kienet importanti l-kwalità tal-fidi għal David li staqsa: “Fejn kont inkun li kieku ma kellix fidi?”—Vers 13. (nwt)
KIF ISSAĦĦAĦ IL-FIDI TIEGĦEK
Int jistaʼ jkollok fidi bħal taʼ David jekk timita l-attitudni mentali u d-drawwiet deskritti f’Salm 27. Peress li l-fidi hi bbażata fuq għarfien eżatt, iktar ma nistudjaw il-Kelma t’Alla u pubblikazzjonijiet ibbażati fuqha, iktar se jkun faċli li jkollna din il-kwalità li l-ispirtu t’Alla se jgħinna niżviluppaw. (Salm 1:2, 3) Meta tistudja, ħu l-ħin biex timmedita. Il-meditazzjoni hi l-ħamrija fejn jikber l-apprezzament. Hekk kif l-apprezzament tiegħek għal Ġeħova jikber, int se tkun trid teżerċita l-fidi billi tqimu fil-laqgħat tal-kongregazzjoni u titkellem dwar it-tama tiegħek m’oħrajn. (Ebr. 10:23-25) Ukoll, aħna nuru li għandna l-fidi meta nkomplu ‘nitolbu bla ma naqtgħu qalbna.’ (Lq. 18:1-8) Għalhekk, ‘itlob bla waqfien’ lil Ġeħova, u kun żgur li hu ‘jimpurtah minnek.’ (1 Tess. 5:17; 1 Pt. 5:7) Il-fidi tqanqalna nagħmlu dak li hu sew, u meta nagħmlu s-sew, il-fidi tagħna tissaħħaħ.—Ġak. 2:22.
ĦA JKOLLOK FIDI F’ĠESÙ
Fil-lejl taʼ qabel ma miet, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Eżerċitaw il-fidi f’Alla, eżerċitaw il-fidi fija wkoll.” (Ġw. 14:1) Allura hemm bżonn neżerċitaw, jew ikollna, fidi mhux biss f’Ġeħova imma wkoll f’Ġesù. Kif jistaʼ jkollok fidi f’Ġesù? Ejja nikkunsidraw tliet modi.
L-ewwel, qis il-fidwa bħala rigal personali mingħand Alla għalik. L-appostlu Pawlu qal li hu ‘jgħix bil-fidi fl-Iben t’Alla, li ħabbu u ta lilu nnifsu għalih.’ (Gal. 2:20) Jekk għandek fidi f’Ġesù, int temmen b’mod sod li l-fidwa tistaʼ tgħinek, li hi l-bażi għall-maħfra taʼ dnubietek, li tagħtik it-tama taʼ ħajja taʼ dejjem, u li hi l-ikbar prova li Alla jħobbok. (Rum. 8:32, 38, 39; Efes. 1:7) Dan se jsaħħek biex tkompli trażżan sentimenti negattivi dwarek innifsek.—2 Tess. 2:16, 17.
It-tieni, ersaq qrib taʼ Ġeħova bit-talb. Dan huwa possibbli biss bis-saħħa tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù. Permezz tal-fidwa, aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova “bil-libertà tal-kelma . . . sabiex insibu ħniena u qalb tajba mhix mistħoqqa għall-għajnuna f’waqtha.” (Ebr. 4:15, 16; 10:19-22) It-talb isaħħaħ id-determinazzjoni tagħna biex nirreżistu t-tentazzjoni li nidinbu.—Lq. 22:40.
It-tielet, obdi lil Ġesù. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem; min ma jobdix lill-Iben ma jarax il-ħajja, imma l-korla t’Alla tibqaʼ fuqu.” (Ġw. 3:36) Innota li Ġwanni għamel kuntrast bejn li neżerċitaw il-fidi u li nkunu diżubbidjenti. Għalhekk, int teżerċita fidi f’Ġesù meta tobdih. Int tobdi lil Ġesù billi timxi wara “l-liġi tal-Kristu,” li hi dak kollu li għallem u kmanda. (Gal. 6:2) Int tobdi wkoll lil Ġesù billi ssegwi d-direzzjoni li jipprovdi permezz ‘tal-ilsir leali u għaqli.’ (Mt. 24:45) Meta tobdi lil Ġesù, int se jkollok is-saħħa tissaporti problemi li jidhru perikolużi u tal-biżaʼ daqs maltempata.—Mt. 7:24, 25.
‘INBNEW FUQ IL-FIDI L-IKTAR QADDISA TAGĦKOM’
Darba, raġel għajjat u qal: “Jien għandi fidi! Għinni fejn neħtieġ il-fidi!” (Mk. 9:24) Hu kellu xi ftit fidi, imma kien modest u rrikonoxxa li kellu bżonn iktar fidi. Bħalu, ilkoll kemm aħna ngħaddu minn sitwazzjonijiet fil-ħajja fejn ikollna bżonn iktar fidi. U lkoll kemm aħna nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna issa. Kif rajna, aħna nsaħħu l-fidi tagħna meta nistudjaw il-Kelma t’Alla u nimmeditaw fuqha. Dan se jkabbar l-apprezzament tagħna għal Ġeħova. Il-fidi tagħna se tissaħħaħ ukoll meta flimkien maʼ ħutna nqimu lil Ġeħova, ngħidu lil oħrajn dwar it-tama tagħna, u nkomplu nitolbu. Iktar minn hekk, meta nsaħħu l-fidi tagħna, aħna nirċievu l-ikbar rigal possibbli. Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna: ‘Maħbubin, inbnew fuq il-fidi l-iktar qaddisa tagħkom sabiex iżżommu ruħkom fl-imħabba t’Alla.’—Ġuda 20, 21.