ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 50
“Kif Se Jiġu Mqajmin il-Mejtin?”
“Mewt, fejn hi r-rebħa tiegħek? Mewt, fejn hi t-tingiża tiegħek?”—1 KOR. 15:55.
GĦANJA 141 Il-miraklu tal-ħajja
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1-2. Għala l-Kristjani kollha għandhom jitgħallmu dwar l-irxoxt għall-ħajja fis-sema?
IL-MAĠĠORANZA tan-nies li jaqdu lil Ġeħova għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Imma xi Kristjani li ġew midlukin minn Ġeħova għandhom it-tama li jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema. Dawn l-aħwa midlukin jixtiequ jkunu jafu kif se tkun ħajjithom fis-sema. Imma, dawk li se jgħixu fuq l-art għala jridu jitgħallmu dwar dan ukoll? Kif se naraw, l-irxoxt għas-sema se jġib barkiet ukoll lil dawk li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art. Hi x’inhi t-tama tagħna, għandna nkunu interessati fl-irxoxt għas-sema.
2 Alla nebbaħ lil xi Kristjani tal-bidu biex jiktbu dwar l-irxoxt għas-sema. L-appostlu Ġwanni spjega: “Issa aħna wlied Alla, imma s’issa għadu ma ntweriex x’se nkunu. Nafu li meta jintwera se nkunu bħalu.” (1 Ġw. 3:2) Mela, il-Kristjani midlukin ma jafux kif se tkun il-ħajja fis-sema wara li jiġu rxoxtati. Però, huma jafu li se jaraw lil Ġeħova meta jirċievu l-premju tagħhom. Il-Bibbja ma tgħidilniex id-dettalji kollha dwar l-irxoxt għall-ħajja fis-sema, imma l-appostlu Pawlu pprovdielna xi informazzjoni. Il-midlukin se jkunu maʼ Kristu meta hu jġib “fix-xejn kull gvern u kull awtorità u qawwa.” Dan jinkludi wkoll “l-aħħar għadu, il-mewt.” Fl-aħħar, Ġesù u dawk li se jmexxu miegħu se jissottomettu ruħhom u kollox lil Ġeħova. (1 Kor. 15:24-28) Dan se jkun żmien tal-għaġeb! *
3. Kif jurina l-1 Korintin 15:30-32, il-fidi taʼ Pawlu fl-irxoxt x’għenitu jagħmel?
3 Il-fidi taʼ Pawlu fl-irxoxt għenitu biex jissaporti diversi provi. (Aqra l-1 Korintin 15:30-32.) Hu qal lill-Korintin: “Kuljum niffaċċja l-mewt.” Pawlu qal ukoll: “Jien iġġilidt mal-bhejjem salvaġġi f’Efesu.” Jistaʼ jkun li kien qed jitkellem dwar annimali letterali li kellu jiġġieled magħhom fl-arena f’Efesu. (2 Kor. 1:8; 4:10; 11:23) Jew jistaʼ jkun li kien qed jirreferi għall-oppożizzjoni mil-Lhud u oħrajn li kienu qishom “bhejjem salvaġġi.” (Atti 19:26-34; 1 Kor. 16:9) Kienu x’kienu, Pawlu ffaċċja perikli kbar, imma hu kien konvint li se jkun ferħan fil-futur.—2 Kor. 4:16-18.
4. It-tama tal-irxoxt, kif issaħħaħ lil ħutna llum? (Ara l-istampa tal-qoxra.)
4 Aħna qed ngħixu fi żminijiet perikolużi. Xi wħud minn ħutna spiċċaw vittmi tal-kriminalità. Oħrajn jgħixu f’pajjiżi fejn hemm il-gwerra u għalhekk jgħixu fil-biżaʼ. F’xi pajjiżi, in-nies taʼ Ġeħova ma jistgħux jippritkaw, imma huma jibqgħu jaqduh minkejja li jistgħu jispiċċaw il-ħabs jew jiġu maqtulin. Dawn l-aħwa huma eżempju eċċellenti għalina. Huma ma jibżgħux għax jafu li anki jekk jitilfu ħajjithom issa, Ġeħova jwegħedhom li se jagħtihom xi ħaġa aħjar fil-futur.
5. Liema attitudni perikoluża tistaʼ ddgħajjef il-fidi tagħna fl-irxoxt?
5 Pawlu wissa lil ħutu dwar attitudni perikoluża li xi wħud kellhom: “Jekk il-mejtin mhux se jiġu mqajmin, ‘ħa nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.’” Anki qabel żmien Pawlu, xi nies kellhom din l-attitudni. Hu jaf kien qed jikkwota minn Isaija 22:13 li jitkellem dwar l-attitudni li kellhom l-Iżraelin. Minflok ma provaw ikabbru l-imħabba tagħhom għal Alla, huma riedu jgawdu l-ħajja. Bażikament, l-attitudni tal-Iżraelin kienet bħal dik taʼ ħafna nies illum, “illum hawn u għada le.” Fil-fatt, fil-Bibbja nsibu l-konsegwenzi ħżiena li l-poplu taʼ Iżrael kellu jbati minħabba din l-attitudni ħażina.—2 Kron. 36:15-20.
6. Li nemmnu fl-irxoxt kif għandu jaffettwa maʼ min nagħmluha?
6 Li nafu li Ġeħova se jirxoxta lill-mejtin, għandu jaffettwa maʼ min nagħmluha. L-aħwa f’Korintu kellhom bżonn joqogħdu attenti biex ma jagħmluhiex maʼ dawk li ma kinux jemmnu fl-irxoxt. Minn dan nistgħu nitgħallmu lezzjoni: Jekk inqattgħu ħafna ħin maʼ wħud li ma jimpurtahomx x’se jiġri fil-futur u li moħħhom biss biex igawdu l-ħajja, dawn jistgħu jinfluwenzaw lilna. Jekk Kristjan veru jqattaʼ ħafna ħin maʼ nies bħal dawn, jistgħu jħassrulu l-attitudni u d-drawwiet tajba tiegħu. Fil-fatt, jistgħu jġegħluh jagħmel affarijiet li Alla jobgħod. U għalhekk li Pawlu wissa: “Stenbħu biex tkunu f’sensikom għall-ġustizzja u tipprattikawx id-dnub.”—1 Kor. 15:33, 34.
X’TIP TAʼ ĠISEM?
7. Kif juri l-1 Korintin 15:35-38, xi wħud liema mistoqsija jistgħu jqajmu dwar l-irxoxt?
7 Aqra l-1 Korintin 15:35-38. Xi wħud li jridu jqajmu d-dubji dwar l-irxoxt, jistgħu jistaqsu: “Kif se jiġu mqajmin il-mejtin?” Nagħmlu tajjeb li naħsbu dwar it-tweġiba taʼ Pawlu għax ħafna nies għandhom ideat differenti dwar x’jiġri wara l-mewt. Imma l-Bibbja x’tgħallem?
8. Liema eżempju jistaʼ jgħinna nifhmu l-irxoxt għall-ħajja fis-sema?
8 Meta xi ħadd imut, il-ġisem tiegħu jispiċċa. Imma l-Wieħed li ħalaq l-univers mix-xejn jistaʼ jirxoxta lil dik il-persuna, u jagħtiha l-ġisem li jkollha bżonn. (Ġen. 1:1; 2:7) Pawlu uża eżempju biex juri li Alla mhux bilfors iqajjem lil persuna bl-istess ġisem. Aħseb f’żerriegħa. Meta ż-żerriegħa tinżeraʼ fil-ħamrija, tibda tikber u ssir pjanta. Din il-pjanta se tkun differenti ħafna miż-żerriegħa. Pawlu uża dan l-eżempju biex juri li l-Ħallieq tagħna jistaʼ jagħti ġisem “skond kif jogħġbu.”
9. L-1 Korintin 15:39-41, x’jgħid dwar l-iġsma differenti?
9 Aqra l-1 Korintin 15:39-41. Pawlu semma li Alla ħalaq il-ġisem tal-bnedmin, tal-bhejjem, tal-għasafar, u tal-ħut, kollha differenti. Hu qal li fis-sema, aħna nistgħu naraw id-differenza bejn ix-xemx u l-qamar. Hu qal ukoll li “kewkba hi differenti minn kewkba oħra fil-glorja.” Dan huwa minnu minkejja li ma nistgħux narawhom b’għajnejna stess. Xjentisti jgħidu li hemm stilel differenti, uħud minnhom kbar, żgħar, ħomor, bojod, u sofor bħax-xemx. Pawlu qal ukoll li “hemm iġsma tas-sema, u iġsma taʼ l-art.” X’ried ifisser? Fuq l-art, aħna għandna ġisem tal-laħam imma fis-sema hemm iġsma tal-ispirtu bħal dawk li għandhom l-anġli.
10. Dawk li se jiġu rxoxtati għas-sema x’tip taʼ ġisem se jkollhom?
10 Innota x’qal Pawlu wara: “Hekk ukoll hu l-irxoxt tal-mejtin. Jinżeraʼ fit-taħsir, jiġi mqajjem bla taħsir.” Aħna nafu li meta xi ħadd imut, ġismu jispiċċa u jsir trab. (Ġen. 3:19) Allura l-ġisem kif jistaʼ “jiġi mqajjem bla taħsir”? Pawlu ma kienx qed jitkellem dwar in-nies li ġew imqajmin minn Elija, Eliżew, u Ġesù. Pawlu kien qed jirreferi għal dawk li se jiġu rxoxtati b’ġisem li jkun jistaʼ jgħix fis-sema, li hu “ġisem spiritwali.”—1 Kor. 15:42-44.
11-12. X’bidla esperjenza Ġesù meta ġie rxoxtat, u l-midlukin kif jesperjenzaw xi ħaġa simili?
11 Meta Ġesù kien fuq l-art, hu kellu ġisem tal-laħam. Imma meta ġie rxoxtat, hu “sar spirtu li jagħti l-ħajja” u reġaʼ mar lura fis-sema. Bl-istess mod, il-Kristjani midlukin ikunu rxoxtati b’ġisem li jistaʼ jgħix fis-sema. Pawlu spjega dan: “Bħalma lbisna x-xbieha taʼ dak li hu magħmul mit-trab, se nilbsu wkoll ix-xbieha taʼ dak li hu tas-sema.”—1 Kor. 15:45-49.
12 Huwa importanti niftakru li Ġesù ma kienx irxoxtat b’ġisem tal-laħam. Meta Pawlu kien kważi spiċċa d-diskussjoni tiegħu, hu qal: “Il-laħam u d-demm ma jistgħux jirtu s-saltna t’Alla” fis-sema. (1 Kor. 15:50) L-appostli u l-midlukin ma kinux se jiġu rxoxtati fis-sema b’ġisem tal-laħam u d-demm li jistaʼ jispiċċa. Huma meta kienu se jiġu rxoxtati? Pawlu qal li huma kienu se jiġu rxoxtati fil-futur, mhux eżatt malli jmutu. Meta Pawlu kiteb l-1 Korintin, xi dixxipli kienu diġà “raqdu fil-mewt,” bħal pereżempju l-appostlu Ġakbu. (Atti 12:1, 2) Iktar tard l-appostli u midlukin oħrajn kienu se ‘jorqdu fil-mewt.’—1 Kor. 15:6.
REBĦA FUQ IL-MEWT
13. X’kellu jiġri matul il-preżenza taʼ Kristu?
13 Ġesù u anki Pawlu pprofetizzaw dwar żmien importanti li kellu jiġi. Dan iż-żmien jissejjaħ il-preżenza taʼ Kristu. Matul il-preżenza taʼ Kristu kellu jkun hemm gwerer, terremoti, mard li jittieħed, u problemi oħrajn madwar id-dinja. Aħna rajna din il-profezija tal-Bibbja titwettaq mill-1914 ’l hawn. Però, kellu jkun hemm sinjal importanti ieħor. Ġesù qal li l-aħbar tajba li s-Saltna t’Alla qed tmexxi se tkun pritkata “fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mt. 24:3, 7-14) Pawlu qal ukoll li “l-preżenza tal-Mulej” kienet se tkun iż-żmien meta l-Kristjani midlukin li “raqdu fil-mewt” jiġu rxoxtati.—1 Tess. 4:14-16; 1 Kor. 15:23.
14. X’jiġri lill-Kristjani midlukin li jmutu matul il-preżenza taʼ Kristu?
14 Il-Kristjani midlukin li jmutu issa jiġu rxoxtati mill-ewwel għall-ħajja fis-sema. Dan jikkonfermah Pawlu fl-1 Korintin 15:51, 52: “Mhux ilkoll se norqdu fil-mewt, imma lkoll se nitbiddlu, f’mument, f’ħakka t’għajn, matul l-aħħar trumbetta.” Dan il-kliem taʼ Pawlu issa qiegħed jitwettaq! Malli jirxoxtaw, ħut Kristu se jkollhom ferħ kbir; huma se jkunu “dejjem mal-Mulej.”—1 Tess. 4:17.
15. Liema xogħol se jagħmlu dawk li se jinbidlu “f’ħakka t’għajn”?
15 Il-Bibbja tgħidilna liema xogħol se jagħmlu fis-sema dawk li se jinbidlu Riv. 2:26, 27) Huma se jsegwu lil Ġesù u ‘jirgħu lin-nies b’xettru tal-ħadid,’ jiġifieri, jeqirdu lill-ġnus.—Riv. 19:11-15.
“f’ħakka t’għajn.” Ġesù se jgħidilhom: “Lil min jirbaħ u josserva l-għemejjel tiegħi sat-tmiem nagħtih l-awtorità fuq il-ġnus, u jirgħa lin-nies b’xettru tal-ħadid sabiex jitkissru biċċiet bħal reċipjenti tal-fuħħar, bħalma jien irċivejt l-awtorità mingħand Missieri.” (16. Miljuni taʼ nies kif se joħorġu rebbiħin fuq il-mewt?
16 Bla dubju, il-midlukin se joħorġu rebbiħin fuq il-mewt. (1 Kor. 15:54-57) Permezz tal-irxoxt tagħhom se jkunu jistgħu jgħinu lil Ġesù biex ineħħi l-ħażen kollu matul il-gwerra taʼ Armageddon. Miljuni oħra taʼ rġiel u nisa Kristjani se ‘joħorġu mit-tribulazzjoni l-kbira,’ u jgħaddu għad-dinja l-ġdida. (Riv. 7:14) Dawk li se jibqgħu ħajjin fuq l-art se jaraw rebħa oħra fuq il-mewt meta biljuni taʼ nies li mietu fil-passat se jiġu rxoxtati. Immaġina kemm se nkunu ferħanin meta jiġri dan! (Atti 24:15) Imbagħad, dawk kollha li jkunu leali lejn Ġeħova se jirbħu l-mewt li wirtu mingħand Adam ukoll, u se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem.
17. L-1 Korintin 15:58, x’qed jinkuraġġina nagħmlu?
17 Kull Kristjan għandu japprezza l-kliem inkuraġġanti li Pawlu kiteb lill-Korintin dwar l-irxoxt. Għandna raġunijiet tajbin biex nobdu l-parir taʼ Pawlu u nagħmlu dak kollu li nistgħu “fix-xogħol tal-Mulej.” (Aqra l-1 Korintin 15:58.) Jekk dejjem nagħmlu l-almu tagħna f’dan ix-xogħol, nistgħu nħarsu ’l quddiem għall-ħajja mill-isbaħ fil-futur. Dan il-futur se jkun isbaħ minn kull ħaġa oħra li nistgħu nimmaġinaw. Dakinhar se naraw li l-isforz li għamilna għal Ġeħova ma kienx għal xejn.
GĦANJA 140 Ħajja bla tmiem—X’serħan!
^ par. 5 It-tieni nofs tal-1 Korintin kapitlu 15 jitkellem dwar l-irxoxt, speċjalment dwar l-irxoxt tal-Kristjani midlukin. Però, dak li kiteb Pawlu f’dan il-kapitlu hu importanti wkoll għan-nagħaġ oħrajn. Dan l-artiklu se jurina kif it-tama tal-irxoxt għandha taffettwa ħajjitna issa u tgħinna biex inħarsu ’l quddiem għall-futur.
^ par. 2 Ara “Mistoqsijiet mill-Qarrejja” f’din il-ħarġa li tispjega dak li qal Pawlu fl-1 Korintin 15:29.