Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Il-​kliem tal-​appostlu Pawlu li nsibu fl-​1 Korintin 15:29, ifisser li xi Kristjani fi żmienu tgħammdu għan-​nom tal-​mejtin?

Le, la fil-​Bibbja u lanqas f’kotba tal-​istorja oħrajn ma nsibu li xi Kristjani tgħammdu għan-​nom taʼ xi nies li kienu mietu.

Il-​mod kif dan il-​vers ġie tradott f’ħafna Bibbji jġiegħel lil xi nies jaħsbu li kienet issir il-​magħmudija għan-​nom tal-​mejtin fi żmien il-​Kristjani tal-​bidu. Pereżempju, xi Bibbji jgħidu: “Inkella x’jagħmlu dawk li huma mgħammdin għall-​mejtin, jekk il-​mejtin ma jqumu bl-​ebda mod? Għaliex jitgħammdu għalihom?”—Il-​Bibbja, Għaqda Biblika Maltija.

Studjuż tal-​Bibbja jismu Dr. Gregory Lockwood qal li m’hemm ebda prova li fil-​Bibbja jew fl-​istorja xi ħadd tgħammed għan-​nom taʼ persuna mejta. Studjuż ieħor tal-​Bibbja, il-​Professur Gordon D. Fee jaqbel maʼ dan. Hu kiteb li la fil-​Bibbja u lanqas fl-​istorja m’hemm eżempju taʼ xi magħmudija bħal din. Hu qal ukoll li fit-​Testment il-​Ġdid qatt ma ssemmiet u m’hemmx provi li din saret mill-​Kristjani tal-​bidu jew f’xi knejjes li kien hemm wara l-​mewt tal-​ appostli.

Il-​Bibbja tgħid li d-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom ‘jagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, jgħammduhom . . . , u jgħallmuhom josservaw dak kollu li ordnalhom’ hu. (Mt. 28:19, 20) Qabel ma xi ħadd isir dixxiplu mgħammed, hu kellu bżonn jitgħallem dwar Ġeħova u Ibnu, jemmen fihom, u jobdihom. Xi ħadd li kien diġà mejjet u fil-​qabar, ma setax jagħmel dan; u lanqas Kristjan ħaj ma setaʼ jagħmel dan għalih.—Ekk. 9:5, 10; Ġw. 4:1; 1 Kor. 1:14-​16.

Allura, Pawlu x’kien qed jgħid?

Xi Korintin qalu li l-​mejtin ma kinux se jiġu rxoxtati. (1 Kor. 15:12) Pawlu wriehom li kienu żbaljati. Kif? Pawlu spjegalhom li hu kuljum kien ikun fil-​periklu tal-​mewt, imma kien fiduċjuż li wara l-​mewt tiegħu kien se jiġi rxoxtat għall-​ħajja fis-​sema bħal Ġesù.—1 Kor. 15:30-​32, 42-​44.

Il-​Korintin kellhom bżonn jifhmu li l-​Kristjani midlukin kellhom jiffaċċjaw provi kuljum u jmutu leali qabel ma jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema. Għalhekk, meta huma kienu ‘tgħammdu fi Kristu Ġesù’ kienu wkoll ‘tgħammdu f’mewtu.’ (Rum. 6:3) Dan ifisser li bħal Ġesù, huma kellhom jgħaddu mill-​provi u jmutu qabel jiġu rxoxtati għas-​sema.

Iktar minn sentejn wara li Ġesù tgħammed fl-​ilma, hu qal lil tnejn mill-​appostli tiegħu: “Bil-​magħmudija li qed nitgħammed jien se titgħammdu.” (Mk. 10:38, 39) Imma, Ġesù ma kienx qed jgħid li se jerġaʼ jitgħammed fl-​ilma. Hawnhekk, Ġesù kien qed jgħid li l-​lealtà tiegħu lejn Alla kienet se twassal għal mewtu. Pawlu kiteb li l-​midlukin kienu se ‘jsofru flimkien biex ikunu wkoll glorifikati flimkien.’ (Rum. 8:16, 17; 2 Kor. 4:17) Għalhekk, anki huma kellhom imutu biex jiġu rxoxtati għall-​ħajja fis-​sema.

Mela, dak li qal Pawlu ġie tradott b’mod tajjeb: “Inkella, x’se jagħmlu dawk li qed jitgħammdu bl-​iskop li jkunu mejtin? Jekk il-​mejtin żgur mhux se jiġu mqajmin, dawk għala qed jitgħammdu bl-​iskop li jkunu mejtin?”