Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 48

“Kunu Qaddisin”

“Kunu Qaddisin”

“Kunu . . . qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom.”—1 PT. 1:15.

GĦANJA 34 Nimxu bl-​integrità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Pietru x’parir tahom lill-​Kristjani, u għala jistaʼ jidher impossibbli li jobduh?

 SEW jekk għandna t-​tama li ngħixu fis-​sema u sew jekk għandna t-​tama li ngħixu fuq l-​art, se nibbenefikaw billi nikkunsidraw il-​pariri li l-​appostlu Pietru ta lill-​Kristjani midlukin tal-​bidu. Pietru kiteb: “Fi qbil mal-​Qaddis li sejħilkom, kunu intom ukoll qaddisin fil-​kondotta kollha tagħkom, għax hu miktub: ‘Kunu qaddisin, għax jien qaddis.’” (1 Pt. 1:15, 16) Minn dan il-​kliem naraw li aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova, li hu l-​aqwa eżempju taʼ qdusija. Għalhekk, aħna nistgħu u għandna nkunu qaddisin f’dak kollu li nagħmlu. Minħabba li aħna imperfetti forsi naħsbu li dan hu impossibbli. Pietru wkoll għamel xi żbalji, imma l-​eżempju tiegħu jurina li nistgħu ‘nkunu qaddisin.’

2. Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

2 F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw il-​mistoqsijiet li ġejjin: Xi jfisser li tkun qaddis? Il-​Bibbja x’tgħallimna dwar il-​qdusija taʼ Ġeħova? Kif nistgħu nkunu qaddisin f’dak kollu li nagħmlu? U li nkunu qaddisin kif jaffettwa l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

XI JFISSER LI TKUN QADDIS?

3. In-​nies x’jiġihom f’moħħhom meta jaħsbu dwar xi ħadd qaddis, u fejn nistgħu nfittxu xi tfisser?

3 Ħafna nies meta jaħsbu dwar xi ħadd qaddis jiġihom f’moħħhom persuna li qatt ma titbissem, tilbes ilbies reliġjuż speċjali, u dejjem serja. Imma persuna qaddisa ma tkunx hekk. Il-​Bibbja tgħid li Ġeħova, li hu qaddis, hu “l-​Alla l-​hieni.” (1 Tim. 1:11) U l-​qaddejja tiegħu huma ferħanin ukoll. (Salm 144:15) Ġesù kkundanna lil dawk in-​nies li kienu jilbsu lbies speċjali u li kienu jagħmlu affarijiet tajbin għal għajn in-​nies. (Mt. 6:1; Mk. 12:38) Il-​Kristjani veri jafu x’jiġifieri li tkun qaddis minħabba dak li tgħid il-​Bibbja. Aħna nafu li Ġeħova jħobbna u hu qatt mhu se jitlobna nagħmlu xi ħaġa li ma nistgħux nagħmlu. Għalhekk, meta Ġeħova jgħidilna: “Kunu qaddisin” aħna ċerti li dan huwa possibbli. Bla dubju, biex inkunu qaddisin f’dak kollu li nagħmlu, irridu nifhmu eżatt xi jfisser li tkun qaddis.

4. Il-​kliem “qaddis” u “qdusija” xi jfissru?

4 Xi jfisser li tkun qaddis? Fil-​Bibbja, il-​kliem “qaddis” u “qdusija” jfissru li persuna tgħix ħajja nadifa u tqim lil Alla b’mod nadif. Dan il-​kliem jagħti l-​idea wkoll li xi ħaġa jew xi ħadd ikun iddedikat lil Alla. Fi kliem ieħor, li nkunu qaddisin ifisser li ngħixu ħajja mingħajr ma nagħmlu l-​ebda ħażen, li naqdu lil Ġeħova kif jixtieq hu, u li jkollna ħbiberija mill-​qrib miegħu. Mhux xi ħaġa sabiħa li minkejja li aħna imperfetti u Ġeħova hu qaddis, jixtieq li aħna jkollna ħbiberija mill-​qrib miegħu?

“QADDIS, QADDIS, QADDIS HU ĠEĦOVA”

5. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova mill-​anġli leali tiegħu?

5 Ġeħova hu qaddis f’kollox. Is-​serafini, anġli li qegħdin qrib it-​tron tiegħu, qalu hekk dwaru: “Qaddis, qaddis, qaddis hu Ġeħova taʼ l-​armati.” (Is. 6:3) Dawn l-​anġli setaʼ jkollhom din il-​ħbiberija miegħu għax huma qaddisin. Hu għalhekk li meta l-​anġli wasslu messaġġ fuq l-​art, il-​post setaʼ jissejjaħ qaddis. Fil-​fatt, hekk ġara meta Mosè kien qrib l-​għollieqa li kienet qed taqbad.—Eżo. 3:2-​5; Ġoż. 5:15.

Il-kliem “il-qdusija hi taʼ Ġeħova” kien ikun miktub fuq strixxa tad-deheb li kienet tkun maʼ moħħ il-qassis il-kbir (Ara paragrafi 6-7)

6-7. (a) Skont Eżodu 15:1, 11, Mosè kif għamilha ċara li Ġeħova hu qaddis? (b) L-​Iżraelin kif setgħu jiftakru li Alla hu qaddis? (Ara l-​istampa tal-​qoxra)

6 Wara li Mosè qasam il-​Baħar l-​Aħmar mal-​Iżraelin, hu qalilhom xi ħaġa importanti, li Alla tagħhom, Ġeħova, hu qaddis. (Aqra Eżodu 15:1, 11.) L-​Eġizzjani li kienu jqimu allat foloz żgur li ma kinux qaddisin u lanqas il-​Kangħanin għax kienu jagħmlu bħalhom. Dawn kienu joffru lit-​tfal tagħhom bħala sagrifiċċju u jagħmlu atti sesswali moqżieża. (Lev. 18:3, 4, 21-​24; Dt. 18:9, 10) Imma Ġeħova hu differenti minn dawk l-​allat foloz. Hu qatt mhu se jgħid lill-​qaddejja tiegħu biex jagħmlu xi ħaġa ħażina. Ġeħova hu qaddis f’kollox. U biex l-​Iżraelin jiftakru dan, il-​qassis il-​kbir kien ikollu strixxa tad-​deheb fuq moħħu b’dan il-​kliem fuqha: “Il-​qdusija hi taʼ Ġeħova.”—Eżo. 28:36-​38.

7 Il-​kliem fuq dik l-​istrixxa tad-​deheb kien jagħmilha ċara lil dawk kollha li kienu jarawha li Ġeħova hu qaddis. Imma xi ngħidu għal dawk l-​Iżraelin li ma setgħux jaraw dan il-​kliem minħabba li ma setgħux ikunu viċin tal-​qassis il-​kbir. Setgħu jkunu jafu li Ġeħova hu qaddis? Iva! L-​irġiel, in-​nisa, u t-​tfal kollha kienu jisimgħu dan il-​messaġġ meta kienet tinqara l-​Liġi. (Dt. 31:9-​12) Li kieku kellek tkun hemm żgur li kont se tismaʼ dan il-​kliem: “Jien Ġeħova Alla tagħkom; u tridu . . . tkunu qaddisin, għax jien qaddis.” “Tridu turu li intom qaddisin għalija, għaliex jien, Ġeħova, qaddis.”—Lev. 11:44, 45; 20:7, 26.

8. X’nitgħallmu minn Levitiku 19:2 u l-​1 Pietru 1:14-​16?

8 Issa se naraw xi ħaġa li nsibuha f’​Levitiku 19:2 u li Ġeħova ried li tinqara lill-​Iżraelin kollha. Hu qal lil Mosè: “Kellem lill-​ġemgħa kollha taʼ wlied Israel, u għidilhom, ‘Għandkom turu li intom qaddisin, għax jien, Ġeħova Alla tagħkom, qaddis.’” Pietru jistaʼ jkun li kien qed jikkwota minn dan il-​vers meta qal lill-​Kristjani biex ‘ikunu qaddisin.’ (Aqra l-1 Pietru 1:14-​16.) Illum, aħna m’għadniex taħt il-​Liġi Mosajka. Però, dak li kiteb Pietru jikkonferma dak li tgħallimna minn Levitiku 19:2, li Ġeħova hu qaddis u dawk li jħobbuh għandhom jagħmlu dak kollu li jistgħu biex ikunu qaddisin ukoll. Dan japplika sew għal dawk li għandhom it-​tama li jgħixu fis-​sema u sew għal dawk li għandhom it-​tama li jgħixu f’ġenna tal-​art.—1 Pt. 1:4; 2 Pt. 3:13.

“KUNU . . . QADDISIN FIL-​KONDOTTA KOLLHA TAGĦKOM”

9. Kif nistgħu nibbenefikaw minn Levitiku kapitlu 19?

9 Minħabba li aħna rridu nagħmlu dak li jixtieq Alla, irridu nitgħallmu kif inkunu qaddisin. Biex inkunu nafu kif, Ġeħova tana l-​pariri. Pereżempju, f’​Levitiku kapitlu 19 insibu wħud minn dawn il-​pariri. Studjuż Ebrew, Marcus Kalisch, kiteb: “Dan jistaʼ jkun l-​iktar kapitlu importanti fil-​ktieb tal-​Levitiku u fl-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja.” Ftakar li Levitiku 19 jibda bil-​kliem: “Għandkom turu li intom qaddisin.” Issa se naraw xi versi minn dan il-​kapitlu li jgħallmuna modi differenti taʼ kif nistgħu nkunu qaddisin fil-​ħajja taʼ kuljum.

Il-liġi dwar il-ġenituri li nsibu f’​Levitiku 19:3, x’għandha ġġiegħel lill-Kristjani jagħmlu? (Ara paragrafi 10-12) *

10-11. Levitiku 19:3 x‘jgħidilna li għandna nagħmlu, u għala hu importanti?

10 Wara li Ġeħova qal lill-​Iżraelin biex ikunu qaddisin, hu kompla jgħid: “Għandkom tibżgħu [jiġifieri, tirrispettaw] kull wieħed minnkom minn ommu u minn missieru . . . Jien Ġeħova Alla tagħkom.”—Lev. 19:2, 3.

11 Jidher ċar li hu importanti li nobdu l-​parir taʼ Ġeħova biex nirrispettaw lill-​ġenituri tagħna. Tiftakar x’qal Ġesù meta raġel staqsieh: ‘Xi rrid nagħmel biex ikolli ħajja taʼ dejjem?’ Parti mit-​tweġiba taʼ Ġesù kienet li għandu jirrispetta lil ommu u lil missieru. (Mt. 19:16-​19) U anke lill-​iskribi u l-​Fariżej, Ġesù wkoll qalilhom li ma kinux qegħdin jagħmlu sew għax huma kienu qed jagħmlu minn kollox biex ma jiħdux ħsieb lill-​ġenituri tagħhom. B’hekk, ‘il-​kelma t’Alla ġabuha fix-​xejn.’ (Mt. 15:3-​6) Meta Ġesù qalilhom “il-​kelma t’Alla ġibtuha fix-​xejn,” kien qed jirreferi għall-​ħames kmandament kif ukoll għal dak li hemm miktub f’​Levitiku 19:3. (Eżo. 20:12) U tinsiex li l-​parir li nsibu f’​Levitiku 19:3 biex nirrispettaw lill-​ġenituri tagħna jiġi eżatt wara l-​kliem: “Għandkom turu li intom qaddisin, għax jien, Ġeħova Alla tagħkom, qaddis.”

12. X’nistgħu nagħmlu biex nobdu l-​kmand li nsibu f’​Levitiku 19:3?

12 Meta naħsbu dwar il-​kmand li tana Ġeħova biex nirrispettaw lill-​ġenituri, forsi nistaqsu, ‘Jien nirrispettahom lill-​ġenituri tiegħi?’ Jekk forsi tħoss li stajt għamilt iktar magħhom, issa għandek iċ-​ċans. Ma tistax tbiddel il-​passat, għalhekk agħmel dak kollu li tistaʼ biex tqattaʼ kemm jistaʼ jkun ħin magħhom u tgħinhom. Pereżempju, tistaʼ tixtrilhom xi affarijiet li jkollhom bżonn jew tgħinhom biex jibqgħu qrib taʼ Ġeħova u jkomplu jaqduh. Tistaʼ wkoll tinkuraġġihom. Jekk tagħmel hekk tkun qed tobdi l-​kmand li nsibu f’​Levitiku 19:3.

13. (a) X’parir ieħor insibu f’​Levitiku 19:3? (b) Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù li nsibuh f’​Luqa 4:16-​18?

13 Levitiku 19:3 jgħallimna xi ħaġa oħra dwar kif insiru qaddisin. Dan il-​vers jgħid li l-​Iżraelin kellhom jobdu s-​Sabat. Il-​Kristjani m’għadhomx taħt il-​Liġi Mosajka, u għalhekk ma jobdux is-​Sabat. Però, nistgħu nitgħallmu ħafna minn dak li kienu jagħmlu l-​Iżraelin fis-​Sabat u kif kienu jibbenefikaw. Fis-​Sabat ma kinux jagħmlu xogħol u dan il-​jum kienu jħalluh biex iqimu lil Alla. * Huwa għalhekk li Ġesù fis-​Sabat kien imur fis-​sinagoga u joqgħod jaqra mill-​Kelma t’Alla. (Eżo 31:12-​15; aqra Luqa 4:16-​18.) Il-​kmand li tana Alla u li nsibuh f’​Levitiku 19:3, ‘ħarsu s-​Sabatijiet tiegħi,’ għandu jimmotivana biex inwarrbu l-​ħin kuljum għall-​affarijiet spiritwali. Tħoss li għandek fejn tirranġa biex tobdi dan il-​kmand? Jekk twarrab il-​ħin għall-​affarijiet spiritwali b’mod regolari se ssaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova, u dan hu importanti ħafna biex issir qaddis.

SAĦĦAĦ IL-​ĦBIBERIJA TIEGĦEK MAʼ ĠEĦOVA

14. Levitiku kapitlu 19 liema verità importanti jsemmi taʼ spiss?

14 Levitiku kapitlu 19 spiss isemmi verità importanti li tistaʼ tgħinna nibqgħu qaddisin. Vers 4 jispiċċa bil-​kliem: “Jien Ġeħova Alla tagħkom.” Din il-​frażi jew kliem simili nsibuh 16-​il darba f’dan il-​kapitlu. Dan ifakkarna fl-​ewwel kmandament: “Jien Ġeħova Alla tiegħek . . . Ma jkollokx allat oħrajn għajri.” (Eżo. 20:2, 3) Kull Kristjan li jrid isir qaddis għandu joqgħod attent li xejn u ħadd ma jkun iktar importanti għalih mill-​ħbiberija tiegħu m’Alla. U bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna determinati li ma nagħmlu xejn li jistaʼ jġib tmaqdir fuq l-​isem qaddis tiegħu.—Lev. 19:12; Is. 57:15.

15. Il-​versi dwar is-​sagrifiċċji li nsibu f’​Levitiku kapitlu 19 xi jġegħluna nagħmlu?

15 L-​Iżraelin urew li aċċettaw lil Ġeħova bħala l-​Alla tagħhom billi obdew il-​liġijiet tiegħu. Levitiku 18:4 jgħid: “Id-​deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħi għandkom twettqu, u għandkom tħarsu l-​istatuti tiegħi sabiex timxu fuqhom. Jien Ġeħova Alla tagħkom.” Uħud mill-​“istatuti,” jew liġijiet, li Alla ta lill-​Iżraelin insibuhom f’​Levitiku kapitlu 19. Pereżempju, versi 5-​8, 21, 22 isemmu s-​sagrifiċċji tal-​annimali. L-​Iżraelin kellhom jagħmlu dawn is-​sagrifiċċji b’mod li ma jħammġux “xi ħaġa qaddisa taʼ Ġeħova.” Meta naqraw dawn il-​versi se nkunu rridu nogħġbu lil Ġeħova u nagħtuh tifħir bħala sagrifiċċju kif jurina biex nagħmlu Ebrej 13:15.

16. Liema prinċipju li nsibu f’​Levitiku kapitlu 19 ifakkarna li għandna nkunu differenti min-​nies oħrajn?

16 Biex insiru qaddisin aħna rridu nkunu lesti li nkunu differenti min-​nies tad-​dinja. Dan jistaʼ jkun diffiċli. Xi kultant uħud fl-​iskola, fuq ix-​xogħol, membri tal-​familja li mhumiex Xhieda, u oħrajn jaf jagħmlulna l-​pressjoni biex nagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova. Meta jagħmlulna hekk, ikollna nieħdu deċiżjoni importanti. X’jistaʼ jgħinna nieħdu deċiżjoni tajba? Aħseb dwar il-​prinċipju li nsibu f’​Levitiku 19:19, li jgħid: “Tilbisx libsa b’żewġ tipi taʼ ħajt, imħallat flimkien.” Dan il-​kmand għen lill-​Iżraelin biex ikunu jidhru differenti min-​nies l-​oħrajn. Peress li aħna m’aħniex taħt il-​Liġi Mosajka, għalina bħala Kristjani mhuwiex ħażin li nilbsu ħwejjeġ taʼ żewġ tipi taʼ materjali differenti, bħal cotton u polyester. Imma aħna nagħżlu li ma nkunux bħan-​nies tad-​dinja, li jemmnu u jagħmlu affarijiet li ma jaqblux mat-​tagħlim tal-​Bibbja. Anke jekk dawn ikunu fl-​iskola magħna, jaħdmu magħna, jew tal-​familja tagħna. Bla dubju, aħna nħobbu kemm lil tal-​familja u kemm lil nies oħrajn. Imma bid-​deċiżjonijiet li nieħdu nuru li nħobbu lil Ġeħova, anke jekk dan jagħmilna differenti min-​nies taʼ madwarna. Ftakar, li tkun dedikat lil Alla għandu x’jaqsam maʼ li tkun qaddis. Għalhekk, hu importanti ħafna li nirsistu biex inkunu qaddisin.—2 Kor. 6:14-​16; 1 Pt. 4:3, 4.

L-Iżraelin liema lezzjoni kellhom jitgħallmu minn Levitiku 19:23-25, u inti liema lezzjoni tgħallimt minn dawn il-versi? (Ara paragrafi 17-18) *

17-18. X’lezzjoni importanti nistgħu nitgħallmu minn Levitiku 19:23-​25?

17 Il-frażi “Jien Ġeħova Alla tagħkom” kellha tgħin lill-Iżraelin jiftakru li l-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova kellha tkun l-iktar ħaġa importanti għalihom. Levitiku 19:​23-25 jurina mod wieħed kif. (Aqra.) Aħseb x’kien ifisser dan il-kliem għall-Iżraelin meta daħlu fl-Art Imwiegħda. Meta raġel kien jiżraʼ s-siġar tal-frott, hu ma setax jiekol il-frott taʼ dawn is-siġar fl-ewwel tliet snin. Fir-rabaʼ sena, il-frott kellu jagħtih biex jintuża fit-tempju taʼ Ġeħova. Hu setaʼ jiekol mill-frott tas-siġra fil-ħames sena. Din il-liġi kellha tgħin lill-Iżraelin jifhmu li ma kellhomx ipoġġu l-interessi tagħhom l-ewwel. Ġeħova riedhom jafdaw fih li se jieħu ħsiebhom u jpoġġu l-qima lejh l-ewwel post f’ħajjithom. Hu kien se jagħmel ċert li jkollhom biżżejjed x’jieklu. Hu inkuraġġiehom biex ikunu ġenerużi meta jagħtu l-affarijiet għat-tempju.

18 Il-​liġi li nsibu f’​Levitiku 19:23-​25 tfakkarna fil-​kliem li qal Ġesù fil-​Prietka taʼ fuq il-​Muntanja. Hu qal: “Tibqgħux tkunu ansjużi dwar . . . x’se tieklu jew x’se tixorbu.” Imbagħad, Ġesù kompla jgħid: “Missierkom tas-​sema jaf li teħtieġu dawn l-​affarijiet kollha.” Alla se jipprovdilna dak li jkollna bżonn bħalma jipprovdi lill-​għasafar. (Mt. 6:25, 26, 32) Aħna nafdaw f’Ġeħova għax nafu li hu se jieħu ħsiebna. Mingħajr ma noqogħdu ngħidu x’nagħmlu, aħna nagħtu “għotjiet taʼ ħniena” biex ngħinu lil dawk fil-​bżonn. Aħna nieħdu pjaċir ukoll nagħtu dak li nistgħu biex ngħinu għall-​ispejjez tal-​kongregazzjoni. Meta nkunu ġenerużi, Ġeħova jinnotana u hu se jippremjana. (Mt. 6:2-​4) Barra minn hekk, inkunu qed nuru li aħna nifhmu l-​lezzjonijiet li hemm f’​Levitiku 19:23-​25.

19. Int kif ibbenefikajt minn dawn il-​versi taʼ Levitiku?

19 Aħna għaddejna flimkien ftit versi minn Levitiku kapitlu 19, u dawn għenuna biex nifhmu kif nistgħu nkunu qaddisin bħal Ġeħova. Billi nimitaw lilu, aħna nuru li qed nipprovaw ‘inkunu qaddisin fil-​kondotta kollha tagħna.’ (1 Pt. 1:15) Ħafna nies jaraw li l-​qaddejja taʼ Ġeħova jgħixu ħajja tajba. Fil-​fatt dan għen lil xi wħud biex huma wkoll jibdew ifaħħru lil Ġeħova. (1 Pt. 2:12) Imma hemm ħafna iżjed x’nitgħallmu minn Levitiku kapitlu 19. Fl-​artiklu li jmiss se naraw versi oħrajn minn dan il-​kapitlu. U dawn se jgħinuna naraw modi oħrajn taʼ kif nistgħu ‘nkunu qaddisin,’ kif qalilna l-​appostlu Pietru.

GĦANJA 80 “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb”

^ Aħna nħobbuh ħafna lil Ġeħova u nixtiequ nagħmlu dak li jrid hu. Ġeħova hu qaddis u hu jistenna li l-​qaddejja tiegħu jkunu qaddisin bħalu. Imma peress li aħna imperfetti, nistgħu nkunu qaddisin? Iva. Nistgħu nitgħallmu nkunu qaddisin f’dak kollu li nagħmlu billi nistudjaw dak li qal l-​appostlu Pietru lill-​Kristjani tal-​bidu u dak li Ġeħova kkmanda lill-​Iżraelin.

^ Biex issir taf iktar dwar is-​Sabat u tara l-​lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu minnu, ara l-​artiklu “Hemm ħin biex taħdem u ħin biex tistrieħ” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa taʼ Diċembru 2019.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Tifel qed iqattaʼ l-ħin mal-ġenituri tiegħu, mar jarahom mal-mara u t-tifla tiegħu, u jagħmel ċert li jitkellem magħhom taʼ spiss.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Bidwi Iżraeli qed iħares lejn il-frott tas-siġar li żeraʼ.