Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 7

“Ismaʼ Kliem l-Għorrief”

“Ismaʼ Kliem l-Għorrief”

“Mejjel widintek u ismaʼ kliem l-​għorrief.”—PROV. 22:17.

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-​ordni teokratiku

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Kultant għala nirċievu parir, u għala jkollna bżonnu?

 XI DARBA jew oħra, ilkoll kemm aħna jkollna bżonn ningħataw parir. U xi kultant forsi aħna nitolbu parir mingħand xi ħadd li nafdaw. Imma ġieli, ħu li jinkwieta għalina jaf jgħidilna li se nagħmlu pass “falz,” jiġifieri nkunu se nagħmlu xi ħaġa li wara jiddispjaċina. (Gal. 6:1) U jistaʼ jkun ukoll li nirċievu parir mingħand xi ħadd wara li nkunu għamilna żball serju. Tkun xi tkun ir-​raġuni għala ningħataw il-​parir, aħna għandna naċċettawh. Jekk nagħmlu hekk se jkun taʼ ġid għalina u jistaʼ jsalvalna ħajjitna!—Prov. 6:23.

2. Skont Proverbji 12:15, għala għandna nisimgħu mill-​pariri?

2 L-​iskrittura prinċipali tal-​artiklu tinkuraġġina biex ‘nisimgħu kliem l-​għorrief.’ (Prov. 22:17) Ħadd minna ma jaf kollox, dejjem ikun hemm xi ħadd li jkun jaf jew għandu esperjenza iktar minna. (Aqra Proverbji 12:15.) Għalhekk, meta naċċettaw parir nuru li aħna umli, u li aħna nafu li għandna bżonn l-​għajnuna biex nilħqu l-​miri tagħna. Ġeħova ġiegħel lis-​sultan għaref Salamun biex jikteb: “Il-​pjanijiet . . . jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-​pariri.”—Prov. 15:22.

Liema parir minn dawn issib l-​iktar diffiċli biex taċċetta? (Ara paragrafi 3-4)

3. B’liema żewġ modi nistgħu nirċievu parir?

3 Nistgħu nirċievu parir b’mod dirett. Kif? Anzjan jew ħu kwalifikat ieħor jistaʼ jgħidilna xi ħaġa li aħna jkollna bżonn naħdmu fuqha. Jekk xi ħadd iħobbna tant li jaqsam parir minn fuq il-​Bibbja magħna, aħna rridu nuru li napprezzaw billi nisimgħu dak li jgħidilna u naċċettaw il-​parir. Imma nistgħu nirċievu parir b’mod indirett. Kif? Nistgħu naqraw xi ħaġa mill-​Bibbja jew mill-​pubblikazzjonijiet tagħna li ġġegħelna nieqfu u naħsbu dwar dak li nkunu qed nagħmlu. Dan jgħinna biex inbiddlu l-​mod kif inkunu qed naħsbu u naġixxu.—Ebr. 4:12.

4. Skont Ekkleżjasti 7:9, x’m’għandniex nagħmlu meta nirċievu parir?

4 Ir-​realtà hi li jistaʼ jkun diffiċli ħafna biex nisimgħu u napplikaw parir li jagħtina xi ħadd. Jaf anki nieħdu għalina. Għala? Għax minkejja li nammettu li aħna imperfetti, ma niħdux pjaċir meta xi ħadd jgħidilna li żbaljajna. (Aqra Ekkleżjasti 7:9.) Forsi noqogħdu nġibu l-​iskużi, noqogħdu niddubitaw għala jkun tana l-​parir, jew ma niħdux pjaċir bil-​mod kif tahulna. Forsi naslu wkoll biex nikkritikaw lil dak li jagħtina l-​parir u ngħidu: ‘Dan lili ġie jagħti l-​parir? Aħjar jara x’jagħmel hu!’ U jekk ma niħdux pjaċir bil-​parir li jagħtina, jaf lanqas nagħtu kasu jew immorru għand xi ħadd ieħor għal parir għax inkunu rriduh jgħidilna dak li nkunu nixtiequ nisimgħu aħna.

5. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

5 F’dan l-​artiklu se naraw eżempji fil-​Bibbja taʼ wħud li m’aċċettawx il-​parir u taʼ oħrajn li aċċettawh. Se naraw ukoll x’jistaʼ jgħinna naċċettaw parir u kif nibbenefikaw minnu.

DAWK LI M’AĊĊETTAWX IL-​PARIR

6. X’nitgħallmu mill-​mod kif is-​Sultan Reħobogħam aġixxa meta rċieva l-​pariri?

6 Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Reħobogħam. Meta sar sultan taʼ Iżrael, in-​nies talbuh xi ħaġa. Huma talbuh biex inaqqsilhom mill-​piż li kellhom taħt missieru, Salamun. Reħobogħam għamel xi ħaġa tajba. Hu mar għand ix-​xjuħ taʼ Iżrael u staqsiehom x’għandu jgħid lin-​nies. Ix-​xjuħ taw parir lis-​sultan u qalulu li n-​nies kienu se jibqgħu jaqduh jekk hu jagħmel dak li talbuh. (1 Slat. 12:3-​7) Imma milli jidher, Reħobogħam ma ħax pjaċir b’dan il-​parir. Għalhekk, hu mar jistaqsi wkoll lill-​irġiel li trabbew miegħu. Dawn l-​irġiel kellhom madwar 40 sena, għalhekk, jaf kellhom xi ftit esperjenza. (2 Kron. 12:13) Imma dakinhar, lil Reħobogħam ma tawhx parir tajjeb. Huma qalulu biex ikun iktar aħrax man-​nies. (1 Slat. 12:8-​11) Kif nistgħu naraw Reħobogħam irċieva żewġ pariri, imma hu ma marx għand Ġeħova bit-​talb biex jgħinu jagħżel l-​aħjar wieħed. Minflok, hu aċċetta l-​parir li tawh l-​irġiel tamparu għax kien għoġbu. Dan ġab diżastru għal Reħobogħam u għan-​nies taʼ Iżrael. Fil-​każ tagħna, il-​parir li nirċievu jaf ma jkunx dak li nixtiequ nisimgħu, imma jekk ikun ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla aħna għandna naċċettawh.

7. L-​eżempju tas-​Sultan Użżija x’jgħallimna?

7 Is-​Sultan Użżija m’aċċettax il-​parir. Hu daħal fil-​parti tat-​tempju fejn il-​qassisin biss setgħu jidħlu, u pprova joffri l-​inċens. Il-​qassisin taʼ Ġeħova qalulu: “Mhux dmirek, O Użżija, li taħraq l-​inċens lil Ġeħova, imma hu d-​dmir tal-​qassisin.” Użżija x’għamel? Kieku b’umiltà aċċetta l-​parir u ħareġ mit-​tempju, Ġeħova jaf kien jaħfirlu. Minflok, ‘Użżija rrabja.’ Għala m’aċċettax il-​parir? Milli jidher, peress li kien sultan, hu ħaseb li setaʼ jagħmel li jrid. Imma Ġeħova ma qabilx maʼ dak li għamel. Minħabba li Użżija għamel xi ħaġa li ma kellux dritt jagħmel, Ġeħova kkastigah bil-​marda tal-​ġdiem u ‘baqaʼ marid sa ma miet.’ (2 Kron. 26:16-​21) L-​eżempju taʼ Użżija jgħallimna li, aħna min aħna, jekk ma naċċettawx parir ibbażat fuq il-​Bibbja, Ġeħova ma jiħux pjaċir bina.

DAWK LI JAĊĊETTAW IL-​PARIR

8. Ġob x’għamel meta rċieva parir?

8 B’kuntrast għall-​eżempji li għadna kif rajna, il-​Bibbja tipprovdilna eżempji tajbin taʼ wħud li kienu mberkin minħabba li aċċettaw il-​parir. Aħseb dwar Ġob. Minkejja li hu kien iħobb lil Alla u xtaq jogħġbu, Ġob ma kienx perfett. Meta kien għaddej minn ħafna provi, hu ma rraġunax b’mod tajjeb. Għalhekk, hu rċieva parir kemm mingħand Eliħu kif ukoll mingħand Ġeħova. Ġob x’għamel? Hu kien umli u aċċetta l-​parir. Ġob qal: “Jien tkellimt, imma ma kontx qed nifhem.” Hu ddispjaċieh ħafna u kompla jgħid: ‘Nieħu lura dak li għedt.’ Peress li Ġob kien umli, Ġeħova bierku.—Ġob 42:3-​6, 12-​17.

9. Mosè x’għamel meta Ġeħova tah parir, u għala hu eżempju tajjeb għalina?

9 Mosè hu eżempju tajjeb taʼ xi ħadd li aċċetta parir wara li għamel żball serju. Darba waħda, hu rrabja ħafna u ma tax it-​tifħir lil Ġeħova. Minħabba f’hekk, Mosè ma tħalliex jidħol fl-​Art Imwiegħda. (Num. 20:1-​13) Meta Mosè qal lil Ġeħova biex jerġaʼ jaħsibha dwar id-​deċiżjoni li kien ħa, Ġeħova qallu: “Tkellimni qatt iktar dwar din il-​kwistjoni.” (Dt. 3:23-​27) Meta Ġeħova qallu dan il-​kliem, Mosè ma rrabjax. Minflok, hu aċċetta d-​deċiżjoni li ħa Ġeħova u Ġeħova baqaʼ jużah biex imexxi lill-​poplu t’Iżrael. (Dt. 4:1) Kemm Ġob kif ukoll Mosè huma eżempji tajbin għalina li għandna nimitaw għax it-​tnejn li huma aċċettaw il-​parir li ngħataw. Ġob biddel il-​mod kif kien qed jaħsibha u ma qagħadx iġib l-​iskużi. Mosè wera li hu aċċetta l-​parir taʼ Ġeħova billi baqaʼ leali anki wara li tilef privileġġ li għalih kien prezzjuż ħafna.

10. (a) Skont Proverbji 4:10-​13, kif nibbenefikaw meta naċċettaw il-​pariri li ningħataw? (b) Xi aħwa kif irreaġixxew meta ngħataw parir?

10 Aħna nibbenefikaw meta nimitaw eżempji taʼ wħud leali bħal Ġob u Mosè. (Aqra Proverbji 4:10-​13.) Ħafna minn ħutna imitawhom u aċċettaw il-​pariri li ngħataw. Innota x’jgħid ħu jismu Emmanuel, li joqgħod il-​Kongo, dwar il-​parir li rċieva: “Aħwa maturi fil-​kongregazzjoni ndunaw li jien kont se nagħmel il-​ħsara lill-​ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova, u huma provaw jgħinuni. Jien applikajt il-​parir li tawni, u dan għenni biex nevita ħafna problemi.” * Megan, li hija pijuniera u tgħix il-​Kanada, tgħid hekk dwar il-​parir li ngħatat: “Ma kienx dak li xtaqt nismaʼ, imma kien dak li kelli bżonn.” U Marko, ħu mill-​Kroazja, jgħid: “Jiena tlift privileġġ, imma meta nħares lura nirrealizza li l-​parir li ngħatajt għenni nerġaʼ nsaħħaħ il-​ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova.”

11. X’nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Ħuna Karl Klein?

11 Eżempju ieħor taʼ xi ħadd li bbenefika meta aċċetta parir kien Ħuna Karl Klein, li qeda bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna. Fil-​bijografija tiegħu hu semma meta rċieva parir sod mingħand Ħuna Joseph F. Rutherford, li kien ħabib kbir tiegħu. Ħuna Klein ammetta li meta ngħata l-​parir ħassu mweġġaʼ. Hu qal: “Meta Ħuna Rutherford reġaʼ ltaqaʼ miegħi bi tbissima qalli, ‘X’għandna Karl!’ Imma minħabba li kont għadni mweġġaʼ, bilkemm kellimtu. Hu qalli, ‘Karl, oqgħod attent. Ix-​Xitan qed jipprova jaqbdek!’ Dak il-​ħin ma kontx naf x’se naqbad ngħidlu u għedtlu, ‘Le, jien ma ħadtx għalija, Ħuna Rutherford.’ Imma hu kien jaf li ħadt għalija, u reġaʼ qalli, ‘Ma ġara xejn. Imma oqgħod attent. Ix-​Xitan qed jipprova jaqbdek.’ Kellu raġun! Meta nibqgħu rrabjati għal xi ħu, speċjalment għax ikun qalilna xi ħaġa u kellu raġun . . . , ikun faċli għax-​Xitan biex jaqbadna.” * (Efes. 4:25-​27) Ħuna Klein aċċetta l-​parir taʼ Ħuna Rutherford, u huma baqgħu ħbieb kbar.

X’JISTAʼ JGĦINNA NAĊĊETTAW PARIR?

12. L-​umiltà kif tgħinna naċċettaw il-​pariri li ningħataw? (Salm 141:5)

12 X’jistaʼ jgħinna naċċettaw parir? Irridu nkunu umli u niftakru li aħna imperfetti u xi kultant nistgħu niżbaljaw. Kif semmejna fil-​bidu, Ġob kien żbaljat. Imma iktar tard, hu biddel il-​mod taʼ kif kien qed jaħsibha, u Ġeħova bierku. Għala? Għax Ġob kien umli. Hu wera dan billi aċċetta l-​parir li tah Eliħu, avolja kien ħafna iżgħar minnu. (Ġob 32:6, 7) Bl-​istess mod, l-​umiltà se tgħinna napplikaw il-​parir anki jekk inħossu li m’għandniex bżonnu jew jekk min tahulna jkun iżgħar minna. Anzjan fil-​Kanada jgħid: “Ikun diffiċli għalina biex nagħmlu progress jekk ħadd ma jagħtina parir.” Ilkoll kemm aħna għandna bżonn inkabbru l-​frott tal-​ispirtu u nsiru għalliema tal-​aħbar tajba aħjar.—Aqra Salm 141:5.

13. Kif għandek tqis il-​pariri li tirċievi?

13 Qis il-​pariri bħala mod kif Ġeħova juri li jħobbok. Ġeħova jixtiqilna l-​ġid. (Prov. 4:20-​22) Meta jagħtina parir permezz tal-​Bibbja, pubblikazzjoni bbażata fuq il-​Kelma t’Alla, jew ħu jew oħt matura, Ġeħova jkun qed juri kemm iħobbna. Ebrej 12:9, 10 jgħid: “Hu jiddixxiplinana għall-​ġid tagħna.”

14. Meta ningħataw parir, fuq xiex nistgħu niffokaw?

14 Iffoka fuq il-​parir, mhux fuq il-​mod kif ingħatajt il-​parir. Kultant forsi nħossu li ma ngħatajniex il-​parir b’mod tajjeb. Bla dubju, xi ħadd li jagħti parir għandu jagħmilha faċli kemm jistaʼ biex dak li jkun jaċċettah. * (Gal. 6:1) U jekk ningħataw parir aħna, ikun tajjeb li naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​parir, anki jekk forsi naħsbu li setaʼ ngħata b’mod aħjar. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Għalkemm ma ħadtx pjaċir bil-​mod kif tawni l-​parir, hemm xi ħaġa li nistaʼ nitgħallem minnu? Nistaʼ ma nagħtix kas in-​nuqqasijiet taʼ dak li tani l-​parir u nara kif nistaʼ nibbenefika minnu?’ Jekk dejjem naraw kif nistgħu nibbenefikaw mill-​parir li ningħataw, se jkun taʼ ġid għalina.—Prov. 15:31.

META TITLOB PARIR SE TIBBENEFIKA INTI

15. Għala għandna nitolbu parir?

15 Il-​Bibbja tinkuraġġina biex nitolbu l-​pariri. Proverbji 13:10 jgħid: “L-​għerf qiegħed maʼ dawk li jikkonsultaw flimkien [jew, jitolbu parir].” Kemm hu veru dan il-​kliem! Dawk li jitolbu parir spiss jieħdu deċiżjonijiet aħjar minn dawk li ma jitolbuhx. Allura tiddejjaqx titlob parir jew toqgħod tistenna lil xi ħadd jagħtihulek.

L-​oħt żagħżugħa għala titlob parir mingħand oħt matura? (Ara paragrafu 16)

16. F’liema sitwazzjonijiet nistgħu nitolbu parir?

16 Meta jaf ikollok titlob parir mingħand xi ħu jew oħt? Ikkunsidra dawn is-​sitwazzjonijiet. (1) Oħt tgħid lil oħt tal-​esperjenza biex tmur magħha fuq studju tal-​Bibbja u wara tistaqsiha għall-​pariri biex tara fejn tistaʼ titjieb. (2) Oħt single tkun tixtieq tixtri xi ftit ħwejjeġ, għalhekk titlob parir mingħand oħt matura biex tgħinha tagħżel. (3) Ħu ngħata l-​ewwel taħdita pubblika. Hu jgħid lil ħu tal-​esperjenza biex jismaʼ t-​taħdita tiegħu u jgħidlu fejn jistaʼ jirranġa. Anki ħu li ilu jagħti taħditiet għal ħafna snin jagħmel tajjeb li jistaqsi għal parir taʼ xi ħadd ieħor li jkollu l-​esperjenza u japplika l-​parir.

17. Kif nistgħu nibbenefikaw meta ningħataw xi parir?

17 Fil-​ġimgħat jew ix-​xhur li ġejjin, ilkoll kemm aħna se nirċievu xi parir, jistaʼ jkun b’mod dirett jew indirett. Meta jiġri hekk, ftakar fil-​lezzjonijiet li għadna kemm rajna. Ibqaʼ umli. Iffoka fuq il-​parir, mhux fuq il-​mod kif ingħatajt il-​parir. U applika l-​parir li tirċievi. Ħadd minna ma twieled għaref. Imma meta ‘nisimgħu mill-​pariri u naċċettaw id-​dixxiplina,’ il-​Kelma t’Alla twegħedna li se ‘nsiru għorrief.’—Prov. 19:20.

GĦANJA 124 Dejjem leali

^ Bħala qaddejja taʼ Ġeħova nafu kemm hu importanti li nisimgħu mill-​pariri tal-​Bibbja u napplikawhom f’ħajjitna. Imma għala mhux dejjem faċli naċċettaw u napplikaw parir? U x’jistaʼ jgħinna nibbenefikaw mill-​parir li nirċievu?

^ Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ Fl-​artiklu li ġej se naraw kif dawk li jagħtu parir għandhom jagħmlu dan bit-​tattika.