Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-​għarus jew il-​familja tiegħu setgħu jħallsu għall-​għarusa billi jagħtu annimali

Kont Taf?

Kont Taf?

L-​Iżraelin għala kellhom iħallsu prezz għall-​għarusa qabel iż-​żwieġ?

FI ŻMINIJIET Bibliċi, l-​għarus jew il-​familja tiegħu kellhom iħallsu lill-​familja tal-​għarusa jekk iż-​żewġ familji jaqblu li l-​għarajjes jistgħu jiżżewġu. Il-​prezz li kienet titlob il-​familja tal-​għarusa setaʼ jitħallas permezz t’affarijiet taʼ valur, annimali, jew flus. Xi kultant, l-​għarus kien iħallas dan il-​prezz billi jagħmel xogħol għall-​familja tal-​għarusa, bħalma ġara fil-​każ taʼ Ġakobb. Biex Ġakobb setaʼ jiżżewweġ lil Rakele, hu ħadem sebaʼ snin għal missierha. (Ġen. 29:17, 18, 20) Il-​familja tal-​għarusa għala kellha titlob prezz?

Studjuża tal-​Bibbja, Carol Meyers, tgħid: “L-​għarus jew il-​familja tiegħu kellhom iħallsu l-​prezz lill-​familja tal-​għarusa minħabba li huma kienu se jitilfu x-​xogħol li kienet tagħmel hi. U dan kien importanti għall-​familji li kellhom l-​għelieqi.” Dan setaʼ jgħin ukoll biex il-​ħbiberija taʼ bejn il-​familji tal-​għarajjes tissaħħaħ. Il-​familji kienu se jgħinu lil xulxin matul żmien diffiċli. Barra minn hekk, il-​prezz li kien iħallas l-​għarus kien juri li issa huma għarajjes u li hi mhux se tibqaʼ taħt il-​protezzjoni taʼ missierha, imma se tkun taħt il-​protezzjoni tar-​raġel tagħha.

Il-​fatt li l-​għarus kien iħallas prezz għall-​għarusa ma kienx ifisser li l-​mara kienet bħal xi oġġett li setaʼ jinbiegħ jew jinxtara. Il-​ktieb Ancient Israel—Its Life and Institutions jgħid: “Din ir-​responsabbiltà biex titħallas is-​somma tal-​flus jew jingħataw affarijiet li jiswew daqs is-​somma lill-​familja tal-​għarusa, kienet tagħti l-​idea li ż-​żwieġ bejn familji Iżraelin kien qisu qed jinxtara. Imma milli jidher, il-​prezz kien jingħata lill-​familja tal-​għarusa minħabba dak li kienet se titlef u mhux biex tinxtara l-​mara.”

Illum, xi pajjiżi għad għandhom din l-​użanza. Meta ġenituri Kristjani jitolbu prezz lill-​għarus jew lill-​familja tiegħu, kulħadd għandu jara li huma raġunevoli billi ma jitolbux iktar milli jkun hemm bżonn. (Flp. 4:5; 1 Kor. 10:32, 33) B’hekk, huma juru li ‘ma jħobbux il-​flus’ u li mhumiex egoisti. (2 Tim. 3:2) Ukoll, meta ġenituri Kristjani ma jitolbux iżżejjed, l-​għarus mhux ħa jkollu għalfejn idum biex jiżżewweġ. Jew mhux ħa jkollu għalfejn jieqaf minn pijunier għax ikollu jaħdem iktar jew jaħdem full-​time ħalli jkun jistaʼ jħallas il-​prezz.

F’xi pajjiżi hemm liġi kemm għandu jkun il-​prezz li jħallas l-​għarus jew il-​familja tiegħu. F’dan il-​każ, ġenituri Kristjani għandhom jobdu din il-​liġi. Għala? Għax il-​Kelma t’Alla tgħidilna biex inkunu ‘sottomessi lejn l-​awtoritajiet superjuri’ u biex nobdu liġijiet li ma jmorrux kontra l-​Kelma t’Alla.—Rum. 13:1; Atti 5:29.