Ir-Rażan—Għandna Bżonnu Biex Nogħġbu lil Ġeħova
“Meta l-kuġin beda jiġġieled miegħi, jien qbadtu minn għonqu u bdejt nifgaw. Ridt noqtlu.”—Paul.
“Meta kont inkun id-dar, kienet taqbiżli malajr, ġieli anki għal xejn b’xejn. Kont inkisser għamara, toys tat-tfal, u dak kollu li jiġi quddiemi.”—Marco.
Il-biċċa l-kbira minna m’aħniex vjolenti bħal dawn it-tnejn li jissemmew fl-eżempji. Però, xi kultant ilkoll kemm aħna nsibuha diffiċli biex nikkontrollaw lilna nfusna. Dan minħabba li aħna writna tendenzi ħżiena mingħand l-ewwel raġel, Adam. (Rum. 5:12) Xi wħud bħal Paul u Marco, għandhom problema biex jikkontrollaw lilhom infushom. Oħrajn isibuha taʼ sfida biex jikkontrollaw il-ħsibijiet tagħhom. Pereżempju, huma jibqgħu jaħsbu dwar affarijiet li jbeżżgħuhom u li jiskuraġġuhom. Jerġaʼ oħrajn jafu jsibuha diffiċli biex jirreżistu x-xewqa li jagħmlu l-immoralità sesswali, jabbużaw mill-alkoħol, jew mid-drogi.
Dawk li jħallu l-ħsibijiet, ix-xewqat u l-azzjonijiet tagħhom jikkontrollawhom, jagħmlu ħafna ħsara lilhom infushom. Imma dan jistaʼ jiġi evitat. Kif? Billi niżviluppaw ir-rażan. Biex jgħinna nagħmlu dan, ejja nikkunsidraw tliet mistoqsijiet: (1) X’inhu r-rażan? (2) Għala huwa importanti? (3) Kif nistgħu niżviluppaw din il-kwalità li hija waħda mill-“frott taʼ l-ispirtu”? (Gal. 5:22, 23) Imbagħad, se nikkunsidraw x‘nistgħu nagħmlu meta xi kultant ma nkunux nistgħu nikkontrollaw lilna nfusna.
X’INHU R-RAŻAN?
Persuna li jkollha r-rażan ma tagħmilx dak li jiġiha f’moħħha mill-ewwel. Minflok, hi titkellem u taġixxi b’mod li jogħġob lil Alla.
Ġesù għallimna x’jiġifieri li jkollna r-rażan. Il-Bibbja tgħid: “Meta kien mgħajjar, m’għajjarx lura. Meta kien qed isofri, m’heddidx, imma baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-ġustizzja.” (1 Pt. 2:23) Ġesù wera r-rażan meta l-għedewwa tiegħu bdew jidħqu bih waqt li hu kien imdendel maz-zokk tat-tortura. (Mt. 27:39-44) Iktar qabel, hu rażżan lilu nnifsu meta l-mexxejja reliġjużi staqsewh ħafna mistoqsijiet biex iġegħluh jgħid xi ħaġa ħażina. (Mt. 22:15-22) U x’eżempju mill-aqwa ħallielna meta xi Lhud irrabjati waddbulu l-ġebel! Minflok ma pattihielhom, “Ġesù staħba u ħareġ mit-tempju.”—Ġw. 8:57-59.
Nistgħu aħna nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù? Sa ċertu punt, iva. L-appostlu Pietru kiteb: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-qrib wara l-passi tiegħu.” (1 Pt. 2:21) Minkejja li aħna imperfetti, aħna nistgħu nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù u nuru r-rażan. Għala huwa importanti?
IR-RAŻAN GĦALA HUWA IMPORTANTI?
Hemm bżonn li jkollna r-rażan jekk irridu nogħġbu lil Ġeħova. Anka jekk ilna leali lejn Ġeħova għal ħafna snin, aħna nistgħu nitilfu l-ħbiberija tagħna miegħu jekk ma nikkontrollawx dak li ngħidu u nagħmlu.
Aħseb f’Mosè li kien “bil-wisq l-iktar ġwejjed mill-bnedmin kollha li kienu fuq wiċċ l-art” dak iż-żmien. (Num. 12:3) Wara li kien ilu ħafna snin jissaporti t-tgergir tal-Iżraelin, darba waħda Mosè ma kkontrollax lilu nnifsu. Hu rrabja meta huma reġgħu bdew igergru minħabba nuqqas taʼ ilma. Hu kellimhom bl-aħrax billi qalilhom: “Isimgħu, issa, ja ribelli! Minn din il-blata triduna noħorġulkom l-ilma?”—Num. 20:2-11.
Mosè naqas li jikkontrolla lilu nnifsu. Hu ma rringrazzjax lil Ġeħova għall-miraklu li għamel biex jagħtihom l-ilma. (Salm 106:32, 33) B’riżultat taʼ dan, Ġeħova ma ħalliehx jidħol fl-Art Imwiegħda. (Num. 20:12) X’aktarx, Mosè baqaʼ jiddispjaċih sa ma miet li dakinhar ma kkontrollax lilu nnifsu.—Dt. 3:23-27.
X’inhi l-lezzjoni għalina? Anka jekk ilna fil-verità għal ħafna snin, qatt m’għandna nkellmu b’diżrispett lil dawk li jdejquna jew lil dawk li jkunu żbaljaw. (Efes. 4:32; Kol. 3:12) Huwa minnu li meta nibdew nikbru xi kultant ikun iktar diffiċli biex nuru l-paċenzja. Imma tinsiex xi ġralu Mosè. Aħna ma rridux inħassru r-reputazzjoni li għandna maʼ Ġeħova għax ma nikkontrollawx lilna nfusna. X’nistgħu nagħmlu biex niżviluppaw din il-kwalità importanti?
KIF NIŻVILUPPAW IR-RAŻAN?
Itlob għall-ispirtu qaddis. Għala? Għax ir-rażan hi waħda mill-frott tal-ispirtu t’Alla. U Ġeħova jagħti l-ispirtu qaddis tiegħu lil min jitlob għalih. (Lq. 11:13) Permezz tal-ispirtu tiegħu, Ġeħova jagħtina l-qawwa li jkollna bżonn. (Flp. 4:13) Jistaʼ jgħinna wkoll niżviluppaw kwalitajiet oħra tal-frott tal-ispirtu, bħall-imħabba, li se tgħinna nsaħħu r-rażan.—1 Kor. 13:5.
Evita dak kollu li jagħmilhielek diffiċli biex turi r-rażan. Pereżempju, evita websites u divertiment li jkun fihom affarijiet ħżiena. (Efes. 5:3, 4) Fil-fatt, irridu nevitaw dak kollu li jistaʼ jħajjarna nagħmlu l-ħażin. (Prov. 22:3; 1 Kor. 6:12) Pereżempju, persuna li faċilment tiġi mħajra minn affarijiet immorali jistaʼ jkun li jkollha tevita għalkollox kotba u films romantiċi.
Jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli biex napplikaw dan il-parir. Minkejja dan, jekk aħna nagħmlu sforz, Ġeħova se jagħtina s-saħħa li għandna bżonn biex nikkontrollaw lilna nfusna. (2 Pt. 1:5-8) Hu se jgħinna nikkontrollaw il-ħsibijiet, il-kliem, u l-azzjonijiet tagħna. Prova taʼ dan huma Paul u Marco, li ssemmew qabel, fejn it-tnejn li huma tgħallmu jikkontrollaw ir-rabja. Aħseb ukoll dwar ħu, li spiss kienet taqbiżlu waqt li kien isuq, tant li ġieli kien jiġġieled maʼ sewwieqa oħra. X’għamel dwar din il-problema? “Kuljum kont nitlob fuqha. Studjajt artikli fuq ir-rażan u tgħallimt bl-amment versi mill-Bibbja li jgħinuni. Minkejja li ilni naħdem fuq ir-rażan għal ħafna snin, li nibda kull ġurnata bil-mira li nibqaʼ kalm, jgħinni ħafna. U issa, meta jkolli xi appuntament, naħseb kmieni biex ma jkollix għalfejn ngħaġġel.”
JEKK MA NURUX RAŻAN
Xi kultant, ilkoll kemm aħna ma jirnexxilniex nikkontrollaw lilna nfusna. Meta jiġrilna hekk, forsi nibdew nistħu nitolbu lil Ġeħova. Imma hu f’dan il-mument li rridu nitolbu l-iktar. Għalhekk, mur għand Ġeħova permezz tat-talb mill-ewwel. Itolbu mill-qalb biex jaħfirlek, fittex l-għajnuna tiegħu, u kun determinat li ma tagħmilx l-istess żball. (Salm 51:9-11) Taħsibx li Ġeħova mhux se jismaʼ t-talb sinċier tiegħek. (Salm 102:17) L-appostlu Ġwanni jfakkarna li d-demm taʼ Ġesù se “jnaddafna minn kull dnub.” (1 Ġw. 1:7; 2:1; Salm 86:5) Ftakar li Ġeħova jgħid lill-qaddejja tiegħu biex jibqgħu jaħfru. Għalhekk, nistgħu nkunu ċerti li hu se jagħmel l-istess magħna.—Mt. 18:21, 22; Kol. 3:13.
Ġeħova kien iddiżappuntat għall-aħħar meta Mosè ma kkontrollax lilu nnifsu fix-xagħri. Minkejja dan, Ġeħova ħafirlu. U l-Kelma t’Alla turina li Mosè kien raġel leali u taʼ min jimitah. (Dt. 34:10; Ebr. 11:24-28) Ġeħova ma ħalliex lil Mosè jidħol fl-Art Imwiegħda, imma hu se jirxoxtah u jagħtih l-opportunità li jgħix għal dejjem fil-Ġenna tal-art. Aħna wkoll nistgħu nħarsu ’l quddiem biex ngħixu għal dejjem, jekk nibqgħu naħdmu iebes biex niżviluppaw din il-kwalità importanti tar-rażan.—1 Kor. 9:25.