Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 13

Meta Tqim lil Ġeħova Kif Jogħġob Lilu Se Tkun Iktar Ferħan

Meta Tqim lil Ġeħova Kif Jogħġob Lilu Se Tkun Iktar Ferħan

“Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-​glorja u l-​unur u l-​qawwa.”—RIV. 4:11.

GĦANJA 31 O imxi m’Alla!

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Ġeħova meta jaċċetta l-​qima tagħna?

 X’JIĠIK f’moħħok meta tismaʼ l-​kelma “qima”? Forsi timmaġina ħu li qabel jorqod jinżel għarkopptejh u jiftaħ qalbu maʼ Ġeħova permezz tat-​talb. Jew forsi familja li qed tieħu pjaċir tagħmel il-​qima bħala familja.

2 It-​tnejn li huma qed jagħtu qima lil Ġeħova. Imma Ġeħova se jaċċetta l-​qima tagħhom? Jekk huma qed jippruvaw jagħmlu dak li jixtieq hu, iħobbuh, u jirrispettawh, iva se jaċċettaha. Aħna nħobbuh ħafna lil Ġeħova u nafu li hu jixraqlu l-​qima tagħna. Għalhekk, irridu nagħmlu dan bl-​aħjar mod.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 F’dan l-​artiklu se nitgħallmu dwar liema qima Ġeħova aċċetta fi żminijiet Bibliċi u se nikkunsidraw tmien modi kif Ġeħova jridna nqimuh illum. Hekk kif nagħmlu dan, nistgħu naħsbu kif aħna personalment nistgħu ntejbu l-​qima tagħna lil Ġeħova biex intuh l-​aħjar. Se naraw ukoll għala meta nqimu lil Ġeħova b’mod tajjeb se nkunu ferħanin.

QIMA LI AĊĊETTA ĠEĦOVA FI ŻMINIJIET BIBLIĊI

4. Il-​qaddejja li kienu jqimu lil Ġeħova qabel Ġesù ġie fuq l-​art, kif urew li kienu jirrispettawh u jħobbuh?

4 Irġiel leali bħal Abel, Noè, Abraham, u Ġob urew ir-​rispett u l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova. Kif? Huma obdewh, kellhom il-​fidi fih, u għamlu sagrifiċċji għalih. Il-​Bibbja ma tgħidilniex dak kollu li għamlu. Imma jidher ċar li huma għamlu l-​almu tagħhom biex jogħġbuh, u hu aċċetta l-​qima tagħhom. Iktar tard, permezz taʼ Mosè, Ġeħova ta l-​Liġi lill-​Iżraelin. Din il-​Liġi kien fiha ħafna regoli kif Ġeħova riedhom iqimuh.

5. Ġeħova kif irid li l-​Kristjani jqimuh?

5 Wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, Ġeħova ma stenniex li n-​nies jibqgħu jobdu l-​Liġi Mosajka. (Rum. 10:4) Il-​Kristjani ġew taħt liġi ġdida, “il-​liġi tal-​Kristu.” (Gal. 6:2) Huma setgħu jobdu din il-​“liġi” mhux billi jiftakruha bl-​amment u jobdu lista taʼ regoli, imma billi jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù u japplikaw it-​tagħlim tiegħu. Illum, il-​Kristjani wkoll jagħmlu l-​almu tagħhom biex isegwu lil Kristu ħalli jogħġbu lil Ġeħova u ‘jsibu serħan.’—Mt. 11:29.

6. Kif nistgħu nibbenefikaw minn dan l-​artiklu?

6 Hekk kif nikkunsidraw it-​tmien modi kif inqimu lil Ġeħova, staqsi lilek innifsek, ‘Xi progress għamilt f’din il-​ħaġa?ʼ Tistaʼ tistaqsi wkoll, ‘Nistaʼ ntejjeb il-​qima tiegħi biex nagħti lil Ġeħova l-​aħjar?’ Forsi int kuntent b’dak li qed tagħmel bħalissa, imma tajjeb li titlob lil Ġeħova biex jgħinek tara x’tistaʼ tagħmel aħjar.

X’INHUMA XI MODI KIF AĦNA NQIMU LIL ĠEĦOVA?

7. Ġeħova kif iħossu meta jismaʼ t-​talb mill-​qalb tagħna?

7 Aħna nqimu lil Ġeħova meta nitolbuh. Il-​Bibbja tqabbel it-​talb tagħna mal-​inċens li kien jiġi preparat b’mod tajjeb biex jiġi offrut fit-​tabernaklu u iktar tard fit-​tempju. (Salm 141:2) Dan l-​inċens kien jagħmel riħa tfuħ li kienet togħġob lil Ġeħova. Bl-​istess mod, Ġeħova “jieħu pjaċir” bit-​talb mill-​qalb tagħna anke jekk nużaw kliem sempliċi ħafna. (Prov. 15:8; Dt. 33:10) Allura nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jieħu pjaċir meta aħna ngħidulu li nħobbuh u napprezzaw dak li jagħmel għalina. Hu jridna ngħidulu dak li jinkwetana, x’nixtiequ issa, u l-​affarijiet li nixtiequ fil-​futur. Qabel titkellem maʼ Ġeħova permezz tat-​talb, ikun tajjeb li taħseb ftit dwar dak li tkun se tgħidlu. Meta tagħmel hekk, se tkun qed toffri l-​aħjar “inċens” lil Missierek tas-​sema.

8. Liema opportunitajiet għandna biex infaħħru lil Alla?

8 Aħna nqimu lil Ġeħova meta nfaħħruh. (Salm 34:1) Aħna nfaħħru lil Ġeħova billi ngħidu lil oħrajn kemm inħobbuh u nammiraw il-​kwalitajiet sbieħ tiegħu u dak li ħalaq. Jekk nieħdu l-​ħin biex naħsbu dwar l-​affarijiet tajbin kollha li Ġeħova għamel għalina u napprezzawhom, se jkollna ħafna raġunijiet biex infaħħruh. Barra minn hekk, meta nippritkaw se jkollna l-​opportunità li “noffru dejjem sagrifiċċju taʼ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-​frott tax-​xofftejn.” (Ebr. 13:15) Bħalma għandna naħsbu sew x’se ngħidu meta nitolbu lil Ġeħova, nagħmlu tajjeb li naħsbu sew x’se ngħidu qabel nippritkaw. Aħna nixtiequ nagħtuh l-​aħjar “sagrifiċċju taʼ tifħir” lil Ġeħova. Għalhekk, meta naqsmu l-​verità m’oħrajn, nitkellmu mill-​qalb.

9. X’barkiet ingawdu meta nattendu l-​laqgħat Kristjani? Agħti eżempju personali.

9 Aħna nqimu lil Ġeħova meta nattendu l-​laqgħat. Ġeħova kien qal lill-​poplu t’Iżrael: “Tliet darbiet fis-​sena kull raġel minn fostkom għandu jidher quddiem Ġeħova Alla tiegħek fil-​post li jagħżel hu.” (Dt. 16:16) Huma kellhom iħallu d-​djar u l-​għelieqi tagħhom waħedhom, imma Ġeħova wegħedhom: “Ħadd ma jkun jixtieq artek meta titlaʼ biex tara wiċċ Ġeħova Alla tiegħek.” (Eżo. 34:24) Minħabba li l-​Iżraelin fdaw kompletament f’Ġeħova, huma attendew il-​festi kull sena. B’hekk ibbenefikaw b’ħafna modi. Pereżempju, huma tgħallmu iktar dwar il-​Liġi t’Alla, kellhom iċ-​ċans jaħsbu dwar l-​affarijiet li tahom Ġeħova, u gawdew il-​kumpanija taʼ xulxin. (Dt. 16:15) Aħna ngawdu barkiet simili meta nagħmlu dak li nistgħu biex nattendu l-​laqgħat Kristjani. Ukoll aħseb kemm Ġeħova ikun kuntent meta tipprepara biex fil-​qosor tagħmel kummenti sbieħ.

10. Il-​kant għala hu parti importanti mill-​qima tagħna?

10 Aħna nqimu lil Ġeħova meta nkantaw maʼ ħutna. (Salm 28:7) L-​Iżraelin kienu jqisu l-​kant bħala parti importanti mill-​qima tagħhom. Is-​Sultan David għażel 288 Levita biex ikantaw fit-​tempju. (1 Kron. 25:1, 6-​8) Illum, aħna nistgħu nuru li nħobbu lil Ġeħova billi nkantaw għanjiet taʼ tifħir. M’hemmx għalfejn inkunu kantanti tajbin biex nagħmlu dan. Aħseb ftit dwar dan: Meta nitkellmu “lkoll nitfixklu ħafna drabi,” imma dan ma jwaqqafnix milli nitkellmu fil-​kongregazzjoni u fil-​ministeru. (Ġak. 3:2) Bl-​istess mod, aħna xorta nistgħu nkantaw għanjiet taʼ tifħir lil Ġeħova anke jekk naħsbu li ma nkantawx tajjeb.

11. Kif jurina Salm 48:13, għala għandna nsibu l-​ħin fl-​iskeda tagħna biex nagħmlu l-​qima bħala familja?

11 Aħna nqimu lil Ġeħova meta nistudjaw il-​Kelma tiegħu u ngħallmu lit-​tfal tagħna dwaru. Fis-​Sabat l-​Iżraelin ma kinux jaħdmu u kienu jużaw din il-​ġurnata biex isaħħu l-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova. (Eżo. 31:16, 17) Uħud leali fosthom għallmu lit-​tfal tagħhom dwar Ġeħova u l-​affarijiet tajbin li kien jagħtihom. Illum, irridu nsibu l-​ħin fl-​iskeda tagħna biex naqraw u nistudjaw il-​Kelma t’Alla. Din hija parti mill-​qima tagħna lil Ġeħova u dan se jgħinna biex nersqu eqreb lejh. (Salm 73:28) U meta nistudjaw flimkien bħala familja, nistgħu ngħinu lit-​tfal tagħna jkollhom ħbiberija mill-​qrib maʼ Missierna tas-​sema.—Aqra Salm 48:13.

12. X’nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova qies ix-​xogħol taʼ dawk li ħadmu biex jagħmlu l-​affarijiet tat-​tabernaklu?

12 Aħna nqimu lil Ġeħova meta nibnu u nieħdu ħsieb il-​postijiet għall-​qima. Il-​Bibbja tgħid li x-​xogħol li sar biex għamlu t-​tabernaklu u l-​affarijiet taʼ ġo fih kien “xogħol qaddis.” (Eżo. 36:1, 4) Anke llum, Ġeħova jqis ix-​xogħol biex jinbnew is-​Swali tas-​Saltna u bini ieħor bħala parti mill-​qima tagħna. Xi aħwa jqattgħu ħafna ħin jagħmlu dawn l-​affarijiet. Aħna żgur li napprezzaw ix-​xogħol li jagħmlu dawn l-​aħwa biex jgħinu fix-​xogħol tas-​Saltna. Bla dubju, huma jieħdu sehem ukoll fix-​xogħol tal-​ippritkar. Xi wħud minnhom jaf ikunu jixtiequ jaqdu bħala pijunieri. L-​anzjani juru li jappoġġjaw ix-​xogħol tal-​kostruzzjoni billi jħallu lill-​aħwa li jaħdmu iebes jaqdu bħala pijunieri jekk ikunu jikkwalifikaw. Sew jekk aħna kapaċi biex ngħinu fix-​xogħol tal-​kostruzzjoni u sew jekk le, ilkoll nistgħu nżommu l-​postijiet nodfa u f’kundizzjoni tajba.

13. Kif għandna nqisu d-​donazzjonijiet li nagħtu biex ngħinu fix-​xogħol tas-​Saltna?

13 Aħna nqimu lil Ġeħova meta ngħinu fix-​xogħol tas-​Saltna bid-​donazzjonijiet tagħna. Meta l-​Iżraelin kienu jattendu għall-​festi, huma kellhom jieħdu xi rigali għal Ġeħova magħhom. (Dt. 16:16) Huma kellhom jagħtu affarijiet skont iċ-​ċirkostanzi tagħhom. B’dan il-​mod, urew li kienu qed japprezzaw dak li Ġeħova kien qed jagħmel għalihom. Kif nistgħu nuru li nħobbu lil Ġeħova u li napprezzaw dak kollu li qed jagħmel għalina? Mod wieħed hu billi nagħtu donazzjonijiet biex nappoġġaw il-​kongregazzjoni u x-​xogħol taʼ madwar id-​dinja skont iċ-​ċirkostanzi tagħna. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Jekk l-​ewwel ikun hemm ir-​rieda, din tkun speċjalment aċċettabbli skond dak li jkollu l-​individwu, mhux skond dak li ma jkollux.” (2 Kor. 8:4, 12) Ġeħova japprezza dak kollu li nistgħu nagħtu, anke jekk ikun ftit.—Mk. 12:42-​44; 2 Kor. 9:7.

14. Skont Proverbji 19:17, Ġeħova kif iqis l-​għajnuna li nagħtu lill-​aħwa?

14 Aħna nqimu lil Ġeħova meta ngħinu lill-​aħwa li jkollhom bżonn l-​għajnuna. Ġeħova wiegħed li kien se jippremja lill-​Iżraelin li għenu b’mod ġeneruż lill-​foqra. (Dt. 15:7, 10) Iva, kull darba li ngħinu ħu jew oħt li jkollha bżonn l-​għajnuna, Ġeħova jqisu bħala rigal għalih. (Aqra Proverbji 19:17.) Pereżempju, meta l-​Kristjani minn Filippi bagħtu rigal lil Pawlu, li kien fil-​ħabs, hu sejjaħlu “sagrifiċċju aċċettabbli li jogħġob lil Alla.” (Flp. 4:18) Aħseb dwar l-​aħwa fil-​kongregazzjoni tiegħek u staqsi lilek innifsek, ‘Hemm xi ħadd li nistaʼ ngħinu?’ Ġeħova jieħu pjaċir meta jarana nużaw il-​ħin, l-​enerġija, l-​abbiltà, u l-​affarijiet materjali li għandna biex ngħinu lil ħutna. Hu jqis dan bħala parti mill-​qima tagħna.—Ġak. 1:27.

META NQIMU LIL ĠEĦOVA SE NKUNU FERĦANIN

15. Minkejja li jinvolvi l-​ħin u l-​isforz biex inqimu lil Ġeħova, għala mhux taʼ piż għalina?

15 Jinvolvi l-​ħin u rridu nagħmlu sforz biex inqimu lil Ġeħova kif jogħġob lilu. Imma dan mhux taʼ piż għalina. (1 Ġw. 5:3) Għala le? Aħna nqimu lil Ġeħova għax inħobbuh. Immaġina tifel żgħir li jixtieq jagħti xi ħaġa lil missieru. Forsi hu jagħmel sigħat ipinġi xi ħaġa għalih. It-​tifel ma jiddispjaċihx għall-​ħin li juża biex jagħmel din it-​tpinġija. Hu jħobbu lil missieru u kuntent li se jagħtih dan ir-​rigal. Bl-​istess mod, minħabba li aħna nħobbu lil Ġeħova, aħna nieħdu pjaċir nużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna biex inqimuh.

16. Skont Ebrej 6:10, Ġeħova kif iqis l-​isforzi li nagħmlu biex nogħġbuh?

16 Ġenituri li jħobbu lit-​tfal tagħhom jafu li t-​tfal ma jistgħux ituhom l-​istess rigal u li kapaċi jagħmlu affarijiet differenti. Bl-​istess mod, Missierna tas-​sema jaf dak li kull wieħed u waħda minna jistaʼ jagħmel. Forsi int tistaʼ tagħmel iktar minn dawk li taf u tħobb. Jew forsi ma tistax tagħmel daqs oħrajn minħabba l-​età, is-​saħħa, jew ir-​responsabbiltajiet tal-​familja. Taqtax qalbek. (Gal. 6:4) Ġeħova mhux se jinsa dak li għamilt għalih. Sakemm int qed tagħmel l-​almu tiegħek b’intenzjoni tajba, Ġeħova se jkun kuntent bik. (Aqra Ebrej 6:10.) Hu jara dak li għandek f’qalbek. Ġeħova jridek tkun kuntent b’dak li tistaʼ tagħmel għalih.

17. (a) Jekk xi affarijiet mill-​qima tagħna nsibuhom diffiċli, x’nistgħu nagħmlu? (b) Kif ibbenefikajt minn waħda mill-​affarijiet li hemm fil-​kaxxa “ Żid il-​Ferħ Tiegħek”?

17 X’nistgħu nagħmlu jekk insibuha diffiċli biex nagħmlu xi affarijiet li għadna kif iddiskutejna, bħal li nistudjaw il-​Bibbja jew nippritkaw? Meta nagħmlu dawn l-​affarijiet taʼ spiss, x’aktarx li se nibdew nieħdu pjaċir nagħmluhom u nibbenefikaw iktar minnhom. Nistgħu nqabblu l-​qima tagħna maʼ xi eżerċizzju li nagħmlu jew xi strument tal-​mużika li nipprattikaw. Jekk nagħmlu dawn l-​affarijiet darba fill, żgur li mhux se nagħmlu progress fihom. Imma jekk nibdew nagħmluhom kuljum, x’se jiġri? Għall-​ewwel forsi nibdew nagħmluhom għal ftit minuti, imma mbagħad nidraw u nkunu nistgħu ntawlu l-​ħin. Meta naraw ir-​riżultat tajjeb tal-​isforzi li nagħmlu, x’aktarx li se nibdew nistennew il-​ħin jasal u se nieħdu iktar pjaċir nagħmluhom. Dan japplika wkoll għall-​qima tagħna.

18. X’inhi l-​iktar ħaġa importanti li nistgħu nagħmlu f’ħajjitna u x’jiġri jekk nagħmluha?

18 L-​iktar ħaġa importanti li nistgħu nagħmlu f’ħajjitna hi li nqimu lil Ġeħova. Meta nagħmlu dan, se nkunu ferħanin u se jkollna skop f’ħajjitna. Barra minn hekk, se jkollna t-​tama li nqimu lil Ġeħova għal dejjem. (Prov. 10:22) Anki bħalissa, Ġeħova jgħin lill-​qaddejja tiegħu meta jiffaċċjaw il-​problemi u għalhekk nħossuna fil-​paċi. (Is. 41:9, 10) Mela, għandna raġun inkunu ferħanin meta nqimu lil Missierna kollu mħabba li ‘jistħoqqlu jirċievi l-​glorja u l-​unur’ mingħand kulħadd.—Riv. 4:11.

GĦANJA 24 Ejjew lejn il-​muntanja taʼ Ġeħova

^ par. 5 Bħala l-​Ħallieq taʼ kollox, Ġeħova jixraqlu l-​qima tagħna. Ġeħova jaċċetta l-​qima tagħna biss meta nobdu l-​liġijiet tiegħu u ngħixu fi qbil mal-​prinċipji tiegħu. F’dan l-​artiklu, se niddiskutu tmien affarijiet li bihom inqumu lil Ġeħova. Se nitgħallmu kif aħna nistgħu nagħmlu dawn l-​affarijiet b’mod aħjar u kif dawn jistgħu jgħinuna nkunu iktar ferħanin.