ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 45
Kif Tgħin lill-Oħrajn Josservaw il-Kmandamenti taʼ Kristu?
“Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli . . . , u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.”—MT. 28:19, 20.
GĦANJA 89 Ismaʼ u obdi u tkun imbierek
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1. Skont Mattew 28:18-20, Ġesù liema kmand ta lid-dixxipli tiegħu?
WARA li Ġesù ġie rxoxtat, hu deher lid-dixxipli tiegħu li kienu miġburin fil-Galilija. Hu kellu xi ħaġa importanti x’jgħidilhom. X’kienet? Dak li qalilhom insibuh f’Mattew 28:18-20.—Aqra.
2. X’mistoqsijiet se nikkunsidraw?
2 Dan il-kmand taʼ Ġesù japplika wkoll għall-qaddejja kollha t’Alla llum. Għalhekk, ejja nikkunsidraw tliet mistoqsijiet li għandhom x’jaqsmu mal-inkarigu li tana Ġesù. L-ewwel, minbarra li ngħallmu l-kmandamenti t’Alla lid-dixxipli ġodda, x’hemm bżonn li nagħmlu? It-tieni, il-pubblikaturi fil-kongregazzjoni kif jistgħu jgħinu lill-istudenti tal-Bibbja jagħmlu progress? U t-tielet, kif nistgħu ngħinu l-aħwa li waqfu milli jippritkaw jerġgħu jibdew jieħdu sehem fix-xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli?
GĦALLMUHOM JOSSERVAW IL-KMANDAMENTI TAʼ KRISTU
3. Liema ħaġa importanti inkluda Ġesù fil-kmand tiegħu?
3 Dak li qal Ġesù hu ċar. Aħna għandna ngħallmu lin-nies l-affarijiet li kmanda hu. Imma, ma rridux ninsew ħaġa importanti. Ġesù ma qalx: ‘Għallmuhom dak kollu li ordnajtilkom.’ Imma, hu qal: Għallmuhom “josservaw dak kollu li ordnajtilkom.” Biex nagħmlu dan, m’għandniex biss ngħallmu student tal-Bibbja dak li għandu Atti 8:31) Għala?
jagħmel, imma għandna nuruh kif. (4. Xi jfisser li tosserva kmand? Agħti eżempju.
4 Li ‘tosserva’ kmand ifisser li tobdih. Pereżempju, kif nistgħu ngħallmu lil xi ħadd josserva, jew jobdi, l-affarijiet li kmanda Kristu? Aħseb fl-eżempju li ġej. Meta l-instructor jgħallem lil xi ħadd isuq il-karozza, kif jgħallmu jobdi l-liġijiet tat-traffiku? L-ewwel, hu jgħallem lill-istudent il-liġijiet li għandu jobdi meta jkun qed isuq. Imma, biex jgħallmu jobdi dawn ir-regoli, għandu jagħmel xi ħaġa oħra. Għandu jmur mal-istudent bil-karozza u waqt li l-istudent ikun qed isuq, jgħinu japplika dak li tgħallem. X’jgħallimna dan l-eżempju?
5. (a) Fi qbil maʼ Ġwanni 14:15 u l-1 Ġwanni 2:3, lill-istudenti tagħna x’għandna ngħallmuhom jagħmlu? (b) Agħti eżempji taʼ kif nistgħu ngħinu lill-istudenti japplikaw il-pariri tal-Bibbja?
5 Meta nistudjaw il-Bibbja m’oħrajn, għandna nagħmlu iktar milli ngħallmuhom dak li Alla jitlob minna. Irridu ngħallmuhom kif japplikaw f’ħajjithom dak li jkunu qed jitgħallmu. (Aqra Ġwanni 14:15; 1 Ġwanni 2:3) Bl-eżempju tagħna, nistgħu nuruhom kif jistgħu japplikaw il-veritajiet li qed jitgħallmu mill-Bibbja meta jkunu l-iskola, fuq ix-xogħol, jew waqt id-divertiment. Nistgħu ngħidulhom minn xiex għaddejna aħna biex nuruhom li meta applikajna l-pariri tal-Bibbja, ħadna deċiżjonijiet tajbin u ġejna protetti. Meta nkunu mal-istudent, nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jiggwidah permezz tal-ispirtu tiegħu.—Ġw. 16:13.
6. X’hemm involut f’li ngħallmu lill-oħrajn jobdu l-kmandamenti taʼ Ġesù?
6 X’hemm involut f’li ngħallmu lill-oħrajn jobdu l-kmandamenti taʼ Ġesù? Irridu ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja jkollhom ix-xewqa li jagħmlu dixxiplu. Xi studenti jibżgħu jippritkaw. Għalhekk, irridu nkunu paċenzjużi biex ngħinuhom jifhmu l-veritajiet tal-Bibbja aħjar u jkollhom fidi iktar b’saħħitha. Imbagħad, il-verità se tmissilhom qalbhom u timmotivahom biex jippritkaw. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-istudenti jkollhom ix-xewqa biex jippritkaw l-aħbar tajba?
7. Kif nistgħu ngħinu l-istudent ikollu xewqa li jaqsam l-aħbar tajba m’oħrajn?
7 Nistgħu nistaqsu lill-istudent mistoqsijiet bħal: “It-tagħlim tal-Bibbja kif għenek f’ħajtek? Taħseb li oħrajn għandhom bżonn jisimgħu dan it-tagħlim? X’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom?” (Prov. 3:27; Mt. 9:37, 38) Uri lill-istudent il-fuljetti li għandna fil-Kaxxa tal-Għodda tat-Tagħlim u ħallih jagħżel wieħed li jistaʼ jogħġob lil tal-familja, lill-ħbieb, u lil tax-xogħol. * Agħtih xi fuljetti u pprattika miegħu kif joffri l-fuljett bit-tattika. U meta l-istudent isir pubblikatur mhux mgħammed, tajjeb li nippritkaw miegħu biex ngħinuh.—Ekk. 4:9, 10; Lq. 6:40.
IL-KONGREGAZZJONI KIF TISTAʼ TGĦIN LILL-ISTUDENTI TAL-BIBBJA
8. Għala hu importanti li l-istudenti tagħna jkollhom imħabba kbira għal Alla u għall-proxxmu? (Ara wkoll il-kaxxa “ Kif Ngħinu l-Istudenti tal-Bibbja Tagħna Jkabbru l-Imħabba Tagħhom għal Alla.”)
8 Ftakar li Ġesù qalilna biex ngħallmu lill-oħrajn “josservaw dak kollu” li kmanda hu. Dan jinkludi l-ikbar żewġ kmandamenti, li nħobbu lil Alla u nħobbu Mt. 22:37-39) Jekk ngħinu lill-istudent tal-Bibbja tagħna jobdi dawn il-kmandamenti, aħna nkunu qed ngħinuh biex jipprietka. Għala? Għax jekk ikollu mħabba kbira għal Ġeħova u għall-oħrajn, hu se jkun irid jipprietka. Aħna nifhmu li għal xi studenti tal-Bibbja, il-ħsieb li jmorru jippritkaw jistaʼ jbeżżagħhom. Però, nistgħu nuruhom li bl-għajnuna taʼ Ġeħova maż-żmien jistgħu jegħlbu l-biżaʼ mill-bniedem. (Salm 18:1-3; Prov. 29:25) Il-kaxxa taʼ maʼ dan l-artiklu se turina x’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lill-istudent tagħna jħobb iktar lil Ġeħova. Apparti minn hekk, x’tistaʼ tagħmel il-kongregazzjoni biex tgħin lil student juri iktar imħabba?
lill-proxxmu tagħna. (9. L-istudent li jkun qed jitgħallem isuq kif jitgħallem lezzjonijiet importanti?
9 Ejja nerġgħu nieħdu l-eżempju taʼ xi ħadd li qed jitgħallem isuq. Meta jkun qed isuq mal-instructor tiegħu, kif ikun qed jitgħallem? Billi jismaʼ mill-instructor u billi jinnota x’qed jagħmlu sewwieqa oħra. Pereżempju, l-instructor jaf jiġbidlu l-attenzjoni lejn sewwieq ieħor li jkun qed iċedilu. Jew jiġbidlu l-attenzjoni tiegħu lejn sewwieq ieħor li juża l-indicators u jgħidlu biex jagħmel l-istess. Dan jgħallem lill-istudent lezzjonijiet importanti li jistaʼ japplikahom meta jkun qed isuq.
10. X’se jgħin lill-istudenti tal-Bibbja jagħmlu progress?
10 Bl-istess mod, student tal-Bibbja li jibda jaqdi lil Ġeħova, mhux biss se jitgħallem mill-għalliem tiegħu imma wkoll mill-eżempji tajbin t’aħwa oħrajn. Allura, x’se jgħin lill-istudenti tal-Bibbja jagħmlu progress? Li jattendu l-laqgħat. Għala? Għax dak li jisimgħu fil-laqgħat se jgħinhom jitgħallmu iktar, isaħħu l-fidi tagħhom, u jgħinhom ikabbru l-imħabba tagħhom għal Alla. (Atti 15:30-32) Ukoll, fil-laqgħat l-għalliem jistaʼ jlaqqgħu mal-aħwa li għaddew mill-istess affarijiet bħal tal-istudent. B’hekk, l-istudent se jara eżempji tajbin tal-aħwa li qegħdin juru l-imħabba fil-kongregazzjoni. Ikkunsidra dawn l-eżempji.
11. L-istudent liema eżempji jistaʼ jara fil-kongregazzjoni, u dan kif jistaʼ jeffettwah?
11 Fl-ewwel eżempju, l-istudenta tal-Bibbja hija single parent u waqt il-laqgħa tara oħt Kristjana li qiegħda fl-istess sitwazzjoni. L-isforz li tagħmel l-oħt biex tmur il-laqgħa bit-tfal żgħar tagħha jmissilha qalbha. Fit-tieni eżempju, student li qed jipprova jaqtaʼ s-sigaretti jsir jaf pubblikatur li kellu l-istess problema imma rnexxielu jegħlibha. Il-ħu jgħidlu li l-imħabba tiegħu għal Ġeħova mmotivatu biex jobdi l-kmandamenti t’Alla. (2 Kor. 7:1; Flp. 4:13) Hu jgħidlu: “Int tistaʼ taqtagħhom ukoll.” Żgur li l-istudent se jħossu inkuraġġit u jemmen li hu jistaʼ jirnexxilu wkoll. Fit-tielet eżempju, l-istudenta tal-Bibbja hija żagħżugħa. Hi tinnota oħt żagħżugħa fil-kongregazzjoni li tidher ferriħija. B’hekk, l-istudenta tkun tixtieq issir taf kif l-oħt jirnexxilha tkun kuntenta.
12. Għala nistgħu ngħidu li fil-kongregazzjoni kulħadd jistaʼ jagħmel xi ħaġa biex jgħin lil student tal-Bibbja?
12 Meta l-istudent isir jaf lill-aħwa leali, hu se jitgħallem mill-eżempju tagħhom xi jfisser li jobdi l-kmand taʼ Kristu biex iħobb lil Alla u lill-proxxmu. (Ġw. 13:35; 1 Tim. 4:12) Kif diġà semmejna, student tal-Bibbja jistaʼ jitgħallem mill-aħwa li ffaċċjaw sfidi bħalma qed jiffaċċja hu. Se jara li anki hu jistaʼ jagħmel il-bidliet biex isir dixxiplu taʼ Kristu. (Dt. 30:11) Mela, fil-kongregazzjoni kulħadd jistaʼ jgħin biex l-istudent jagħmel progress. (Mt. 5:16) Int liema sforz tagħmel biex tinkuraġġixxi student li jattendi l-laqgħat?
NGĦINU LIL UĦUD INATTIVI BIEX JERĠGĦU JIBDEW JIPPRITKAW
13-14. Ġesù x’għamel meta l-appostli ħassewhom skuraġġiti?
13 Aħna nixtiequ ngħinu lill-aħwa inattivi biex jerġgħu jibdew jippritkaw u jagħmlu dixxipli. Il-mod kif Ġesù tratta lill-appostli li kienu skuraġġiti jurina dak li nistgħu nagħmlu aħna llum.
14 Eżatt qabel Ġesù kien se jiġi maqtul, l-appostli “kollha abbandunawh u ħarbu.” (Mk. 14:50; Ġw. 16:32) Ġesù x’għamel meta l-appostli ħassewhom skuraġġiti? Wara li ġie rxoxtat, Ġesù qal lil uħud mid-dixxipli tiegħu: “Tibżgħux! Morru, agħtu l-aħbar lil ħuti [li ġejt irxoxtat].” (Mt. 28:10a) Ġesù ma qatax qalbu minnhom. Minkejja li huma abbandunawh, xorta sejħilhom ‘ħutu.’ Bħal Ġeħova, Ġesù kien juri ħniena u kien lest li jaħfer.—2 Slat. 13:23.
15. Kif inħossuna dwar ħutna li waqfu jippritkaw?
15 Bl-istess mod, aħna wkoll jimpurtana ħafna minn dawk li waqfu jippritkaw, għax huma ħutna u aħna nħobbuhom! Aħna għandna niftakru x-xogħol iebes li dawn l-aħwa għamlu għal Ġeħova. Xi aħwa li huma inattivi ħadmu iebes għal ħafna snin. (Ebr. 6:10) Aħna nimmissjawhom ħafna! (Lq. 15:4-7) Kif nistgħu nuru li jimpurtana minnhom bħal Ġesù?
16. Kif nistgħu nuru li jimpurtana mill-aħwa li huma inattivi?
16 Bi mħabba stidinhom għal-laqgħat. Mod wieħed kif Ġesù inkuraġġixxa lid-dixxipli li kienu skuraġġiti kien billi stidinhom għal-laqgħa. (Mt. 28:10b; 1 Kor. 15:6) Bl-istess mod, illum nistgħu ninkuraġġixxu aħwa inattivi biex jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Jaf ikollna nistidnuhom iktar minn darba. Ġesù żgur li ħa pjaċir meta d-dixxipli tiegħu aċċettaw l-istedina.—Qabbel Mattew 28:16 u Luqa 15:6.
17. X’għandna nagħmlu meta xi ħu jew oħt inattiva tattendi għal laqgħa?
17 Ilqagħhom mill-qalb. Meta Ġesù ltaqaʼ mad-dixxipli tiegħu, huma ħassewhom komdi għax hu mar fuqhom u kellimhom. (Mt. 28:18) X’għandna nagħmlu meta xi ħu jew oħt inattiva tattendi għal laqgħa? Għandna nieħdu l-inizjattiva biex immorru nkellmuhom. Forsi għall-ewwel inżommu lura għax ma nkunux nafu x’ħa ngħidulhom. Però, nistgħu sempliċiment ngħidulhom kemm qed nieħdu pjaċir narawhom, u b’hekk ngħinuhom iħossuhom komdi.
18. Kif nistgħu ninkuraġġixxu wħud inattivi?
18 Inkuraġġihom. Probabbilment, id-dixxipli taʼ Ġesù ma ħassewhomx kapaċi jippritkaw mad-dinja kollha. Imma Ġesù inkuraġġiehom billi qalilhom: “Jien magħkom il-jiem kollha.” (Mt. 28:20) Għenhom dan? Iva. Ftit wara, huma kienu qed “jgħallmu u jxandru bla heda l-aħbar tajba.” (Atti 5:42) Anki pubblikaturi inattivi għandhom bżonn l-inkuraġġiment. Huma forsi jibdew jibżgħu jerġgħu jippritkaw. Aħna nistgħu ninkuraġġuhom billi ngħidulhom li se noħorġu nippritkaw magħhom meta jkunu lesti li jibdew. Bla dubju, huma se japprezzaw l-għajnuna tagħna meta jerġgħu jibdew jippritkaw. Li nuru lill-aħwa inattivi li aħna jimpurtana minnhom jistaʼ jgħinhom jerġgħu jingħaqdu magħna, u dan se jġib il-ferħ fil-kongregazzjoni.
AĦNA RRIDU NLESTU X-XOGĦOL LI TANA ĠESÙ
19. X’inhi x-xewqa tagħna, u għala?
19 Kemm se ndumu nippritkaw u nagħmlu dixxipli? “Sal-konklużjoni tas-sistema.” (Mt. 28:20; ara l-Glossary, “Conclusion of the system of things,” fin-New World Translation.) Imma aħna se nibqgħu nippritkaw sal-aħħar? Jalla nkunu determinati li nibqgħu! Aħna lesti li nagħtu mill-ħin, mill-enerġija, u mill-flus tagħna biex insibu lil dawk li għandhom “attitudni xierqa lejn il-ħajja taʼ dejjem.” (Atti 13:48) Meta nagħmlu dan, inkunu qed nimitaw lil Ġesù. Hu qal: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.” (Ġw. 4:34; 17:4) Din hi x-xewqa tagħna wkoll. Aħna rridu nlestu x-xogħol li ngħatajna. (Ġw. 20:21) U aħna rridu lil oħrajn, inkluż ħutna inattivi, biex jibqgħu jissaportu magħna f’dan ix-xogħol.—Mt. 24:13.
20. Skont Filippin 4:13, għala nistgħu nlestu l-inkarigu li tana Ġesù?
20 Vera, mhux faċli li nagħmlu dak li kmandana Ġesù. Però, m’aħniex qed nagħmlu dan ix-xogħol waħedna. Ġesù wegħedna li se jkun magħna. Meta nagħmlu dixxipli, aħna nkunu “ħaddiema sħab m’Alla” u “fi sħubija maʼ Kristu,” b’hekk Ġeħova u Ġesù qed jgħinuna nagħmlu dan ix-xogħol. (1 Kor. 3:9; 2 Kor. 2:17) Għalhekk, nistgħu nlestuh. Xi privileġġ għandna li nagħmlu dan ix-xogħol u kemm nieħdu pjaċir ngħinu lill-oħrajn jagħmluh ukoll!—Aqra Filippin 4:13.
GĦANJA 79 Għallimhom iżommu sod
^ par. 5 Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli u jgħallmuhom josservaw dak kollu li kmandahom hu. Dan l-artiklu se jitkellem dwar kif nistgħu napplikaw dak li qal Ġesù. Din l-informazzjoni hi meħuda mill-artiklu li ġie pubblikat f’It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Lulju 2004, paġni 14-19.
^ par. 7 F’dan l-artiklu se nirreferu għall-istudent fil-maskil biex ikun iktar faċli.
^ par. 67 X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: L-oħt li qed tikkonduċi l-istudju tal-Bibbja tispjega x’passi trid tagħmel l-istudenta biex tħobb lil Alla iktar. Iktar tard, l-istudenta tagħmel it-tliet passi li ssuġġeritilha l-oħt.