Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 41

Ibqaʼ leali matul it-“tribulazzjoni kbira”

Ibqaʼ leali matul it-“tribulazzjoni kbira”

“Ħobbu lil Ġeħova, intom il-​leali kollha tiegħu. Lil dawk li juru fedeltà Ġeħova jħarishom.”—SALM 31:23.

GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Liema stqarrija se jagħmlu dalwaqt il-​mexxejja tad-​dinja? (b) Liema mistoqsijiet għandna bżonn inwieġbu?

IMMAĠINA li l-​mexxejja tad-​dinja għadhom kemm qalu l-​istqarrija tant mistennija taʼ “paċi u sigurtà.” Huma għandhom mnejn jiftaħru li d-​dinja qatt ma kienet daqshekk sigura. Se jkunu jriduna naħsbu li huma kapaċi jsolvu l-​problemi kollha tad-​dinja. Imma m’għandhom l-​ebda kontroll fuq dak li se jiġri! Għala le? Skont il-​profezija tal-​Bibbja, se ‘tiġi fuqhom minnufih qerda f’daqqa, u żgur ma jeħilsuhiex.’—1 Tess. 5:3.

2 Hemm mistoqsijiet importanti li għandna bżonn inwieġbu: X’se jiġri matul it-​“tribulazzjoni kbira”? Ġeħova x’jistenna li nagħmlu f’dak iż-​żmien? U kif nistgħu nippreparaw lilna nfusna issa biex nibqgħu leali matul it-​tribulazzjoni l-​kbira?—Mt. 24:21.

X’SE JIĠRI MATUL IT-“TRIBULAZZJONI KBIRA”?

3. Skont Rivelazzjoni 17:5, 15-18, Alla kif se jeqred lil “Babilonja l-​Kbira”?

3 Aqra Rivelazzjoni 17:5, 15-18. “Babilonja l-​Kbira” se tiġi meqruda! Bħalma semmejna qabel, il-​mexxejja tad-​dinja f’dal-​punt mhux se jkollhom kontroll fuq dak li se jiġri. Għala le? Għax ‘Alla se jdaħħlilhom fi qlubhom li jwettqu l-​ħsieb tiegħu.’ Il-​ħsieb taʼ xiex? Biex jeqirdu għalkollox ir-​reliġjon falza, inkluż il-​Kristjaneżmu. * Alla se jpoġġi l-​ħsieb tiegħu f’qalb l-​“għaxart iqrun” tal-​“bhima salvaġġa lewn l-​iskarlat.” L-​għaxart iqrun jirrappreżentaw lill-​gvernijiet kollha li jissapportjaw lill-​“bhima salvaġġa,” li hi l-​Ġnus Magħquda. (Riv. 17:3, 11-13; 18:8) Meta dawn il-​gvernijiet tad-​dinja jattakkaw lir-​reliġjon falza, dan se jkun is-​sinjal li t-​tribulazzjoni l-​kbira bdiet. Din se tkun ġrajja f’daqqa u tat-​twerwir li se taffettwa lid-​dinja kollha.

4. (a) X’raġunijiet għandu mnejn jagħtu l-​mexxejja tad-​dinja biex jiġġustifikaw l-​attakk tagħhom fuq ir-​reliġjon falza? (b) X’aktarx li se jagħmlu dawk li kienu membri taʼ dawn ir-​reliġjonijiet?

4 Ma nafux x’raġunijiet għandhom mnejn jagħtu l-​mexxejja tad-​dinja biex jiġġustifikaw l-​attakk tagħhom fuq Babilonja l-​Kbira. Jistgħu forsi jgħidu li r-​reliġjonijiet tad-​dinja qed ifixklu l-​paċi u li dawn dejjem jipprovaw jinfluwenzaw dak li l-​gvernijiet jagħmlu. Jew forsi jgħidu li dawn l-​organizzazzjonijiet reliġjużi ġabru wisq ġid u propjetà. (Riv. 18:3, 7) Meta l-​mexxejja tad-​dinja jattakkaw lir-​reliġjon falza, huma probabilment mhux se jeqirdu lill-​membri kollha tagħha. Minflok, jidher li huma se jeqirdu lill-​organizzazzjonijiet reliġjużi. Meta dawn l-​organizzazzjonijiet jinqerdu, il-​membri li kellhom se jirrealizzaw li l-​mexxejja reliġjużi tagħhom fallew f’li wegħduhom u x’aktarx se jgħidu li m’għandhomx x’jaqsmu magħhom.

5. Ġeħova x’wiegħed dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira, u għala?

5 Il-​Bibbja ma tgħidx kemm se ddum sejra l-​qerda taʼ Babilonja l-​Kbira, imma nafu li din mhux se ddum ħafna. (Riv. 18:10, 21) Ġeħova wiegħed li se ‘jqassar il-​jiem’ tat-​tribulazzjoni biex “il-​magħżulin” tiegħu u r-​reliġjon vera jiġu salvati. (Mk. 13:19, 20) Imma Ġeħova x’se jistenna li aħna nagħmlu bejn il-​bidu tat-​tribulazzjoni l-​kbira u l-​gwerra taʼ Armageddon?

IBQAʼ AQDI LIL ĠEĦOVA

6. Għala mhuwiex biżżejjed li ma nibqgħux parti mir-​reliġjon falza?

6 Bħalma ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel dan, Ġeħova jrid li dawk li jqimuh ma jibqgħux parti mir-​reliġjon falza. Imma dan mhuwiex biżżejjed. Għandna wkoll inkunu determinati li naqdu lil Ġeħova. Ikkunsidra żewġ modi kif nistgħu nagħmlu dan.

Jalla qatt ma nabbandunaw il-laqgħat tagħna flimkien, anki matul żminijiet diffiċli (Ara paragrafu 7) *

7. (a) Kif nistgħu nobdu bir-​reqqa l-​livelli morali ġusti taʼ Ġeħova? (b) Ebrej 10:24, 25 kif jenfasizza l-​importanza taʼ li niltaqgħu flimkien, speċjalment issa?

7 L-​ewwel, għandna nobdu bir-​reqqa l-​livelli morali ġusti taʼ Ġeħova. Qatt m’għandna napprovaw l-​attitudni immorali tad-​dinja. Pereżempju, aħna ma napprovaw l-​ebda tip taʼ immoralità sesswali, inkluż żwieġ bejn tnejn tal-​istess sess u stili taʼ ħajja oħrajn tal-​omosesswali. (Mt. 19:4, 5; Rum. 1:26, 27) It-​tieni, għandna nibqgħu nqimu maʼ ħutna Kristjani. Aħna nagħmlu dan kull fejn ikun possibbli, kemm jekk f’Sala tas-​Saltna jew, meta jkun hemm bżonn, fi djar privati jew anki bil-​moħbi. Jiġri x’jiġri, qatt mhu se nieqfu mmorru l-​laqgħat. Fil-​fatt, għandna bżonn niltaqgħu flimkien ‘iktar u iktar hekk kif naraw joqrob il-​jum.’—Aqra Ebrej 10:24, 25.

8. Kif x’aktarx li se jinbidel il-​messaġġ tagħna fil-​futur?

8 Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​messaġġ li nippritkaw x’aktarx se jinbidel. Bħalissa, aħna qed nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna u nipprovaw nagħmlu dixxipli. Imma f’dak iż-​żmien, jistaʼ jkun li se nwasslu messaġġ li hu dirett ħafna. Il-​Bibbja tqabbel dan il-​messaġġ maʼ silġ kbir. (Riv. 16:21) Għandu mnejn niddikjaraw li d-​dinja taʼ Satana dalwaqt tkun se tinqered għalkollox. Fil-​ħin u l-​waqt, se nkunu nafu eżatt x’se jkun il-​messaġġ u kif se nxandruh. Tgħid se nużaw l-​istess metodi li użajna għal iktar minn mitt sena biex nippritkaw u ngħallmu? Jew se nużaw xi metodi oħra? Se jkollna nistennew u naraw. Ikun xi jkun il-​każ, jidher li se jkollna l-​privileġġ li b’kuraġġ nippritkaw il-​messaġġ taʼ ġudizzju taʼ Ġeħova!—Eżek. 2:3-5.

9. Kif probabilment li se jirreaġixxu n-​nazzjonijiet għall-​messaġġ tagħna, imma dwar xiex nistgħu nkunu ċerti?

9 Il-​probabiltà hi li l-​messaġġ tagħna se jġiegħel lin-​nazzjonijiet biex jipprovaw jagħlqulna ħalqna darba għal dejjem. Bħalma issa fil-​ministeru tagħna nistrieħu fuq Ġeħova għas-​sapport, f’dak iż-​żmien se jkollna bżonn is-​sapport tiegħu. Nistgħu nkunu ċerti li Alla tagħna se jimliena bil-​qawwa biex inwettqu r-​rieda tiegħu.—Mik. 3:8.

KUN LEST GĦALL-ATTAKK FUQ IL-POPLU T’ALLA

10. Bħalma kien imbassar f’​Luqa 21:25-28, in-​nies kif se jħossuhom minħabba dak li se jiġri fid-​dinja matul it-​tribulazzjoni l-​kbira?

10 Aqra Luqa 21:25-​28. Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, in-​nies se jixxokkjaw ruħhom xħin se jaraw dak kollu li darba ħasbu li hu tant stabbli fid-​dinja jibda jfalli. Huma se jkollhom “diqa” u biżaʼ li jistgħu jinqatlu matul l-​iktar żmien ikrah fl-​istorja tal-​bniedem. (Sof. 1:14, 15) F’dak iż-​żmien, x’aktarx li l-​ħajja anki għall-​poplu taʼ Ġeħova ssir iktar diffiċli. Minħabba li m’aħniex parti mid-​dinja, forsi jkollna xi diffikultajiet. Jistaʼ jkun li ma jkollniex ċerti bżonnijiet bażiċi taʼ kuljum.

11. (a) Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għala se jsiru l-​mira prinċipali? (b) Għala m’għandniex għal xiex nibżgħu mit-​tribulazzjoni l-​kbira?

11 F’ħin jew ieħor, in-​nies li r-​reliġjon tagħhom tkun inqerdet għandhom mnejn jirrabjaw ħafna li x-​Xhieda taʼ Ġeħova se jkunu għadhom jipprattikaw ir-​reliġjon tagħhom. Nistgħu biss nimmaġinaw x’rabja jistaʼ jkun hemm, inkluż fuq il-​midja soċjali. In-​nazzjonijiet u l-​mexxej tagħhom, Satana, se jobogħduna minħabba li r-​reliġjon tagħna biss tkun għadha teżisti. Huma mhux se jkunu laħqu l-​mira tagħhom f’li jeqirdu r-​reliġjonijiet kollha mid-​dinja. Allura aħna se nsiru l-​mira prinċipali tagħhom. F’dan il-​ħin, in-​nazzjonijiet se jsiru Gog taʼ Magog. * Huma se jingħaqdu flimkien u jattakkaw lill-​poplu taʼ Ġeħova b’saħħithom kollha. (Eżek. 38:2, 14-16) Li naħsbu fuq x’jistaʼ jiġri jistaʼ jkun tal-​biżaʼ, speċjalment għax ma nafux id-​dettalji bl-​eżatt. Però, ħaġa waħda hi ċerta: M’għandniex għal xiex nibżgħu mit-​tribulazzjoni l-​kbira. Ġeħova se jagħtina struzzjonijiet li se jsalvawna. (Salm 34:19) Aħna se nkunu kapaċi ‘nqumu dritti u ngħollu rasna ’l fuq’ għax se nkunu nafu li “qorob il-​ħelsien” tagħna. *

12. “L-​ilsir leali u għaqli” kif ilu jippreparana għal dak li ġej fil-​futur?

12 “L-​ilsir leali u għaqli” ilu jippreparana biex nibqgħu leali matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. (Mt. 24:45) Dan sar b’diversi modi, imma kkunsidra eżempju wieħed: il-​programmi fil-​ħin eżatt tal-​konvenzjonijiet tal-​2016, 2017, u 2018. It-​taħditiet matul dawn il-​konvenzjonijiet inkuraġġewna nsaħħu l-​kwalitajiet li għandna bżonn hekk kif jum Ġeħova joqrob. Ejja fil-​qosor nirrevedu dawn il-​kwalitajiet.

KOMPLI SAĦĦAĦ IL-LEALTÀ, IS-SABAR, U L-KURAĠĠ TIEGĦEK

Ipprepara issa biex issalva mit-“tribulazzjoni kbira” (Ara paragrafi 13-16) *

13. Kif nistgħu nsaħħu l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova, u għala għandna nagħmlu dan issa?

13 Il-​lealtà: It-​tema tal-​programm tal-​konvenzjoni tal-​2016 kienet “Ibqaʼ leali lejn Ġeħova!” Dan il-​programm għallimna li jekk ikollna relazzjoni personali b’saħħitha maʼ Ġeħova, se nkunu leali lejh. Ġejna mfakkrin li nistgħu nersqu lejn Ġeħova permezz taʼ talb sinċier u studju fil-​fond tal-​Kelma tiegħu. Dan itina s-​saħħa biex negħlbu anki l-​iktar provi diffiċli. Hekk kif it-​tribulazzjoni l-​kbira toqrob, nistgħu nistennew li l-​lealtà tagħna lejn Alla u Saltnatu se tkun ittestjata saħansitra iktar. In-​nies x’aktarx li se jkomplu jwaqqgħuna għaċ-​ċajt. (2 Pt. 3:3, 4) Waħda mir-​raġunijiet prinċipali għal dan hi għax ma nissapportjaw lil ebda parti mid-​dinja taʼ Satana. Għandna nsaħħu l-​lealtà tagħna issa ħalli matul it-​tribulazzjoni l-​kbira nibqgħu leali.

14. (a) Liema bidla se sseħħ rigward l-​irġiel li jieħdu t-​tmexxija? (b) F’dak iż-​żmien għala se jkollna bżonn inkunu leali?

14 Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, se sseħħ bidla rigward l-​irġiel li jieħdu t-​tmexxija fuq l-​art. F’xi ħin, il-​midlukin kollha li jkunu għadhom fuq l-​art se jittieħdu fis-​sema biex jieħdu sehem fil-​gwerra taʼ Armageddon. (Mt. 24:31; Riv. 2:26, 27) Dan ifisser li l-​Ġemgħa li Tiggverna mhux se tkun għadha magħna fuq l-​art. Però, il-​folla l-​kbira se tibqaʼ organizzata. Irġiel kwalifikati min-​nagħaġ oħrajn se jieħdu t-​tmexxija. Aħna se jkollna bżonn nuru l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova billi nissapportjaw lil dawn l-​irġiel u nimxu mad-​direzzjoni li huma jirċievu mingħandu. Is-​salvazzjoni tagħna se tiddependi minn dan!

15. Kif nistgħu nsaħħu s-​sabar tagħna, u għala hu importanti li nagħmlu dan issa?

15 Is-​sabar: It-​tema tal-​programm tal-​konvenzjoni tal-​2017 kienet “Taqtax qalbek!” Dan il-​programm għenna nsaħħu l-​abbiltà tagħna biex nissaportu l-​provi. Tgħallimna li s-​sabar tagħna ma jiddependix minn ċirkustanzi favorevoli. Nistgħu nsaħħu s-​sabar tagħna billi nistrieħu fuq Ġeħova. (Rum. 12:12) Jalla qatt ma ninsew dak li wegħedna Ġesù: “Min jissaporti sat-​tmiem jiġi salvat.” (Mt. 24:13) Din il-​wegħda tfisser li għandna nibqgħu leali minkejja kull prova li niffaċċjaw. Jekk nissaportu l-​provi kollha tagħna issa, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ qabel tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira.

16. X’jagħmilna kuraġġużi, u kif nistgħu nsaħħu l-​kuraġġ tagħna issa?

16 Il-​kuraġġ: It-​tema tal-​programm tal-​konvenzjoni tal-​2018 kienet “Kun kuraġġuż!” It-​taħditiet f’din il-​konvenzjoni għenuna niftakru li l-​kuraġġ tagħna ma jiddependix mill-​abbiltajiet personali. Bħas-​sabar, il-​kuraġġ veru jiġi milli nistrieħu fuq Ġeħova. Kif nistgħu nitgħallmu nistrieħu saħansitra aktar fuq Ġeħova? Billi naqraw Kelmtu kuljum u nimmeditaw fuq kif Ġeħova salva lill-​poplu tiegħu fil-​passat. (Salm 68:20; 2 Pt. 2:9) Meta n-​nazzjonijiet jattakkawna matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, aħna se jkollna bżonn inkunu kuraġġużi u nafdaw f’Ġeħova iktar minn qatt qabel. (Salm 112:7, 8; Ebr. 13:6) Jekk nistrieħu fuq Ġeħova issa, se jkollna l-​kuraġġ li neħtieġu meta Gog jattakkana. *

ĦARES ’IL QUDDIEM GĦALL-​ĦELSIEN TIEGĦEK

Ġesù u l-armata tiegħu tas-sema daqt se jiġġieldu fil-gwerra t’Armageddon biex jeqirdu lill-għedewwa t’Alla! (Ara paragrafu 17)

17. Għala m’għandniex għalfejn nibżgħu minn Armageddon? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

17 Kif semmejna fl-​artiklu taʼ qabel dan, ħafna minna għexna ħajjitna kollha matul l-​aħħar jiem. Imma wkoll nittamaw li nsalvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira. Il-​gwerra taʼ Armageddon se ġġib fi tmiem din is-​sistema. Però, m’għandniex għalfejn nibżgħu. Għala? Għax din hi l-​gwerra taʼ Ġeħova, u aħna mhux se jkollna għalfejn niġġieldu. (Prov. 1:33; Eżek. 38:18-20; Żak. 14:3) Xħin Ġeħova jagħti l-​kmand, Ġesù Kristu se jmexxi l-​armata t’Alla għall-​gwerra. Hu se jkollu miegħu lill-​midlukin irxoxtati u numru kbir taʼ anġli. Flimkien, huma se jiġġieldu kontra Satana, id-​demonji tiegħu, u l-​armati tal-​art tagħhom.—Dan. 12:1; Riv. 6:2; 17:14.

18. (a) Ġeħova x’wegħedna? (b) Rivelazzjoni 7:9, 13-17 kif jgħinek tkun fiduċjuż dwar il-​futur?

18 Ġeħova wegħedna: “Kwalunkwe arma li tissawwar kontrik ma tirnexxix.” (Is. 54:17) “Folla kbira” taʼ qaddejja leali se ‘joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira’ ħajjin! Imbagħad, huma se jkomplu jaqdu lil Ġeħova. (Aqra Rivelazzjoni 7:9, 13-17.) Il-​Bibbja tagħtina ħafna raġunijiet biex inkunu fiduċjużi li se niġu salvati fil-​futur! Aħna nafu li “lil dawk li juru fedeltà Ġeħova jħarishom.” (Salm 31:23) Dawk kollha li jħobbu u jfaħħru lil Ġeħova se jitgħaxxqu jaraw it-​tmaqdir minn fuq ismu l-​qaddis jitneħħa.—Eżek. 38:23.

19. Liema futur mill-​isbaħ se nesperjenzaw dalwaqt?

19 Aħseb x’jgħid it-​2 Timotju 3:2-5 kieku kellu jiddeskrivi n-​nies fid-​dinja l-​ġdida, li ma jkunux influwenzati minn Satana. (Ara l-​kaxxa “ Kif se jkunu n-​nies dakinhar.”) Ħuna George Gangas, * li qeda bħala membru tal-​Ġemgħa li Tiggverna, iddeskrivieha b’dal-​mod: “Id-​dinja se tkun post mill-​isbaħ meta kulħadd se jqim lil Ġeħova! Dalwaqt int se jkollok il-​privileġġ li tgħix fis-​sistema l-​ġdida. Int se tgħix daqskemm jgħix Ġeħova. Aħna se ngħixu għal dejjem.” X’tama verament mill-​isbaħ hi din!

GĦANJA 122 Ibqgħu sodi, titħarrkux!

^ par. 5 Aħna nafu li dalwaqt in-​nies kollha se jesperjenzaw it-​“tribulazzjoni kbira.” X’se jiġri lill-​qaddejja taʼ Ġeħova matul dak iż-​żmien? Ġeħova x’se jistenna li nagħmlu f’dak iż-​żmien? Liema kwalitajiet għandna bżonn insaħħu issa biex nibqgħu leali matul it-​tribulazzjoni l-​kbira? Se nsiru nafu f’dan l-​artiklu.

^ par. 3 ESPRESSJONI SPJEGATA: Il-​Kristjaneżmu hu magħmul minn reliġjonijiet li jgħidu li huma Kristjani imma li ma jgħallmux lin-​nies biex iqimu lil Ġeħova skont il-​livelli tiegħu.

^ par. 11 ESPRESSJONI SPJEGATA: It-​terminu Gog taʼ Magog (u l-​forma mqassra tiegħu, Gog) jirreferi għal grupp taʼ ġnus, jew nazzjonijiet, li se jingħaqdu flimkien biex jattakkaw lil dawk li jqimu lil Ġeħova matul it-​tribulazzjoni l-​kbira.

^ par. 11 Għal iktar dettalji dwar x’se jiġri qabel il-​gwerra taʼ Armageddon, ara kapitlu 21 tal-​ktieb Is-​Saltna t’Alla qed taħkem! Għal iktar dettalji dwar l-​attakk taʼ Gog taʼ Magog u kif Ġeħova se jiddefendi lill-​poplu tiegħu matul Armageddon, ara t-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2015, paġni 9-​15 u kapitli 17 u 18 tal-​ktieb bl-​Ingliż Pure Worship of Jehovah—Restored At Last!

^ par. 16 Il-​programm tal-​konvenzjoni tal-​2019 bit-​tema “L-​imħabba ma tbatti qatt!” jikkonvinċina li aħna nistgħu nibqgħu protetti taħt il-​protezzjoni bi mħabba taʼ Ġeħova.—1 Kor. 13:8.

^ par. 19 Ara l-​artiklu bl-​Ingliż “His Deeds Follow Him” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Diċembru 1994.

^ par. 65 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, grupp żgħir taʼ Xhieda kuraġġużi jiltaqgħu f’foresta biex jagħmlu laqgħa tal-​kongregazzjoni.

^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Folla kbira taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova se joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira, ħajjin u ferħanin!