Il-ġudizzji t’Alla—Dejjem iwissi biżżejjed?
RAĠEL li jbassar it-temp jeżamina stampa fuq ir-radar li qed tiżviluppa. Hu jara maltempata perikoluża riesqa b’ħeffa lejn post li fih joqogħdu ħafna nies. Peress li hu konċernat mis-sigurtà tagħhom, hu jwissihom bla waqfien qabel ikun tard wisq.
Bl-istess mod, Ġeħova issa qed jiġbed l-attenzjoni tal-abitanti tal-art lejn maltempata li hi iktar perikoluża minn kwalunkwe ħaġa li jistgħu jisimgħu dwarha fir-rapport tat-temp. Kif qed jagħmlu dan? U kif nistgħu nkunu ċerti li qed jagħti biżżejjed żmien lin-nies biex jaġixxu? Biex insibu t-tweġibiet, ejja l-ewwel nikkunsidraw xi twissijiet li Ġeħova ta fil-passat.
META ALLA TA TWISSIJIET BIL-QUDDIEM
Fi żminijiet Bibliċi, Ġeħova wissa dwar diversi maltempati, jew atti taʼ ġudizzju, li kien se jġib kontra dawk li għal t’apposta m’obdewx il-kmandi tiegħu. (Prov. 10:25; Ġer. 30:23) F’kull każ, hu wissa lin-nies diżubbidjenti ħafna qabel iż-żmien, u qalilhom x’kellhom jagħmlu biex jobduh. (2 Slat. 17:12-15; Neħ. 9:29, 30) Sabiex iħabbar il-ġudizzji tiegħu, hu spiss uża lill-qaddejja leali tiegħu fuq l-art biex jinkuraġġixxi lin-nies jagħmlu l-bidliet meħtiġin u jifhmu li kellhom bżonn jaġixxu malajr.—Għam. 3:7.
Noè wera li kien wieħed minn dawn il-qaddejja leali. Għal ħafna snin, hu bla biżaʼ wissa lin-nies immorali u vjolenti taʼ żmienu dwar Dulluvju globali li kellu jiġi. (Ġen. 6:9-13, 17) Hu qalilhom ukoll x’kellhom bżonn jagħmlu biex isalvaw—tant hu hekk li iktar tard issejjaħ “predikatur tal-ġustizzja.”—2 Pt. 2:5.
Minkejja l-isforzi taʼ Noè, in-nies li kienu jgħixu qabel id-Dulluvju injoraw il-messaġġ tiegħu mogħti minn Alla. Huma wrew nuqqas kbir taʼ fidi. B’hekk, mietu meta d-Dulluvju ‘ġie u kinishom ilkoll.’ (Mt. 24:39; Ebr. 11:7) Hekk kif qorob it-tmiem tagħhom, qatt ma setgħu jgħidu li Alla ma kienx wissiehom.
Drabi oħra, Ġeħova wissa lil individwi ftit qabel bdiet il-maltempata tal-ġudizzju tiegħu. Xorta waħda, hu għamel ċert li dawk affettwati ngħataw biżżejjed żmien biex jaġixxu. Pereżempju, hu pprovda twissijiet minn qabel matul l-Għaxar Kastigi li ġew fuq l-Eġittu tal-qedem. Bħala eżempju, Ġeħova bagħat lil Mosè u Aron biex iwissu lill-Fargħun u l-qaddejja tiegħu dwar is-sebaʼ kastig, xita taʼ silġ qerrieda. Ladarba s-silġ kien se jibda nieżel mill-għada, tahom Alla biżżejjed żmien biex isibu kenn u jaħarbu mill-maltempata? Il-Bibbja tgħid: “Kulmin beżaʼ mill-kelma taʼ Ġeħova fost il-qaddejja tal-Fargħun ġiegħel lill-qaddejja tiegħu u lill-bhejjem tiegħu jaħarbu lejn djarhom, imma kulmin qalbu ma qanqlitux biex jagħti kas il-kelma taʼ Ġeħova ħalla l-qaddejja tiegħu u l-bhejjem tiegħu fir-rabaʼ.” (Eżo. 9:18-21) Biċ-ċar, Ġeħova ta biżżejjed twissija, sabiex dawk li aġixxew malajr ma batewx daqs oħrajn.
Il-Fargħun u l-qaddejja tiegħu ġew imwissijin ukoll qabel l-għaxar kastig. Madankollu, b’nuqqas t’għaqal irrifjutaw it-twissija. (Eżo. 4:22, 23) B’hekk, raw lill-ewwel imweldin subien tagħhom imutu. Kemm kien taʼ niket dan! (Eżo. 11:4-10; 12:29) Setgħu huma jagħtu kas it-twissija qabel kien tard wisq? Iva! Mosè mill-ewwel wissa lill-Iżraelin dwar l-għaxar kastig li kien riesaq u qalilhom x’kellhom jagħmlu biex isalvaw lill-familji tagħhom. (Eżo. 12:21-28) Kemm kien hemm nies li obdew it-twissija? Skont xi kalkoli, tliet miljun ruħ, inkluż Iżraelin u “kotra mħallta kbira ħafna” taʼ wħud mhux Iżraelin u Eġizzjani, kienu ħelsuha mill-ġudizzju t’Alla u telqu mill-Eġittu.—Eżo. 12:38.
Bħalma juru dawn l-eżempji, Ġeħova dejjem għamel ċert li n-nies kellhom biżżejjed żmien biex jagħtu kas it-twissijiet tiegħu. (Dt. 32:4) Għal liema raġuni kien jagħmel dan Alla? L-appostlu Pietru spjega li Ġeħova “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-indiema.” (2 Pt. 3:9) Iva, Alla kien jimpurtah min-nies. Hu riedhom jindmu u jaġixxu fuq il-parir tiegħu qabel wasal il-ġudizzju tiegħu.—Is. 48:17, 18; Rum. 2:4.
NOBDU MIT-TWISSIJA T’ALLA LLUM
Illum, ukoll, in-nies kollha għandhom jobdu minn twissija urġenti li qed tingħata madwar id-dinja. Meta Ġesù kien fuq l-art, hu wissa li s-sistema preżenti fl-aħħar mill-aħħar kienet se tinqered matul “tribulazzjoni kbira.” (Mt. 24:21) Dwar dan il-ġudizzju tal-futur, hu pprovda profezija dettaljata li fiha ddeskriva x’kellhom jistennew li jaraw u jesperjenzaw is-segwaċi tiegħu hekk kif dak iż-żmien qorob. B’hekk, Ġesù ddeskriva ġrajjiet globali importanti li qed narawhom iseħħu llum.—Mt. 24:3-12; Lq. 21:10-13.
Fi qbil maʼ din il-profezija, Ġeħova issa qed iħeġġeġ lil kulħadd biex jissottometti lilu nnifsu għat-tmexxija taʼ mħabba tiegħu. Hu jixtieq li nies ubbidjenti jgawdu ħajja aħjar issa kif ukoll il-barkiet futuri fid-dinja l-ġdida ġusta tiegħu. (2 Pt. 3:13) Ġeħova jrid jgħin lin-nies ikollhom fidi fil-wegħdi tiegħu. Hu jgħinhom jagħmlu dan billi jagħtihom messaġġ li jsalvalhom ħajjithom. Dan il-messaġġ hu “l-aħbar tajba tas-saltna,” li Ġesù bassar li kellha “tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha.” (Mt. 24:14) Alla organizza lill-adoraturi veri tiegħu biex jagħtu din ix-“xiehda,” jew jippritkaw dan il-messaġġ mingħand Alla, f’xi 240 pajjiż. Ġeħova jrid lil kemm jistaʼ jkun nies jagħtu kas it-twissija u jaħarbu mill-“maltempata” tal-ġudizzju ġust tiegħu.—Sof. 1:14, 15; 2:2, 3.
Mela, il-mistoqsija importanti mhix jekk Ġeħova jagħtix lin-nies biżżejjed żmien biex jaġixxu għat-twissijiet tiegħu. L-evidenza turi li dejjem hekk jagħmel. Minflok, il-mistoqsija importanti tibqaʼ: In-nies se jagħtu kas it-twissija t’Alla qabel ma jkun tard wisq? Bħala l-messaġġiera t’Alla, jalla nkomplu ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies biex jibqgħu ħajjin wara li tgħaddi din is-sistema.