Taf x’ħin hu?
X’TAGĦMEL meta trid tkun taf x’ħin hu? Probabbilment tħares lejn l-arloġġ. Int għandek mnejn tara li saru s-siegħa u nofs taʼ waranofsinhar. Kieku x’tgħid lil xi ħadd jekk jistaqsik, “X’ħin hu?”
Dan jiddependi f’liema pajjiż toqgħod. Pereżempju, int forsi tgħid, “Is–1:30” jew “13:30.” F’xi pajjiżi forsi jgħidu, “Fadal nofsiegħa għas-sagħtejn.”
In-nies fi żminijiet Bibliċi x’termini kienu jużaw għall-ħin? Anke huma kellhom iktar minn mod wieħed. L-Iskrittura Ebrajka tuża espressjonijiet bħal “kmieni fil-għodu,” “fil-għodu,” “f’nofsinhar,” u “fil-għaxija.” (Ġenesi 8:11; 19:27; Dewteronomju 28:29; 1 Slaten 18:26) Imma xi kultant il-Bibbja tuża termini iktar preċiżi.
F’Iżrael tal-qedem kien komuni li jkun hemm għassiesa, speċjalment matul il-lejl. L-Iżraelin qasmu l-lejl fi tliet partijiet, li sejħulhom “għases.” (Salm 63:6) Fi Mħallfin 7:19 naqraw dwar “l-għassa tan-nofs taʼ matul il-lejl.” Saż-żmien li twieled Ġesù, il-Lhud qasmu l-lejl f’erbaʼ għases, bħalma għamlu l-Griegi u r-Rumani.
L-Evanġelji jsemmu dawn l-għases tal-lejl ħafna drabi. Pereżempju, “fir-rabaʼ għassa tal-lejl,” Ġesù mexa fuq l-ilma lejn id-dgħajsa fejn kienu d-dixxipli tiegħu. (Mattew 14:25) U f’tixbiha Ġesù qal: “Kieku sid id-dar kien jaf f’liema għassa kien ġej il-ħalliel, kien jibqaʼ mqajjem u ma jħallix daru tinsteraq.”—Mattew 24:43.
Ġesù semma l-erbaʼ għases kollha meta qal lid-dixxipli tiegħu biex joqogħdu għassa għax ‘ma jafux meta ġej sid id-dar, jekk hux tard fil-jum jew f’nofsillejl jew x’ħin jidden is-serduq jew kmieni fil-għodu.’ (Marku 13:35) Kif juru n-noti taʼ taħt għal dal-vers, l-ewwel minn dawk l-għases, “tard fil-jum,” kienet minn inżul ix-xemx sa madwar id-disgħa taʼ filgħaxija. It-tieni għassa, “f’nofsillejl,” kienet minn madwar id-disgħa taʼ filgħaxija sa nofsillejl. It-tielet għassa, “x’ħin jidden is-serduq,” kienet minn nofsillejl sa madwar it-tlieta taʼ filgħodu. Probabbilment kien matul dal-ħin li s-serduq idden fil-lejl li Ġesù kien arrestat. (Marku 14:72) Ir-rabaʼ għassa, “kmieni fil-għodu,” kienet minn madwar it-tlieta taʼ filgħodu sa tlugħ ix-xemx.
Allura, għalkemm dak iż-żmien ma kellhomx arloġġi bħalma għandna llum, xorta kellhom mod kif jgħidu x’ħin kien.