Uri konsiderazzjoni u qalb tajba biex timita lil Ġeħova
“Hieni min jaġixxi b’konsiderazzjoni mal-batut.”—SALM 41:1.
1. L-adoraturi taʼ Ġeħova kif juru li jħobbu lil xulxin?
L-ADORATURI taʼ Ġeħova madwar id-dinja huma parti minn familja. Huma aħwa li jħobbu lil xulxin. (1 Ġwanni 4:16, 21) Kultant jagħmlu sagrifiċċji kbar għal ħuthom, imma fil-biċċa l-kbira juru mħabbithom bil-ħafna affarijiet żgħar li jagħmlu għalihom. Pereżempju, għandhom mnejn jgħidu xi ħaġa sabiħa lil ħuthom jew jittrattawhom b’qalb tajba. Meta nuru konsiderazzjoni lejn oħrajn, aħna nimitaw lil Missierna tas-sema.—Efesin 5:1.
2. Ġesù kif imita l-imħabba taʼ Missieru?
2 Ġesù imita lil Missieru perfettament. Hu dejjem tratta lil oħrajn b’qalb tajba. Hu qal: “Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom.” (Mattew 11:28, 29) Meta nimitaw lil Ġesù u nuru “konsiderazzjoni mal-batut,” aħna se nferrħu lil Ġeħova, u nkunu ferħanin ukoll. (Salm 41:1) F’dan l-artiklu, se naraw kif nistgħu nuru konsiderazzjoni lejn il-membri tal-familja tagħna, lejn ħutna, u lejn dawk li niltaqgħu magħhom fil-ministeru.
URI KONSIDERAZZJONI FIL-FAMILJA
3. Raġel miżżewweġ kif jistaʼ juri konsiderazzjoni lejn martu? (Ara l-ewwel stampa.)
3 L-irġiel miżżewġin għandhom bżonn ikunu taʼ eżempju u juru kemm jimpurtahom mill-familja tagħhom. (Efesin 5:25; 6:4) Il-Bibbja tgħid li l-irġiel miżżewġin għandhom juru konsiderazzjoni lejn marthom u jifhmuha. (1 Pietru 3:7) Raġel miżżewweġ li jagħmel dan jaf li għalkemm hu differenti minn martu f’ħafna affarijiet, mhuwiex aħjar minnha. (Ġenesi 2:18) Hu juri konsiderazzjoni lejn il-mod kif tħossha u jittrattaha b’dinjità u unur. Mara miżżewġa fil-Kanada tgħid dwar żewġha: “Hu qatt ma jċekken il-mod kif inħossni jew jgħid, ‘M’għandekx tħossok b’dan il-mod.’ Hu semmiegħ tajjeb ukoll. Meta jgħinni nirranġa l-ħarsa tiegħi dwar xi ħaġa, hu jagħmel dan b’qalb tajba.”
Raġel miżżewweġ jibqaʼ leali lejn martu għax iħobbha u jobgħod dak li hu ħażin
4. Raġel miżżewweġ kif għandu juri konsiderazzjoni għall-emozzjonijiet taʼ martu bil-mod kif jittratta nisa oħra?
4 Raġel li juri konsiderazzjoni għall-emozzjonijiet taʼ martu qatt ma jifflertja maʼ nisa oħra jew juri interess mhux xieraq fihom, kemm jekk wiċċ imb wiċċ, fuq il-midja soċjali, jew fuq l-Internet. (Ġob 31:1) Hu ma jarax websajts mhux xierqa. Iva, hu jibqaʼ leali lejn martu għax iħobbha u għax iħobb lil Ġeħova u jobgħod dak li hu ħażin.—Aqra Salm 19:14; 97:10.
5. Mara miżżewġa kif tistaʼ turi konsiderazzjoni lejn żewġha?
5 Meta raġel miżżewweġ jimita l-eżempju taʼ mħabba tal-kap tiegħu, Ġesù Kristu, se jkun iktar faċli għal martu biex ikollha “rispett profond” għalih. (Efesin 5:22-25, 33) U meta tirrispettah, hi se tipprova tifhem kif iħossu u tittrattah b’qalb tajba meta jkollu x’jagħmel fl-affarijiet tal-kongregazzjoni jew meta jkollu jittratta mal-problemi. Raġel miżżewweġ fil-Brittanja jgħid: “Kultant marti tinduna li nbidlet xi ħaġa fl-imġiba tiegħi u li allura hemm xi ħaġa li qed tinkwetani. Imbagħad, hi tapplika l-prinċipju li nsibu fi Proverbji 20:5, anke meta dan ifisser li jkollha tistenna għall-ħin it-tajjeb biex ‘ittellaʼ’ l-ħsibijiet tiegħi, jekk tkun xi ħaġa li nistaʼ niddiskutiha magħha bil-libertà.”
6. Kif kulħadd fil-kongregazzjoni jistaʼ jinkuraġġixxi lit-tfal biex jaħsbu f’ħaddieħor u jkunu qalbhom tajba, u t-tfal kif se jibbenefikaw?
6 Meta l-ġenituri jittrattaw lil xulxin b’konsiderazzjoni, huma jagħtu eżempju tajjeb lil uliedhom. Ukoll, għandhom bżonn jgħallmu lil uliedhom biex jaħsbu f’oħrajn u jkunu qalbhom tajba. Pereżempju, il-ġenituri jistgħu jgħallmu lit-tfal tagħhom biex ma jiġrux fis-Sala tas-Saltna. Jew meta jkunu f’get-together, jistgħu jgħidu lil uliedhom biex jistennew lil min hu ikbar minnhom biex jieħu l-ikel l-ewwel. Bla dubju, kulħadd Atti 20:35.
fil-kongregazzjoni jistaʼ jappoġġja lill-ġenituri. Allura, għandna nfaħħru lit-tfal meta jagħmlu xi ħaġa li biha juru li qed jaħsbu f’oħrajn, bħal pereżempju, meta jiftħulna l-bieb. Dan se jagħmel lit-tfal iħossuhom tajjeb u se jgħinhom jitgħallmu li “hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—URI KONSIDERAZZJONI FIL-KONGREGAZZJONI
7. Ġesù kif wera konsiderazzjoni lejn raġel nieqes mis-smigħ, u x’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Ġesù?
7 Jum fost l-oħrajn, Ġesù kien fl-inħawi tad-Dekapoli meta n-nies ġabulu raġel nieqes mis-smigħ u li kellu diffikultà biex jitkellem. (Marku 7:31-35) Ġesù fejqu, imma mhux quddiem oħrajn. Għala le? Peress li r-raġel kien nieqes mis-smigħ, probabbilment ħassu skomdu fost folol kbar. Ġesù fehem kif kien iħossu, u “ħadu waħdu” f’post fejn ma kienx hemm nies madwarhom u fejqu hemm. M’għandniex xi ngħidu, aħna ma nistgħux nagħmlu mirakli, iżda għandna naħsbu dwar il-bżonnijiet u l-emozzjonijiet taʼ ħutna u nkunu qalbna tajba magħhom. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin.” (Ebrej 10:24) Ġesù fehem kif ħassu r-raġel nieqes mis-smigħ u trattah b’qalb tajba. X’eżempju tajjeb għalina!
L-imħabba ġġegħelna nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lil ħutna ikbar minna jew li għandhom xi diżabilità
8, 9. Kif nistgħu nuru li jimpurtana mill-anzjani u l-persuni b’diżabilità? Agħti eżempji.
8 Uri konsiderazzjoni lejn l-anzjani u l-persuni b’diżabilità. L-iktar karatteristika importanti tal-kongregazzjoni Kristjana hi l-imħabba, mhux l-effiċjenza, jew kemm wieħed kapaċi jagħmel xogħol mingħajr telf taʼ żmien. (Ġwanni 13:34, 35) L-imħabba ġġegħelna nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinu lil ħutna ikbar minna jew li għandhom xi diżabilità biex jiġu l-laqgħat u jippritkaw. Aħna ngħinuhom anke jekk mhux konvenjenti għalina jew saħansitra anke jekk ma jistgħux jagħmlu ħafna. (Mattew 13:23) Michael, li juża siġġu tar-roti, iħossu grat ħafna għall-għajnuna li jikseb mill-familja tiegħu u mill-aħwa tal-kongregazzjoni. Hu jgħid: “Grazzi għall-għajnuna li lkoll jagħtuni, nistaʼ nattendi kważi l-laqgħat kollha u nieħu sehem regolari fil-ministeru. L-iktar li jogħġobni hu l-ippritkar f’postijiet pubbliċi.”
9 F’ħafna djar Betel, hemm aħwa rġiel u nisa leali li huma anzjani jew li għandhom xi diżabilità. Indokraturi li jimpurtahom juruhom imħabba billi jirranġawlhom ħalli jkunu jistgħu jippritkaw permezz taʼ li jiktbu ittri u jużaw it-telefown. Bill, li għandu 86 sena, jikteb lil nies li joqogħdu ’l bogħod u jgħid: “Aħna napprezzaw il-privileġġ taʼ li nistgħu niktbu l-ittri.” Nancy, li għandha kważi 90 sena, tikkummenta: “Jien ma nqisx l-għoti taʼ xhieda bl-ittri bħala Proverbji 27:11.
sempliċement li nimla envelop bil-karti. Dan xorta hu servizz tal-għalqa. In-nies għandhom bżonn ikunu jafu l-verità!” Ethel, li twieldet fl-1921, tgħid: “L-uġigħ hu parti minn ħajti. Ċerti ġranet tassew nagħmel sforz biex saħansitra nilbes.” Minkejja dan, hi tieħu pjaċir tipprietka billi tuża t-telefown u għandha xi ftit żjajjar lura tajbin. Barbara, li għandha 85 sena, tispjega: “Minħabba s-saħħa batuta tiegħi nsib li hu diffiċli ferm inkun regolari fis-servizz tal-għalqa. Imma l-għoti taʼ xhieda bit-telefown jgħinni nkellem lil oħrajn. Grazzi, Ġeħova!” F’inqas minn sena, dawn l-erbaʼ anzjani kienu fost grupp prezzjuż t’aħwa mill-istess Betel li qattgħu 1,228 siegħa fil-ministeru, kitbu 6,265 ittra, għamlu ’l fuq minn 2,000 telefonata, u qassmu 6,315-il pubblikazzjoni! Nistgħu nibqgħu ċerti li l-isforzi tagħhom ferrħu bil-kbir lil Ġeħova!—10. Kif nistgħu ngħinu lil ħutna jibbenefikaw kemm jistaʼ jkun mil-laqgħat?
10 Uri konsiderazzjoni fil-laqgħat Kristjani. Meta nuru konsiderazzjoni, aħna ngħinu lil ħutna jibbenefikaw kemm jistaʼ jkun mil-laqgħat. Kif? Mod wieħed hu billi naslu fil-ħin biex ma ntellfuhomx. Kultant, affarijiet mhux mistennijin għandhom mnejn iġegħluna naslu tard. Imma, jekk spiss naslu tard, aħna għandna naħsbu dwar kif dan jaffettwa lil ħutna u dwar liema bidliet nistgħu nagħmlu biex nuru li jimpurtana minnhom. Ftakar ukoll li huma Ġeħova u Ibnu li jistidnuna għal-laqgħat. (Mattew 18:20) Żgur li għandna nuruhom rispett billi nkunu fil-ħin!
11. Għala l-aħwa li jkollhom sehem f’xi parti tal-laqgħa jsegwu d-direzzjoni li nsibu fl-1 Korintin 14:40?
11 Jekk nuru konsiderazzjoni lejn ħutna, aħna se nsegwu d-direzzjoni tal-Bibbja: “Ħa jsir kollox bid-deċenza u bl-ordni.” 1 Korintin 14:40) L-aħwa li jkollhom sehem f’xi parti tal-laqgħa jkunu qed isegwu din id-direzzjoni meta jispiċċaw fil-ħin. B’hekk, huma juru konsiderazzjoni mhux biss lejn il-kelliem li jmiss imma wkoll lejn il-kongregazzjoni kollha. Aħseb dwar kif oħrajn jistgħu jiġu affettwati jekk il-laqgħa tispiċċa tard. Xi aħwa għandhom mnejn jivvjaġġaw fit-tul biex jaslu lura d-dar. Oħrajn ikollhom bżonn jaqbdu karozza tal-linja jew minibus. U oħrajn għandhom is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom fiż-żwieġ li ma tkunx tal-istess twemmin u dawn jistennewhom jaslu d-dar sa ċertu ħin.
(12. L-anzjani għala jistħoqqilhom ir-rispett u l-imħabba tagħna? (Ara l-kaxxa “ Uri konsiderazzjoni lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija.”)
12 L-anzjani jaħdmu iebes fil-kongregazzjoni u fil-ministeru, u għalhekk jistħoqqilhom ir-rispett u l-imħabba tagħna. (Aqra l-1 Tessalonikin 5:12, 13.) Żgur li int grat ħafna għal dak kollu li jagħmlu għalik. Int tistaʼ turi dan billi minn jeddek tobdihom u tappoġġjahom, għaliex “huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont.”—Ebrej 13:7, 17.
URI KONSIDERAZZJONI FIL-MINISTERU
13. X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġesù tratta lin-nies?
13 Fi profezija dwar Ġesù, Isaija qal: “Qasba miksura ma jaqsamhiex; ftila tal-kittien tnemnem ma jitfihiex.” (Isaija 42:3) L-imħabba li Ġesù kellu għan-nies ġegħlitu jħoss għalihom. Hu fehem kif iħossuhom dawk li kienu skuraġġiti u dgħajfin bħal “qasba miksura” jew “ftila tal-kittien tnemnem,” allura ttrattahom b’qalb tajba u b’paċenzja. Anke t-tfal riedu jkunu maʼ Ġesù. (Marku 10:14) Naturalment, aħna ma nistgħux nifhmu jew ngħallmu lin-nies bħalma għamel Ġesù! Imma nistgħu nuru konsiderazzjoni lejn in-nies fit-territorju tagħna bil-mod kif inkellmuhom, meta nkellmuhom, u kemm indumu nkellmuhom.
Il-kliem u t-ton tal-vuċi li nużaw jeħtieġ li juru lin-nies li aħna qalbna tajba u jimpurtana minnhom
14. Għala għandna naħsbu dwar kif nitkellmu man-nies?
14 Kif għandna nitkellmu man-nies? Illum, miljuni bla għadd taʼ nies ġew “maltrattati u mferrxin” minn negozjanti, politikanti, u mexxejja tar-reliġjon li huma korrotti u bla qalb. (Mattew 9:36) B’hekk, ħafna nies ma jafdaw lil ħadd u m’għandhomx tama. Huwa għalhekk li l-kliem u t-ton tal-vuċi li nużaw jeħtieġ li juruhom li aħna qalbna tajba u jimpurtana minnhom! Ħafna nies iridu jisimgħu l-messaġġ tagħna mhux biss għax nużaw il-Bibbja tajjeb imma wkoll għax ġenwinament ninteressaw ruħna fihom u nuruhom rispett.
15. Liema huma xi modi kif nistgħu nuru konsiderazzjoni lejn in-nies fit-territorju tagħna?
15 Hemm ħafna modi kif nistgħu nuru konsiderazzjoni lejn in-nies fit-territorju tagħna. Hemm bżonn li nistaqsu mistoqsijiet b’qalb tajba u b’rispett. Pijunier qeda f’territorju fejn ħafna nies
kienu jistħu, allura evita mistoqsijiet li jġegħluhom iħossuhom imbarazzati jekk ma kinux jafu t-tweġiba t-tajba. Hu ma kienx jistaqsi, “Taf x’jismu Alla?” jew “Taf x’inhi s-Saltna t’Alla?” Minflok, kien jgħid xi ħaġa bħal, “Jien tgħallimt mill-Bibbja li Alla għandu isem personali. Nistaʼ nurik x’inhu dan l-isem?” Dan il-metodu ma japplikax għal kullimkien, għax in-nies u l-kulturi huma differenti. Imma aħna dejjem għandna nittrattaw lin-nies fit-territorju tagħna b’qalb tajba u b’rispett. Biex nagħmlu dan, jeħtieġ li nsiru nafuhom sew.16, 17. Kif nistgħu nuru qalb tajba meta niddeċiedu (a) x’ħin inżuru lin-nies? (b) kemm indumu nkellmuhom?
16 Meta għandna nżuru lin-nies? Meta mmorru minn dar għal dar, in-nies ma jkunux qed jistennewna għax huma ma stidnuniex. Għalhekk, hu importanti ħafna li nżuruhom f’ħin meta għandhom mnejn ikunu iktar lesti li jkellmuna. (Mattew 7:12) Pereżempju, in-nies fit-territorju tiegħek iħobbu jdumu reqdin fi tmiem il-ġimgħa? Mela forsi tistaʼ tibda l-ministeru billi tagħti xhieda fit-toroq, tipprietka f’postijiet pubbliċi, jew tagħmel żjajjar lura għand nies li taf li huma disponibbli biex ikellmuk.
17 Kemm għandna ndumu nkellmuhom? In-nies ikollhom ħafna x’jagħmlu, allura jkun tajjeb li ż-żjajjar tagħna jkunu qosra, speċjalment għall-bidu. Ikun aħjar li nispiċċaw il-konversazzjoni malajr milli ndumu nkellmuhom iżżejjed. (1 Korintin 9:20-23) Meta n-nies jaraw li aħna konxji taċ-ċirkustanzi jew l-iskedi mimlijin tagħhom, għandu mnejn meta jarawna darb’oħra jkunu iktar lesti li jkellmuna. Jekk nuru l-kwalitajiet li jiġu mill-ispirtu t’Alla, aħna verament se nsiru “ħaddiema sħab m’Alla.” Ġeħova jistaʼ saħansitra jużana biex ngħinu lil xi ħadd jitgħallem il-verità!—1 Korintin 3:6, 7, 9.
18. Meta nuru konsiderazzjoni lejn oħrajn, liema barkiet nistgħu nittamaw li nirċievu?
18 Mela ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nuru konsiderazzjoni lejn il-membri tal-familja tagħna, lejn ħutna rġiel u nisa, u lejn dawk li niltaqgħu magħhom fil-ministeru. Imbagħad, se jkollna ħafna barkiet, kemm issa u kemm fil-futur. Bħalma jgħid Salm 41:1, 2: “Hieni min jaġixxi b’konsiderazzjoni mal-batut; fi żmien il-gwaj Ġeħova jeħilsu. Ġeħova nnifsu se jħarsu u jżommu ħaj. Se jiġi dikjarat hieni fl-art.”