Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Kompli uri mħabba li tibni

Kompli uri mħabba li tibni

“L-​imħabba tibni.”—1 KORINTIN 8:1.

GĦANJIET: 109, 121

1. Liema suġġett importanti tkellem dwaru Ġesù fl-​aħħar lejl tiegħu mad-​dixxipli?

FL-​AĦĦAR lejl mad-​dixxipli tiegħu qabel ma miet, Ġesù semma l-​imħabba kważi 30 darba. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu li għandhom ‘iħobbu lil xulxin.’ (Ġwanni 15:12, 17) L-​imħabba tagħhom tant kellha tispikka li oħrajn kellhom jinnotawha u jagħrfu li huma kienu segwaċi veri taʼ Kristu. (Ġwanni 13:34, 35) L-​imħabba li Ġesù tkellem dwarha mhijiex biss xi ħaġa li nħossu. Imma hija wkoll kwalità tal-​għaġeb li tintwera b’azzjonijiet taʼ sagrifiċċju personali. Ġesù qal: “Ħadd m’għandu mħabba akbar minn din, li xi ħadd jagħti ruħu għal ħbiebu. Intom ħbiebi jekk tagħmlu dak li qed nordnalkom.”—Ġwanni 15:13, 14.

2. (a) Il-​qaddejja t’Alla llum għal xiex huma magħrufin? (b) Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

2 Il-​qaddejja taʼ Ġeħova llum huma magħrufin għall-​imħabba ġenwina u mingħajr egoiżmu, u għall-​unità b’saħħitha tagħhom. (1 Ġwanni 3:10, 11) Ma tagħmilx differenza minn liema nazzjonalità jew tribù aħna, x’lingwa nitkellmu, minn fejn aħna, jew kif trabbejna. Madwar id-​dinja kollha, il-​qaddejja taʼ Ġeħova verament iħobbu lil xulxin. Din l-​imħabba għala hi tant meħtieġa llum? Ġeħova u Ġesù kif jibnuna bl-​imħabba? U kif nistgħu nuru din l-​imħabba biex infarrġu u nsaħħu lil oħrajn?—1 Korintin 8:1.

GĦALA L-​IMĦABBA HI TANT MEĦTIEĠA LLUM

3. Kif qed jaffettwaw lin-​nies dawn “iż-​żminijiet kritiċi”?

3 Aħna ngħixu fi “żminijiet kritiċi,” u l-​ħajja mimlija ‘inkwiet u wġigħ.’ (2 Timotju 3:1-5; Salm 90:10) Ħafna nies tant qed ibatu li jħossuhom qalbhom maqtugħa mill-​ħajja. Kull sena iktar minn 800,000 persuna, jiġifieri persuna kull 40 sekonda, imutu minħabba li jagħmlu suwiċidju. B’dispjaċir, anki ftit minn ħutna esperjenzaw dawn l-​emozzjonijiet u ħadu ruħhom b’idejhom.

4. Liema karattri fil-​Bibbja xi darba ħassewhom li riedu jmutu?

4 Fi żminijiet Bibliċi, uħud mill-​qaddejja leali t’Alla tant ħassewhom ħażin minħabba l-​problemi tagħhom li ħassewhom li riedu jmutu. Pereżempju, Ġob tant kien muġugħ li qal: “Lil ħajti jien ċħadtha; ma rridx [“nibqaʼ”] ngħix.” (Ġob 7:16; 14:13) Ġona tant ħassu diżappuntat li qal: “Issa, O Ġeħova, jekk jogħġbok, ħudli ruħi, għax aħjar immut milli ngħix.” (Ġona 4:3) Il-​profeta Elija tant ħassu bla tama li qal: “Biżżejjed! Issa, O Ġeħova, ħudli ruħi.” (1 Slaten 19:4) Imma Ġeħova kien iħobbhom lil dawn il-​qaddejja leali tiegħu u riedhom jgħixu. Hu ma kkundannax il-​mod kif ħassewhom. Minflok, għenhom jerġgħu jibnu x-​xewqa tagħhom li jgħixu ħalli jkunu jistgħu jkomplu jaqduh lealment.

5. Ħutna għala għandhom bżonn l-​imħabba tagħna speċjalment illum?

5 Illum, ħafna minn ħutna qegħdin iħabbtu wiċċhom maʼ sitwazzjonijiet stressanti u għandhom bżonn l-​imħabba tagħna. Xi wħud jiġu mwaqqgħin għaċ-​ċajt jew persegwitati. Oħrajn jiġu kritikati jew trattati ħażin minn kollegi tax-​xogħol. Jew huma għajjenin ħafna minħabba s-​sigħat twal taʼ xogħol jew minħabba li x-​xogħol tagħhom huwa stressanti ħafna. Jerġaʼ oħrajn għandhom problemi serji fil-​familja. Forsi miżżewġin lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova u li l-​ħin kollu jikkritikahom. Minħabba dawn il-​pressjonijiet u oħrajn, ħafna minn ħutna jħossuhom bla saħħa fiżikament u emozzjonalment. Min jistaʼ jgħin uħud bħal dawn?

L-​IMĦABBA TAʼ ĠEĦOVA SSAĦĦAĦNA

6. L-​imħabba li Ġeħova għandu għall-​qaddejja tiegħu kif issaħħaħhom?

6 Ġeħova jsaħħaħ lill-​qaddejja tiegħu billi jassigurahom li hu jħobbhom issa u għal dejjem. Immaġina kif ħassu l-​poplu taʼ Iżrael meta Ġeħova qallu: “Int . . . prezzjuż f’għajnejja, qistek onorabbli, u ħabbejtek,” u “Tibżax, għax jien miegħek”! (Isaija 43:4, 5) Aħna nafu li kull wieħed minna hu prezzjuż għal Ġeħova. * (Ara n-​nota taʼ taħt.) Il-​Bibbja twegħedna: “Bħala Wieħed setgħan, hu se jagħtik salvazzjoni. Se jithenna minħabba fik b’ferħ kbir.”—Sofonija 3:16, 17.

7. L-​imħabba taʼ Ġeħova kif qisha bħal dik taʼ omm li tieħu ħsieb lit-​tarbija tagħha? (Ara l-​ewwel stampa.)

7 Ġeħova jwiegħed li jsaħħaħ u jfarraġ lin-​nies tiegħu jkunu xi jkunu l-​problemi li jkollhom. Hu qal: “Tinġarru fuq il-​ġenbejn, u fuq l-​irkopptejn tiġu mmellsin. Bħal [“iben”] li ommu tibqaʼ tfarrġu, hekk nibqaʼ nfarraġkom jien.” (Isaija 66:12, 13) Aħseb kemm tħossha protetta tarbija meta ommha terfagħha jew tilgħab magħha! Ġeħova jħobbok ħafna u jridek tħossok protett. Qatt taħseb li m’intix prezzjuż ħafna għal Ġeħova.—Ġeremija 31:3.

8, 9. L-​imħabba taʼ Ġesù kif tistaʼ ssaħħaħna?

8 Din hija raġuni oħra għala nafu li Ġeħova jħobbna: “Alla tant ħabb lid-​dinja li ta l-​Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-​fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-​ħajja taʼ dejjem.” (Ġwanni 3:16) Is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù jagħtina prova li hu jħobbna wkoll, u din l-​imħabba ssaħħaħna. Il-​Bibbja tgħid li lanqas saħansitra “t-​tribulazzjoni jew in-​niket” ma jistaʼ “jifridna mill-​imħabba tal-​Kristu.”—Rumani 8:35, 38, 39.

9 Ġieli jkollna problemi li jdgħajfuna fiżikament jew emozzjonalment jew li jisirqulna l-​ferħ tagħna f’li naqdu lil Ġeħova. Imma li niftakru kemm Kristu jħobbna jistaʼ jagħtina s-​saħħa biex nissaportu. (Aqra t-​2 Korintin 5:14, 15.) L-​imħabba taʼ Ġesù tagħtina x-​xewqa li nkomplu ngħixu u naqdu lil Ġeħova. Din tistaʼ tgħinna ma naqtgħux qalbna, anki jekk niffaċċjaw diżastri naturali, persekuzzjoni, diżappunti personali, jew ansjetà.

ĦUTNA GĦANDHOM BŻONN L-​IMĦABBA TAGĦNA

Int tistaʼ tiġi motivat tinkuraġġixxi lil oħrajn billi tistudja l-​eżempju taʼ Ġesù (Ara paragrafi 10, 11)

10, 11. Min għandu r-​responsabbiltà li jibni lill-​aħwa skuraġġiti? Spjega.

10 Ukoll, Ġeħova juża l-​kongregazzjoni biex jibnina bi mħabbtu. Meta aħna nħobbu lil ħutna nagħtu prova li nħobbu lil Ġeħova. Aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ngħinu lil ħutna jifhmu li huma prezzjużi u li Ġeħova jħobbhom. (1 Ġwanni 4:19-21) L-​appostlu Pawlu kiteb: “Ibqgħu farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, bħalma fil-​fatt qed tagħmlu.” (1 Tessalonikin 5:11) Mhux l-​anzjani biss jistgħu jagħmlu dan. Kull wieħed u waħda minna jistaʼ jimita lil Ġeħova u Ġesù billi jfarraġ, jew jinkuraġġixxi, lil ħutu.—Aqra Rumani 15:1, 2.

11 Xi wħud fil-​kongregazzjoni li jbatu minħabba dipressjoni qawwija jew ansjetà għandu mnejn ikollhom bżonn għajnuna u kura professjonali. (Luqa 5:31) L-​anzjani u oħrajn fil-​kongregazzjoni jifhmu li għalkemm huma mhumiex tobba kwalifikati, l-​għajnuna u l-​inkuraġġiment li jagħtu huma importanti ħafna. Kull wieħed u waħda minna fil-​kongregazzjoni jistaʼ ‘jikkonsla lid-​dipressi, iwieżen lid-​dgħajfin, u juri sabar fit-​tul lejn kulħadd.’ (1 Tessalonikin 5:14) Aħna nixtiequ nipprovaw nifhmu kif qed iħossuhom ħutna. Jeħtieġ li jkollna l-​paċenzja magħhom u nkellmuhom b’mod li jfarraġhom meta jkunu skuraġġiti. Int tipprova ssaħħaħ lil oħrajn? X’tistaʼ tagħmel biex tkun saħansitra iktar taʼ faraġ u inkuraġġiment?

12. Agħti eżempju taʼ xi ħadd li ġie inkuraġġit bl-​imħabba tal-​aħwa fil-​kongregazzjoni.

12 Oħt fl-​Ewropa tgħid: “Ġieli għaddewli ħsibijiet biex nagħmel suwiċidju, imma għandi appoġġ kbir. Il-​kongregazzjoni li qiegħda fiha salvatli ħajti. L-​aħwa dejjem huma taʼ inkuraġġiment kbir għalija u jħobbuni. Għalkemm ftit jafu li nbati mid-​dipressjoni, il-​kongregazzjoni dejjem hemm għalija. Koppja miżżewġin huma bħal ġenituri spiritwali għalija. Huma jieħdu ħsiebi sew, u qegħdin hemm għalija tistaʼ tgħid 24 siegħa kuljum.” Veru, mhux kulħadd jistaʼ jgħin bl-​istess mod. Imma kulħadd jistaʼ jagħmel ħafna biex jipprovdi sapport lil ħutna. * (Ara n-​nota taʼ taħt.)

KIF TIBNI LIL OĦRAJN BL-​IMĦABBA TIEGĦEK

13. X’hemm bżonn nagħmlu biex nibnu lil oħrajn?

13 Kun semmiegħ tajjeb. (Ġakbu 1:19) Aħna nuru l-​imħabba meta nisimgħu b’empatija. B’qalb tajba staqsi mistoqsijiet li jistgħu jgħinuk tifhem kif qed iħossu ħuk. Hu se jkun jaf jimpurtakx minnu verament, anki mill-​espressjoni taʼ wiċċek. Meta jkun qed jitkellem, kun paċenzjuż u ħallih jesprimi ruħu mingħajr ma tinterrompi. Jekk tkun semmiegħ tajjeb, int tistaʼ tifhmu aħjar u tgħinu jafdak. Imbagħad se jkun eħfef għalih li jismaʼ dak li għandek x’tgħid, hekk kif tipprova tgħinu. Meta verament jimpurtak minn oħrajn, int tistaʼ tkun taʼ serħan kbir għalihom.

14. Għala m’għandniex nikkritikaw?

14 Oqgħod attent li ma tikkritikax. Persuna dipressa se tħossha agħar jekk taħseb li aħna qed nikkritikawha. Imbagħad dan jistaʼ jagħmilha diffiċli ħafna biex ngħinuha. “Hemm min jitkellem bla ma jaħsibha qisu b’daqqiet taʼ sejf, imma lsien l-​għorrief hu fejqan.” (Proverbji 12:18) Għalkemm aħna qatt mhu se ngħidu xi ħaġa biex inweġġgħu apposta lil persuna dipressa, xorta nistgħu nweġġgħuha ħafna meta nitkellmu bla ma naħsbu qabel. Biex nibnu lil ħuna jew oħtna, aħna għandna ngħinuha tħossha konvinta li verament qed nipprovaw nifhmu s-​sitwazzjoni tagħha.—Mattew 7:12.

15. Liema għodda prinċipali taʼ valur nistgħu nużaw biex infarrġu lil oħrajn?

15 Uża l-​Kelma t’Alla biex tfarraġ lil oħrajn. (Aqra Rumani 15:4, 5.) Il-​Bibbja ġejja mill-​“Alla li jipprovdi s-​sabar u l-​faraġ,” allura m’aħniex sorpriżi li fiha nsibu ħafna kliem taʼ faraġ. Għandna wkoll il-​LIBRERIJA ONLAJN tat-​Torri tal-​Għassa u l-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Billi nużaw dawn l-​għodod, nistgħu nsibu skritturi u pubblikazzjonijiet li nistgħu nużawhom biex infarrġu u ninkuraġġixxu lil ħutna.

16. Liema kwalitajiet jistgħu jgħinuna ninkuraġġixxu lil persuna li tkun dipressa?

16 Uri mogħdrija u kun ġentili. Ġeħova hu “l-​Missier taʼ kull ħniena tenera u l-​Alla taʼ kull faraġ,” u hu għandu “mogħdrija tenera” għall-​qaddejja tiegħu. (Aqra t-​2 Korintin 1:3-6; Luqa 1:78; Rumani 15:13) Pawlu ħalla eżempju tajjeb f’dan għax hu imita lil Ġeħova. Hu kiteb: “Ġibna ruħna b’mod ġentili fostkom, bħal kif omm li treddaʼ tgħożż lil uliedha. Għalhekk, peress li għandna affezzjoni tenera lejkom, konna kuntenti ħafna li mhux biss nagħtukom l-​aħbar tajba t’Alla, imma wkoll ruħna stess, għax sirtu għeżież għalina.” (1 Tessalonikin 2:7, 8) Meta nuru mogħdrija bħal Ġeħova, aħna nistgħu nkunu t-​tweġiba għat-​talba taʼ ħu dipress!

17. Liema ħarsa realistika se tgħinna ninkuraġġixxu lill-​aħwa?

17 Tistenniex li l-​aħwa jkunu perfetti. Kun realistiku. Jekk tistenna li l-​aħwa jkunu perfetti, int se tkun diżappuntat. (Ekkleżjasti 7:21, 22) Ftakar li Ġeħova hu realistiku f’dak li jistenna minna. Għalhekk, għandna bżonn inkunu paċenzjużi maʼ xulxin. (Efesin 4:2, 32) Qatt ma rridu nġiegħlu lill-​aħwa jħossuhom li mhumiex qed jagħmlu biżżejjed jew li qed inqabbluhom m’oħrajn. Minflok, aħna ninkuraġġuhom u nsemmu l-​affarijiet tajbin li qed jagħmlu. Dan jistaʼ jgħinhom jaqdu lil Ġeħova bil-​ferħ.—Galatin 6:4.

18. Għala rridu nibnu lil xulxin bl-​imħabba?

18 Kull wieħed mill-​qaddejja taʼ Ġeħova hu prezzjuż għalih u għal Ġesù. (Galatin 2:20) Aħna nħobbu lill-​aħwa mill-​qalb, għalhekk għandna nittrattawhom b’mogħdrija u mħabba. Aħna “niġru wara l-​affarijiet li jġibu l-​paċi u l-​affarijiet li bihom nibnu lil xulxin.” (Rumani 14:19) Kemm inħarsu ’l quddiem għall-​ħajja fil-​Ġenna tal-​art, meta ħadd mhu se jkollu raġuni għala jkun skuraġġit! Mhux se jkun hemm iktar mard u l-​ebda gwerra. In-​nies qatt iżjed mhu se jmutu minħabba d-​dnub li wirtu, u mhu se jkun hemm l-​ebda persekuzzjoni, problemi fil-​familja, jew diżappunti fil-​ħajja. Fl-​aħħar tal-​elf sena, in-​nies kollha se jkunu perfetti. Dawk li jibqgħu leali wara t-​test finali se jiġu adottati minn Ġeħova bħala wliedu fuq l-​art u se jkollhom “il-​libertà glorjuża taʼ wlied Alla.” (Rumani 8:21) Mela ejja lkoll nuru mħabba li tibni u ngħinu lil xulxin biex insalvaw għal ġod-​dinja l-​ġdida mill-​isbaħ t’Alla.

^ par. 12 Bħala għajnuna għal dawk li għandhom ħsibijiet biex jagħmlu suwiċidju, ara l-​artikli taʼ Stenbaħ! bit-​titli “Għala tibqaʼ tgħix? Tliet raġunijiet biex tibqaʼ tgħix” (April 2014); “Meta Tħoss li Ma Tridx Tibqaʼ Tgħix” (April 2012); u “Il-​Ħajja—Taʼ Min Jgħixha” (8 taʼ Novembru 2001).