Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 38

“Ejjew għandi, . . . u jien inserraħkom”

“Ejjew għandi, . . . u jien inserraħkom”

“Ejjew għandi, intom ilkoll li mħabbtin u mgħobbijin, u jien inserraħkom.”—MT. 11:28.

GĦANJA 17 ‘Irrid żgur’

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġesù x’wiegħed, bħalma hu miktub f’​Mattew 11:28-30?

ĠESÙ wiegħed xi ħaġa sabiħa lil folla li kienet qed tisimgħu. “Ejjew għandi,” hu qal, “u jien inserraħkom.” (Aqra Mattew 11:28-​30.) Dan ma kienx kliem fil-​vojt. Pereżempju, aħseb x’għamel għal mara li kellha marda serja.

2. X’għamel Ġesù għal mara marida?

2 Il-​mara kellha bżonn l-​għajnuna b’mod iddisprat. Kienet marret għand ħafna tobba bit-​tama li tfiq. Wara 12-​il sena taʼ qtigħ il-​qalb, kienet għadha ma sabitx kura. Skont il-​Liġi, ma kinitx nadifa. (Lev. 15:25) Imbagħad semgħet li Ġesù setaʼ jfejjaq lil dawk li kienu qed ibatu, allura marret tfittxu. Meta sabitu, messet tarf il-​libsa tiegħu, u fieqet dak il-​ħin stess. Ġesù mhux biss fejjaqha imma wkoll taha lura d-​dinjità tagħha. Pereżempju, meta kellimha uża l-​kelma “binti,” kelma t’affezzjoni u rispett. Żgur li dan saħħaħ lil din il-​mara u kien taʼ serħan għaliha!—Lq. 8:43-​48.

3. X’mistoqsijiet se nwieġbu?

3 Innota li kienet il-​mara li marret għand Ġesù. Hi għamlet l-​isforz biex tmur għandu. L-​istess illum—għandna nagħmlu l-​isforz biex immorru għand Ġesù. Fil-​preżent, Ġesù mhux se jagħmel mirakli biex ifejjaq il-​mard fiżiku taʼ dawk li jmorru għandu. Imma l-​istedina tiegħu xorta għadha hemm: “Ejjew għandi, . . . u jien inserraħkom.” F’dan l-​artiklu se nwieġbu ħames mistoqsijiet: Kif nistgħu mmorru għand Ġesù? X’ried ifisser Ġesù meta qal: “Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom”? X’nistgħu nitgħallmu mingħand Ġesù? Ix-​xogħol li tana nagħmlu għala jġib serħan? U kif nistgħu nkomplu nsibu s-​serħan taħt il-​madmad taʼ Ġesù?

“EJJEW GĦANDI”

4-5. Liema huma xi modi kif nistgħu mmorru għand Ġesù?

4 Mod wieħed kif immorru għand Ġesù hu billi nitgħallmu kemm nistgħu dwar l-​affarijiet li qal u għamel. (Lq. 1:1-​4) Ħadd ma jistaʼ jagħmel dan għalina. Hija r-​responsabbiltà tagħna li nistudjaw dawn ir-​rakkonti. Aħna mmorru wkoll għand Ġesù billi nieħdu d-​deċiżjoni li nitgħammdu u nsiru dixxipli taʼ Kristu.

5 Mod ieħor kif immorru għand Ġesù hu billi mmorru għand l-​anzjani tal-​kongregazzjoni jekk neħtieġu l-​għajnuna. Ġesù juża dawn l-​“irġiel bħala għotjiet” biex jieħdu ħsieb in-​nagħaġ tiegħu. (Efes. 4:7, 8, 11; Ġw. 21:16; 1 Pt. 5:1-3) Għandna nagħmlu l-​isforz biex nitolbu l-​għajnuna tagħhom. Ma nistgħux nistennew lill-​anzjani jaqrawlna moħħna u jkunu jafu x’għandna bżonn. Innota x’jgħid ħu jismu Julian: “Jien kelli nħalli l-​inkarigu taʼ Betel għal raġunijiet taʼ saħħa, u wieħed mill-​aħwa ssuġġerieli nitlob lill-​anzjani jżuruni biex jinkuraġġuni. Għall-​ewwel ma ħsibtx li kelli bżonn. Imma iktar tard tlabt l-​għajnuna, u dik iż-​żjara kienet waħda mill-​aħjar rigali li qatt qlajt.” Anzjani leali, bħal dawk it-​tnejn li żaru lil Julian, jistgħu jgħinuna nkunu nafu “l-​moħħ taʼ Kristu,” jiġifieri, li nifhmu u nimitaw il-​ħsieb u l-​attitudni tiegħu. (1 Kor. 2:16; 1 Pt. 2:21) Verament, dan hu wieħed mill-​aħjar rigali li jistgħu jagħtuna!

“ĦUDU L-​MADMAD TIEGĦI FUQKOM”

6. Ġesù x’ried ifisser meta qal: “Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom”?

6 Meta Ġesù qal: “Ħudu l-​madmad tiegħi fuqkom,” hu forsi ried ifisser “Aċċettaw l-​awtorità tiegħi.” Forsi ried ifisser ukoll “Idħlu taħt il-​madmad miegħi, u naħdmu flimkien għal Ġeħova.” Kien x’kien, il-​madmad * ifisser xogħol.

7. Skont Mattew 28:18-20, liema xogħol ġejna mogħtijin nagħmlu, u dwar xiex nistgħu nkunu ċerti?

7 Aħna naċċettaw l-​istedina taʼ Ġesù meta niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova u nitgħammdu. Din l-​istedina hi miftuħa għal kulħadd—Ġesù qatt mhu se jwarrab lil xi ħadd li sinċerament irid jaqdi lil Alla. (Ġw. 6:37, 38) Is-​segwaċi taʼ Kristu kollha ngħataw il-​privileġġ li jieħdu sehem fix-​xogħol li Ġeħova qal lil Ġesù biex jidderieġi. Nistgħu nkunu ċerti li Ġesù dejjem se jkun hemm biex jgħinna nagħmlu dan ix-​xogħol.—Aqra Mattew 28:18-20.

“TGĦALLMU MINNI”

Kun taʼ serħan għal oħrajn bħal Ġesù (Ara paragrafi 8-11) *

8-9. Nies umli għala kienu jinġibdu lejn Ġesù, u x’mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?

8 Nies umli kienu jinġibdu lejn Ġesù. (Mt. 19:13, 14; Lq. 7:37, 38) Għala? Innota l-​kuntrast bejn Ġesù u l-​Fariżej. Il-​Fariżej ma kellhomx imħabba u kienu kburin. (Mt. 12:9-14) Ġesù kellu mħabba u kien umli. Il-​Fariżej kienu jħobbu jkunu magħrufin u importanti. Ġesù ma inkuraġġiex dawn l-​affarijiet. Hu għallem lid-​dixxipli tiegħu jkunu umli u jaqdu lil oħrajn. (Mt. 23:2, 6-11) Il-​Fariżej iddominaw lin-​nies għax dawn kienu jibżgħu minn dak li setaʼ jiġrilhom jekk ma jobduhomx. (Ġw. 9:13, 22) Ġesù kien taʼ serħan għal oħrajn b’dak li qal u għamel bi mħabba u qalb tajba.

9 Tgħallimthom int dawn il-​lezzjonijiet minn Ġesù? Staqsi lilek innifsek: ‘Magħruf li jien ġwejjed u umli? Nagħmel xogħol sempliċi minn jeddi għal oħrajn? Jien qalbi tajba m’oħrajn?’

10. Liema atmosfera ħoloq Ġesù għal dawk li ħadmu miegħu?

10 Ġesù ħoloq atmosfera li tiġbdek u taʼ paċi għal dawk li ħadmu miegħu, u kien jieħu gost iħarriġhom. (Lq. 10:1, 19-21) L-​attitudni taʼ Ġesù ġiegħlet lid-​dixxipli jħossuhom komdi biex jistaqsuh mistoqsijiet. Ukoll, Ġesù ried jismaʼ l-​opinjonijiet tagħhom. (Mt. 16:13-16) Bħal pjanti fis-​serer, id-​dixxipli mxew ’il quddiem. Huma qagħdu attenti għal-​lezzjonijiet li Ġesù għallem u pproduċew il-​frott, jiġifieri, xogħlijiet tajbin.

Kun avviċinabbli u dħuli

Kun attiv u żeluż

Kun umli u ħabrieki *

11. X’mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?

11 Għandek int xi pożizzjoni t’awtorità? Jekk iva, staqsi lilek innifsek: ‘Xi kwalità t’atmosfera noħloq fuq il-​post tax-​xogħol jew id-​dar? Jien nippromwovi paċi? L-​attitudni tiegħi tagħmilha komda għal oħrajn biex jistaqsuni mistoqsijiet? Lest li nismaʼ l-​opinjonijiet tagħhom?’ Aħna qatt ma rridu nkunu bħall-​Fariżej, li ma kinux jieħdu pjaċir b’dawk li kienu jiddubitaw it-​tagħlim tagħhom, u ppersegwitaw lil min esprima xi opinjoni kuntrarju għal tagħhom.—Mk. 3:1-6; Ġw. 9:29-34.

“INTOM ISSIBU SERĦAN”

12-14. Ix-​xogħol li tana nagħmlu Ġesù għala hu taʼ serħan?

12 Għala hu taʼ serħan għalina li nagħmlu x-​xogħol li tana Ġesù? Hemm ħafna raġunijiet, imma se niddiskutu ftit biss.

13 Aħna għandna l-​aħjar indokraturi. Ġeħova, għalkemm hu l-​Iktar Għoli, mhuwiex xi sid ingrat u kattiv. Hu japprezza x-​xogħol li nagħmlu. (Ebr. 6:10) U jagħtina l-​qawwa li għandna bżonn biex inġorru t-​tagħbija tagħna. (2 Kor. 4:7; Gal. 6:5) Ġesù, is-​Sultan tagħna, ħallielna l-​eżempju perfett taʼ kif nittrattaw lil oħrajn. (Ġw. 13:15) U l-​anzjani li jieħdu ħsiebna jipprovaw jimitaw lil Ġesù, “ir-​ragħaj il-​kbir.” (Ebr. 13:20; 1 Pt. 5:2) Huma jistinkaw biex ikunu qalbhom tajba, inkuraġġanti, u kuraġġużi hekk kif jgħallmuna u jipproteġuna.

14 Aħna għandna l-​aħjar ħbieb. M’hemmx poplu ieħor li għandu xogħol bi skop u mħabba bħal tagħna. Aħseb ftit: Aħna għandna l-​privileġġ li naħdmu maʼ nies li għandhom l-​ogħla livelli morali imma li ma jqisux lilhom infushom aħjar minn ħaddieħor. Huma għandhom ħafna abbiltajiet imma ma jiftaħrux bihom, u jqisu lil ħaddieħor aħjar minnhom. Huma ma jqisuniex biss bħala wħud li naħdmu magħhom imma wkoll bħala ħbiebhom. U din l-​għaqda tant hi b’saħħitha li huma lesti li jagħtu ħajjithom għalina!

15. Kif għandna nħossuna dwar ix-​xogħol li qegħdin nagħmlu?

15 Aħna għandna l-​aħjar xogħol. Aħna ngħallmu lin-​nies il-​verità dwar Ġeħova u nikxfu l-​gideb li qal ix-​Xitan. (Ġw. 8:44) Satana jgħabbi lin-​nies b’tagħbijiet taʼ gideb li ma jistgħux iġorru. Pereżempju, iridna nemmnu li Ġeħova mhux se jaħfrilna għad-​dnubiet li għamilna u li m’aħniex taʼ min iħobbna. X’tagħbija li tkompli tgħakkisna, u x’gidba qarrieqa din! Meta mmorru għand Kristu, dnubietna jinħafru. U l-​verità hi li Ġeħova jħobbna ħafna. (Rum. 8:32, 38, 39) Iġibilna ferħ kbir li ngħinu lin-​nies jistrieħu fuq Ġeħova u li narawhom itejbu ħajjithom!

KOMPLI SIB IS-​SERĦAN TAĦT IL-​MADMAD TAʼ ĠESÙ

16. It-​tagħbija li Ġesù jgħidilna nġorru kif inhi differenti minn tagħbijiet oħra li għandna?

16 It-​tagħbija li Ġesù jgħidilna nġorru hi differenti minn tagħbijiet oħra li għandna. Pereżempju, wara ġurnata xogħol, xi wħud mhux biss iħossuhom għajjenin ħafna imma wkoll mhux sodisfatti. Għall-​kuntrarju, wara li nqattgħu l-​ħin naqdu lil Ġeħova u Kristu, aħna nħossu sodisfazzjon kbir. Forsi nkunu għajjenin mejta wara ġurnata xogħol u jkollna nagħmlu sforz biex nattendu laqgħa tal-​kongregazzjoni dakinhar. Imma mhux l-​ewwel darba li mmorru lura d-​dar mimlijin serħan u enerġija. Nistgħu ngħidu l-​istess għal meta nagħmlu l-​isforz biex nippritkaw u nagħmlu l-​istudju personali tagħna tal-​Bibbja. Il-​premju li nirċievu hu ikbar mill-​isforz li nkunu għamilna.

17. X’għandna nirrealizzaw dwar is-​sitwazzjoni tagħna u dwar xiex għandna noqogħdu attenti?

17 Aħna għandna nirrealizzaw li kull wieħed minna għandu biss ċertu ammont taʼ enerġija. Allura rridu noqogħdu attenti x’nipprovaw nagħmlu. Pereżempju, forsi naħlu l-​enerġija f’li nipprovaw ikollna ħafna affarijiet materjali. Innota x’qal Ġesù lil żagħżugħ sinjur li staqsieh: “Xi rrid nagħmel biex niret il-​ħajja taʼ dejjem?” Iż-​żagħżugħ kien diġà qed josserva l-​Liġi. Bilfors li kien raġel tajjeb għax ir-​rakkont tal-​Evanġelju taʼ Marku speċifikament jgħid li Ġesù “ħass imħabba għalih.” Ġesù għamel stedina lil dan il-​mexxej żagħżugħ. “Mur, bigħ dak li għandek,” Ġesù qal, “u ejja kun segwaċi tiegħi.” Ir-​raġel kien bejn ħaltejn, imma jidher li ma setax jitlaq il-​“ħafna ġid” li kellu. (Mk. 10:17-22) B’hekk, hu m’aċċettax il-​madmad li offrielu Ġesù u kompla jitjassar għall-​“flus.” (Mt. 6:24) Kieku int x’kont tagħżel?

18. X’għandna nagħmlu kultant, u għala?

18 Minn żmien għal żmien, ikun tajjeb li nerġgħu neżaminaw x’qed inpoġġu l-​ewwel f’ħajjitna. Għala? Sabiex inkunu ċerti li qed nużaw l-​enerġija tagħna bil-​għaqal. Ara x’jgħid żagħżugħ jismu Mark: “Għal ħafna snin ħsibt li kont qed ngħix ħajja sempliċi. Kont pijunier, imma kont qed nuża ħafna ħin u enerġija nipprova jkolli iktar flus, biex inkun nistaʼ ngħix iktar komdu. Ma stajtx nifhem għala ħajti kienet saret diffiċli. Imbagħad irrealizzajt li fil-​biċċa l-​kbira kont qed infittex l-​interessi tiegħi l-​ewwel u nagħti lil Ġeħova l-​ħin u l-​enerġija li kien jibqaʼ.” Mark irranġa l-​mod kif kien jaħseb u jgħix, u għamel lilu nnifsu disponibbli biex ikun jistaʼ jagħmel iktar fis-​servizz taʼ Ġeħova. Hu jgħid: “Kultant inħossni ansjuż, imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova u l-​appoġġ taʼ Ġesù għelibt l-​isfidi tiegħi.”

19. Għala hu daqstant importanti li jkollna l-​ħarsa t-​tajba?

19 Aħna se nkomplu nsibu serħan taħt il-​madmad taʼ Ġesù jekk nagħmlu tliet affarijiet. L-​ewwel, żomm il-​ħarsa t-​tajba. Aħna qed nagħmlu x-​xogħol taʼ Ġeħova, allura għandu jsir kif irid hu. Aħna l-​ħaddiema, u Ġeħova hu s-​Sid. (Lq. 17:10) Jekk nipprovaw nagħmlu x-​xogħol tiegħu kif jidhrilna aħna, se nsibu ruħna niġġieldu kontra l-​madmad. Anke barri b’saħħtu x’aktarx iweġġaʼ u jgħejji lilu nnifsu jekk il-​ħin kollu jipprova jmur fejn irid hu u jiġġieled kontra l-​madmad li sidu jikkontrolla. Min-​naħa l-​oħra, nistgħu nagħmlu affarijiet straordinarji u negħlbu kwalunkwe ostaklu jekk insegwu l-​gwida taʼ Ġeħova. Ftakar li ħadd ma jistaʼ jwaqqaf ir-​rieda tiegħu milli sseħħ!—Rum. 8:31; 1 Ġw. 4:4.

20. X’għandu jkun il-​mottiv tagħna f’li nidħlu taħt il-​madmad taʼ Ġesù?

20 It-​tieni, agħmel ix-​xogħol bil-​mottiv it-​tajjeb. Il-​mira tagħna hi li nġibu glorja lil Missierna taʼ mħabba, Ġeħova. In-​nies fi żmien Ġesù li kienu mmotivati mir-​regħba jew l-​interess personali malajr tilfu l-​ferħ u abbandunaw il-​madmad taʼ Ġesù. (Ġw. 6:25-27, 51, 60, 66; Flp. 3:18, 19) Għall-​kuntrarju, dawk li kienu mmotivati minn imħabba mhix egoistika għal Alla u mill-​imħabba għall-​proxxmu, ġarrew bil-​ferħ dak il-​madmad matul ħajjithom fuq l-​art, bit-​tama li jaqdu maʼ Kristu fis-​sema. Bħalhom, aħna se nibqgħu ferħanin billi nġorru l-​madmad taʼ Ġesù bil-​mottiv it-​tajjeb.

21. Skont Mattew 6:31-33, x’nistgħu nistennew li jagħmel Ġeħova?

21 It-​tielet, stenna li Ġeħova se jkun hemm għalik. Aħna għażilna ħajja taʼ sagrifiċċju personali u xogħol iebes. Ġesù wissiena li kellna niġu persegwitati. Imma nistgħu nistennew li Ġeħova se jagħtina s-​saħħa biex nissaportu kwalunkwe sfida. Iktar ma nissaportu, iktar se tissaħħaħ il-​fidi tagħna. (Ġak. 1:2-​4) Nistgħu nistennew ukoll li Ġeħova se jipprovdilna dak li jkollna bżonn, li Ġesù se jieħu ħsiebna, u li ħutna se jinkuraġġuna. (Aqra Mattew 6:31-​33; Ġw. 10:14; 1 Tess. 5:11) Verament, x’għandna bżonn iktar?

22. Għal xiex nistgħu nkunu grati?

22 Il-​mara li Ġesù fejjaq sabet serħan fl-​istess ġurnata li tfejqet. Imma hi kien se jkollha serħan għal dejjem biss jekk saret dixxiplu leali taʼ Kristu. X’taħseb li għamlet? Jekk tassew għażlet li tidħol taħt il-​madmad taʼ Ġesù, immaġina l-​premju—hi tistaʼ saħansitra qed taqdi maʼ Ġesù fis-​sema! Kwalunkwe sagrifiċċju li kienet għamlet biex issegwi lil Ġesù ma jistax jitqabbel maʼ din il-​barka. Hi x’inhi t-​tama li għandna, ħajja taʼ dejjem fis-​sema jew fuq l-​art, nistgħu nkunu grati ferm li aċċettajna l-​istedina taʼ Ġesù: “Ejjew għandi!”

GĦANJA 13 Kristu, l-​eżempju tagħna

^ par. 5 Ġesù jistidinna mmorru għandu. X’hemm involut f’li naċċettaw l-​istedina tiegħu? Dan l-​artiklu jwieġeb din il-​mistoqsija, u se jfakkarna kif nistgħu nsibu serħan billi naħdmu flimkien maʼ Kristu.

^ par. 6 ESPRESSJONI SPJEGATA: Il-​kelma madmad tirreferi għal injama li tinġarr fuq l-​ispallejn taʼ persuna u mat-​truf tagħha jkollha tagħbijiet imdendlin. Tistaʼ tirreferi wkoll għal injama li titpoġġa fuq l-​għonq taʼ żewġ annimali biex jiġbdu moħriet.

^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù kien taʼ serħan għal oħrajn b’ħafna modi.

^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Bħal Ġesù, ħu jkun taʼ serħan għal oħrajn b’diversi modi.