Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 39

Inkuraġġixxi lill-Aħwa Nisa fil-Kongregazzjoni Tiegħek

Inkuraġġixxi lill-Aħwa Nisa fil-Kongregazzjoni Tiegħek

“In-​nisa li qed ixandru l-​aħbar tajba huma armata kbira.”—SALM 68:11.

GĦANJA 137 Aħwa Kristjani, nisa leali

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

Aħwa nisa żelużi jieħdu sehem waqt il-laqgħat, jippritkaw, jieħdu ħsieb is-Sala tas-Saltna, u juru interess personali lejn l-aħwa (Ara paragrafu 1)

1. X’għajnuna jagħtu l-​aħwa nisa fl-​organizzazzjoni, u liema sfidi jiffaċċjaw? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

AĦNA napprezzaw lill-​aħwa nisa li jaħdmu iebes fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova! Pereżempju, huma jieħdu sehem fil-​laqgħat u jippritkaw u jgħallmu l-​aħbar tajba. Uħud minnhom jgħinu biex jieħdu ħsieb il-​manutenzjoni tas-​Swali tas-​Saltna u oħrajn juru interess personali lejn l-​aħwa. Bla dubju, huma jiffaċċjaw ukoll l-​isfidi. Uħud minnhom jieħdu ħsieb lill-​ġenituri kbar fl-​età. Hemm uħud li jissaportu oppożizzjoni minn tal-​familja. U oħrajn għandhom ħafna xogħol x’jagħmlu biex jipprovdu għat-​tfal, għax huma single parents.

2. Għala għandna ninkuraġġixxu lill-​aħwa nisa?

2 Għala għandna ninkuraġġixxu lill-​aħwa nisa? Għax ħafna drabi d-​dinja ma tagħtihomx ir-​rispett li jixirqilhom. Raġuni oħra hi li l-​Bibbja tħeġġiġna nagħmlu dan. Pereżempju, l-​appostlu Pawlu qal lill-​kongregazzjoni f’Ruma biex tilqaʼ lil Febe u ‘biex jgħinuha f’kulma jistaʼ jkollha bżonn.’ (Rum. 16:1, 2) Meta Pawlu kien Fariżew, hu kien jagħmel parti minn grupp taʼ nies li kienu jemmnu li n-​nisa huma inferjuri. Imma meta sar Kristjan, hu tratta lin-​nisa b’rispett u qalb tajba bħalma kien jagħmel Ġesù.—1 Kor. 11:1.

3. Ġesù kif tratta lin-​nisa, u kif qieshom lil dawk li għamlu r-​rieda taʼ Missieru?

3 Ġesù tratta lin-​nisa kollha b’rispett. (Ġw. 4:27) Hu ma kienx iqis lin-​nisa bħalma kienu jqisuhom il-​mexxejja reliġjużi Lhud taʼ żmienu. Fil-​fatt, referenza tal-​Bibbja tgħid li “Ġesù qatt ma qal xi ħaġa li biha wera nuqqas taʼ rispett lejn in-​nisa.” Anzi, hu kien japprezza ħafna lin-​nisa li kienu jagħmlu r-​rieda taʼ Missieru. Tant hu hekk li sejħilhom ħutu u qieshom parti mill-​familja spiritwali tiegħu.—Mt. 12:50.

4. X’se naraw f’dan l-​artiklu?

4 Ġesù dejjem kien lest li jgħin lil ħutu spiritwali nisa. Hu wriehom li kienu importanti għalih u ddefendiehom. Ejja naraw kif nistgħu nimitaw lil Ġesù.

AĦSEB FL-​AĦWA NISA

5. Xi aħwa nisa għala jsibuha diffiċli biex iqattgħu l-​ħin mal-​aħwa?

5 Ilkoll kemm aħna għandna bżonn inqattgħu l-​ħin mal-​aħwa. Imma kultant, l-​aħwa nisa jistgħu jsibuha diffiċli biex jagħmlu dan. Għala? Innota l-​kummenti li ġejjin. Oħt li jisimha Jordan * tgħid, “Minħabba li jien single, spiss ma nħossnix komda u ma nħossnix parti mill-​kongregazzjoni.” Kristen, pijuniera li marret tgħix xi mkien ieħor biex tipprietka, tgħid, “Meta tkun ġdida fil-​kongregazzjoni tistaʼ tħossok waħdek.” Anki xi aħwa rġiel jistgħu jħossuhom l-​istess. Min jgħix maʼ familja li mhumiex Xhieda jaf isibha diffiċli biex iħossu komdu magħhom, u fl-​istess ħin, ma jħossuhomx close mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Xi aħwa nisa jaf iħossuhom waħedhom għax huma morda u ma jistgħux joħorġu mid-​dar, jew għax jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-​familja li hu marid. Annette tgħid, “Jien ma stajtx immur get-​togethers għax kont nieħu ħsieb lil ommi.”

Bħal Ġesù, aħna nistgħu nuru li jimpurtana u nħobbu lill-​aħwa nisa (Ara paragrafi 6-9) *

6. X’nistgħu nitgħallmu minn Luqa 10:38-​42 dwar kif Ġesù għen lil Marta u Marija?

6 Ġesù kien iqattaʼ l-​ħin maʼ ħutu spiritwali nisa, u kien ħabib sew magħhom. Ikkunsidra l-​ħbiberija li kellu maʼ Marta u Marija, li milli jidher it-​tnejn kienu single. (Aqra Luqa 10:38-​42.) B’dak li qal u għamel, Ġesù żgur li għenhom biex iħossuhom komdi miegħu. Pereżempju, Marija ħassitha komda tpoġġi fejn saqajh. * U meta Marta ma ħaditx pjaċir għax oħtha ma bdietx tgħinha, hi ħassitha komda tgħidlu b’dan lil Ġesù. F’dik l-​ikla, Ġesù għenhom jifhmu lezzjoni importanti. U hu wera li jimpurtah minnhom u minn ħuhom Lazzru, għax kien żarhom drabi oħra. (Ġw. 12:1-​3) U għalhekk li ħassewhom komdi jmorru għand Ġesù għall-​għajnuna meta Lazzru marad serjament.—Ġw. 11:3, 5.

7. B’liema mod nistgħu ninkuraġġixxu lil ħutna nisa?

7 Għal xi aħwa nisa, il-​laqgħat huma l-​unika opportunità biex ikunu mal-​aħwa. Għalhekk, irridu nkunu ċerti li nilqgħuhom, nitkellmu magħhom, u nuruhom kemm jimpurtana minnhom. Jordan, li ssemmiet qabel tgħid, “Inħossni inkuraġġita meta oħrajn jgħiduli proset għall-​kummenti li nagħmel waqt il-​laqgħat, jagħmlu arranġamenti biex joħorġu service miegħi, jew juru li jieħdu ħsiebi.” Aħna rridu nuru lil ħutna nisa li huma importanti għalina. Kia tgħid, “Jekk nitlef xi laqgħa, naf li xi ħadd se jibgħatli messaġġ biex jara iniex owkej. Dan jurini li ħuti jimpurtahom minni.”

8. Liema huma xi modi kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?

8 Bħal Ġesù, nistgħu nagħmlu sforz biex inqattgħu l-​ħin maʼ ħutna nisa? Forsi nistgħu nistidnuhom id-​dar biex jieklu xi ħaġa żgħira magħna jew inqattgħu ftit ħin magħhom. Meta nagħmlu dan, irridu nkunu ċerti li dak li ngħidu jkun inkuraġġanti. (Rum. 1:11, 12) Ukoll, l-​anzjani għandu jkollhom l-​attitudni li kellu Ġesù. Hu kien jaf li għal xi wħud kien se jkun diffiċli li jibqgħu single, imma Ġesù għamilha ċara li l-​ferħ ma jiddependix milli tkun miżżewweġ jew li jkollok it-​tfal. (Lq. 11:27, 28) Minflok, se nkunu ferħanin jekk l-​iktar ħaġa importanti għalina tkun li naqdu lil Ġeħova.—Mt. 19:12.

9. X’jistgħu jagħmlu l-​anzjani biex jgħinu lill-​aħwa nisa?

9 L-​anzjani għandhom jittrattaw lill-​aħwa nisa bħal ħuthom u ommijiethom spiritwali. (1 Tim. 5:1, 2) Jagħmlu tajjeb li jużaw il-​ħin taʼ qabel u wara l-​laqgħat biex jitkellmu mal-​aħwa nisa. Kristen, li semmejna qabel tgħid, “Anzjan induna li kont imħabbta ħafna u ried jifhem kif inqassam l-​iskeda tiegħi. Vera apprezzajt li wera interess fija.” Meta l-​anzjani jieħdu l-​ħin biex jitkellmu mal-​aħwa nisa, juru li jimpurtahom minnhom. * Annette, li ssemmiet qabel tispjega raġuni waħda għala dan hu importanti. Hi tgħid, “Dan jgħinni biex meta nkun għaddejja mill-​problemi nħossni komda nitkellem magħhom.”

NAPPREZZAW L-​AĦWA NISA

10. X’jistaʼ jgħin lil ħutna nisa biex iħossuhom inkuraġġiti?

10 Ilkoll kemm aħna nieħdu pjaċir meta oħrajn jinnotaw l-​abbiltajiet tagħna u jgħidulna li japprezzaw ix-​xogħol li nagħmlu. Mill-​banda l-​oħra, jekk ma jagħmlux dan nistgħu nħossuna skuraġġiti. Abigail, pijuniera single, tgħid li kultant tħossha minsija: “L-​aħwa jafu lil ħuti u lill-​ġenituri tiegħi, imma ma jafux lili personalment. Xi kultant inħossni qisni ma neżistix.” Innota kumment ieħor taʼ oħt jisimha Pam, li hi single. Għal ħafna snin, hi qdiet bħala missjunarja. Maż-​żmien, reġgħet marret lura pajjiżha biex tieħu ħsieb lill-​ġenituri tagħha. Issa, minkejja li għandha fuq 70 sena, hi għadha taqdi bħala pijuniera. Pam tgħid: “L-​iktar ħaġa li tgħinni hi meta oħrajn jgħiduli li japprezzawni.”

11. Ġesù kif wera li apprezza n-​nisa li kienu għenuh matul il-​ministeru tiegħu?

11 Ġesù apprezza ħafna l-​għajnuna li rċieva mingħand nisa leali. (Lq. 8:1-​3) Hu mhux biss ħalliehom jgħinuh imma anki għallimhom veritajiet importanti dwar ir-​rieda t’Alla. Pereżempju, hu qalilhom li kien se jmut u jiġi rxoxtat. (Lq. 24:5-​8) Hu ppreparahom, bħalma għamel lill-​appostli, għal provi li kienu se jiffaċċjaw. (Mk. 9:30-​32; 10:32-​34) U taʼ interess, meta Ġesù kien arrestat, l-​appostli ħarbu imma wħud min-​nisa li kienu għenuh, baqgħu ħdejh meta kien qed imut.—Mt. 26:56; Mk. 15:40, 41.

12. Ġesù lin-​nisa liema xogħol tahom?

12 Ġesù ta lin-​nisa xogħol importanti. L-​ewwel nies li rawh meta ġie rxoxtat kienu nisa. Hu qalilhom biex jgħidu lill-​appostli li ġie mqajjem mill-​mewt. (Mt. 28:5, 9, 10) U f’Pentekoste tas-​sena 33, jistaʼ jkun li kien hemm xi nisa meta l-​ispirtu qaddis niżel fuq id-​dixxipli. Jekk ġara hekk, anki huma rċivew l-​abbiltà li jitkellmu b’lingwi oħra u qalu lil oħrajn “dwar l-​affarijiet grandjużi t’Alla.”—Atti 1:14; 2:2-​4, 11.

13. L-​aħwa nisa liema xogħol jagħmlu llum, u kif nistgħu nuru l-​apprezzament tagħna?

13 Aħna napprezzaw lil ħutna nisa li jagħmlu ħafna xogħol fis-​servizz taʼ Ġeħova. Dan jinkludi x-​xogħol tal-​bini u l-​manutenzjoni, jgħinu fi gruppi b’lingwi barranin, u jagħmlu xogħol volontarju ġewwa Betel. Jgħinu wkoll meta jkun hemm xi diżastru, jgħinu fit-​traduzzjoni, u jaqdu bħala pijunieri jew missjunarji. U bħal aħwa rġiel, dawn jattendu l-​iskola tal-​pijunieri, l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna, u l-​Iskola taʼ Gilegħad. Barra minn hekk, nisa miżżewġin jgħinu lir-​raġel tagħhom iwettaq ir-​responsabbiltajiet tiegħu fl-​organizzazzjoni. Dawn l-​aħwa rġiel huma “għotjiet” u jagħmlu ħafna affarijiet biex jgħinu lill-​oħrajn. Imma kieku n-​nisa tagħhom ma jissapportjawhomx, dan ikun diffiċli biex jagħmluh. (Efes. 4:8) Tistaʼ taħseb f’modi kif tistaʼ tgħin lil dawn l-​aħwa nisa?

14. Skont dak li hemm miktub f’​Salm 68:11, anzjani għaqlin x’għandhom jiftakru?

14 Anzjani għaqlin jifhmu li l-​aħwa nisa huma “armata kbira” li kapaċi ħafna jippritkaw l-​aħbar tajba u spiss ikunu fost dawk minn taʼ quddiem. (Aqra Salm 68:11.) Għalhekk, l-​anzjani jipprovaw jitgħallmu minnhom. Abigail, li ssemmiet qabel, tapprezza meta l-​anzjani jsaqsuha x’sabet effettiv biex tibda konversazzjoni man-​nies fil-​ministeru. Hi tgħid, “Dan jgħinni nara li għandi rwol fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova.” Barra minn hekk, l-​anzjani jafu li aħwa nisa kbar fl-​età huma effettivi biex jgħinu lil nisa iżgħar. (Titu 2:3-​5) Bla dubju, dawn l-​aħwa jixirqilhom l-​imħabba u l-​apprezzament tagħna!

IDDEFENDI U GĦIN LILL-​AĦWA NISA

15. L-​aħwa nisa meta jaf ikollhom bżonn lil xi ħadd biex jgħinhom?

15 Xi kultant, l-​aħwa nisa jiffaċċjaw xi sfida u għalhekk ikollhom bżonn min jgħinhom. (Is. 1:17) Pereżempju, oħt armla jew iddivorzjata jaf ikollha bżonn lil xi ħadd biex jitkellem għaliha u jgħinha f’affarijiet li qabel kien jieħu ħsiebhom ir-​raġel tagħha. Oħt kbira fl-​età jistaʼ jkollha bżonn l-​għajnuna biex titkellem mat-​tobba. Jew oħt pijuniera li tagħmel xogħol ieħor fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, jaf ikollha bżonn min jiddefendiha jekk oħrajn jikkritikawha minħabba li mhix toħroġ spiss fil-​ministeru. B’liema modi oħra nistgħu ngħinu lill-​aħwa nisa? Ejja nerġgħu nikkunsidraw l-​eżempju taʼ Ġesù.

16. Skont Marku 14:3-​9, Ġesù kif iddefendieha lil Marija?

16 Ġesù kien minn taʼ quddiem biex jiddefendi lil ħutu spiritwali nisa meta oħrajn ikkritikawhom. Pereżempju, hu ddefenda lil Marija meta Marta kkritikatha. (Lq. 10:38-​42) U Ġesù reġaʼ ddefenda lil Marija meta oħrajn ikkritikawha minħabba d-​deċiżjoni tagħha. (Aqra Marku 14:3-​9.) Ġesù fehem il-​mottiv taʼ Marija u faħħarha billi qal: “Hi għamlet ħaġa tajba miegħi. . . . Għamlet dak li setgħet.” Hu saħansitra bassar li dak li għamlet kien se jixxandar “fid-​dinja kollha,” u dan l-​artiklu hekk qed jagħmel. Kemm hu interessanti li Ġesù qal li l-​qalb tajba li wriet Marija kienet se tiġi mxandra mad-​dinja kollha! Min jaf kemm inkuraġġieha l-​kliem taʼ Ġesù!

17. Agħti eżempju taʼ meta nistgħu niddefendu lil ħutna nisa.

17 Meta jkollhom bżonn, tiddefendihom int lill-​aħwa nisa? Ikkunsidra l-​eżempju li ġej. Xi pubblikaturi jinnotaw li oħt, li għandha r-​raġel mhux Xhud, spiss tasal tard għal-​laqgħat u titlaq mill-​ewwel. U hi mhux dejjem iġġib it-​tfal magħha. Allura huma jikkritikawha għax jaħsbu li hi għandha tiqaflu lir-​raġel, u tieħu t-​tfal il-​laqgħat magħha. Però, huma jinsew li l-​oħt qed tagħmel dak kollu li tistaʼ. Hi m’għandhiex kontroll fuq l-​iskeda tagħha, u ma tistax tieħu d-​deċiżjonijiet waħedha dwar it-​tfal. X’tistaʼ tagħmel jekk tismaʼ lil xi ħadd jikkritika lill-​oħt b’dan il-​mod? Jekk tfaħħar lil oħt għax-​xogħol li qed tagħmel u titkellem pożittiv dwarha, int tistaʼ twaqqafhom milli jikkritikawha.

18. B’liema modi oħra nistgħu ngħinu lil ħutna nisa?

18 Aħna nistgħu nuru li jimpurtana minn ħutna nisa billi ngħinuhom b’modi prattiċi. (1 Ġw. 3:18) Annette, oħt li għandha ommha marida, tgħid: “Xi aħwa jiġu jieħdu ħsieb lil ommi waqt li jien nagħmel xi ħaġa oħra, u ġieli anki jagħmlulna xi platt ikel tajjeb. B’hekk, inħossni maħbuba u parti mill-​kongregazzjoni.” Anki Jordan ingħatat l-​għajnuna. Ħu offra biex jgħinha titgħallem tieħu ħsieb xi affarijiet li jkollha bżonn il-​karozza tagħha. Hi tgħid: “Nieħu pjaċir meta l-​aħwa jieħdu ħsiebi u juru li jimpurtahom minni.”

19. L-​anzjani b’liema modi oħra jistgħu jgħinu?

19 Anki l-​anzjani għandhom bżonn jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ dawn l-​aħwa nisa. Huma jafu li Ġeħova jrid li jiġu ttrattati b’mod tajjeb. (Ġak. 1:27) Għalhekk, l-​anzjani jimitaw lil Ġesù u jkunu raġunevoli billi meta jistgħu, minflok jagħmlu regoli juru qalb tajba magħhom. (Mt. 15:22-​28) Meta l-​anzjani jieħdu l-​inizjattiva biex jgħinu lil ħuthom nisa, dawn jaraw li Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu tħobbhom. Meta l-​overseer tal-​grupp taʼ Kia sar jaf li se tmur tgħix f’dar oħra, hu mill-​ewwel organizza biex l-​aħwa jgħinuha. Hi tgħid: “Dan għenni biex inaqqasli l-​istress. Grazzi għall-​għajnuna u l-​inkuraġġiment li tawni, l-​anzjani għenuni nara li jien importanti fil-​kongregazzjoni u meta niffaċċja sitwazzjoni diffiċli mhux ħa nkun waħdi.”

L-​AĦWA NISA FIL-​KONGREGAZZJONI GĦANDHOM BŻONN L-​INKURAĠĠIMENT

20-21. Kif nistgħu nuru li nħobbu lill-​aħwa nisa Kristjani?

20 Fil-​kongregazzjonijiet kollha għandna ħafna eżempji taʼ aħwa nisa li jaħdmu iebes u li jistħoqqilhom l-​inkuraġġiment tagħna. Bħalma tgħallimna mill-​eżempju taʼ Ġesù, aħna nistgħu ngħinuhom billi nqattgħu l-​ħin magħhom u nsiru nafuhom aħjar, nuru li napprezzaw ix-​xogħol li jagħmlu fis-​servizz taʼ Ġeħova, u niddefenduhom meta jkun hemm bżonn.

21 Fl-​aħħar tal-​ittra tiegħu lir-​Rumani, l-​appostlu Pawlu semma disaʼ nisa Kristjani b’isimhom. (Rum. 16:1, 3, 6, 12, 13, 15) Min jaf kemm ħassewhom inkuraġġiti meta semmiehom u faħħarhom! Anki aħna għandna ninkuraġġixxu lil ħutna nisa fil-​kongregazzjoni tagħna. Meta nagħmlu dan nuru li nħobbuhom u li nqisuhom parti mill-​kongregazzjoni tagħna.

GĦANJA 136 “Ħlas perfett mingħand Ġeħova”

^ par. 5 L-​aħwa nisa jiffaċċjaw ħafna sfidi. F’dan l-​artiklu se naraw kif nistgħu ninkuraġġixxu lil dawn l-​aħwa billi nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. Se nitgħallmu kif Ġesù wera li n-​nisa kienu importanti għalih, kif iddefendiehom, u anki qattaʼ l-​ħin magħhom.

^ par. 5 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 6 Referenza waħda tgħid: “Dixxiplu kien ipoġġi fejn saqajn l-​għalliem tiegħu meta kien ikun qed jipprepara biex isir għalliem. Però, in-​nisa ma setgħux ikunu għalliema. Kieku l-​irġiel Lhud kellhom jaraw lil Marija bilqiegħda fejn saqajn Ġesù, lesta biex titgħallem minnu, kienu jiħduha bi kbira.”

^ par. 9 Anzjan joqgħod attent meta jiġi biex jgħin lil oħt. Pereżempju, m’għandux imur iżur lil oħt waħdu.

^ par. 65 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Aħwa jimitaw lil Ġesù billi juru interess fl-​aħwa nisa leali, ħu qed jgħin lil żewġ aħwa nisa billi qed jibdel it-​tyre tal-​karozza tagħhom, ħu ieħor iżur oħt kbira fl-​età, u ħu ieħor u l-​mara tiegħu qegħdin għand oħt u t-​tifla tagħha biex jagħmlu l-​qima tal-​familja flimkien.