Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 40

Ipproteġi Dak li Ngħatajt

Ipproteġi Dak li Ngħatajt

“Timotju, għasses dak li ġejt fdat bih.”—1 TIM. 6:20.

GĦANJA 29 Ngħixu kif jixraq lil isimna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Skont l-​1 Timotju 6:20, Timotju x’kellu jagħmel?

SPISS l-​affarijiet taʼ valur nagħtuhom lil xi ħadd li nafdaw biex jieħu ħsiebhom. Pereżempju, aħna jaf nitfgħu l-​flus tagħna l-​bank. Meta nagħmlu hekk, aħna nippretendu li l-​flus tagħna jkunu protetti u mhux jintilfu jew jinsterqu. Mela aħna nifhmu xi jfisser li tafda lil xi ħadd ieħor b’xi ħaġa taʼ valur għalik.

2 Aqra l-​1 Timotju 6:20. L-​appostlu Pawlu fakkar lil Timotju li hu kien ingħata xi ħaġa prezzjuża —għarfien eżatt dwar l-​iskop t’Alla għan-​nies. Ġeħova kien tah ukoll il-​privileġġ li ‘jipprietka l-​kelma’ u li ‘jagħmel ix-​xogħol taʼ evanġelizzatur.’ (2 Tim. 4:2, 5) Pawlu ħeġġeġ lil Timotju biex jipproteġi dak li ngħata. Bħal Timotju, aħna wkoll ingħatajna affarijiet prezzjużi. X’inhuma? U għala għandna nipproteġu r-​rigal prezzjuż li tana Ġeħova?

INT ĠEJT FDAT B’VERITAJIET PREZZJUŻI

3-4. Għala l-​veritajiet tal-​Bibbja huma prezzjużi?

3 B’qalb tajba Ġeħova tana għarfien eżatt dwar veritajiet prezzjużi li nsibu fil-​Kelma tiegħu. Dawn huma prezzjużi għax jgħallmuna kif ikollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova u jgħinuna nifhmu xi jġibilna l-​ferħ veru f’ħajjitna. Meta naċċettaw dawn il-​veritajiet, ninħelsu mill-​gideb u minn affarijiet mhux nodfa.—1 Kor. 6:9-​11.

4 Raġuni oħra għala l-​veritajiet li nsibu fil-​Bibbja huma prezzjużi hi għax Ġeħova jurihom lil dawk biss li huma umli u li għandhom “attitudni xierqa.” (Atti 13:48) Dawk li huma umli jaċċettaw li bħalissa l-​ilsir leali u għaqli qed jgħallimna dawn il-​veritajiet. (Mt. 11:25; 24:45) Aħna ma nistgħux nifhmu l-​Bibbja waħedna, u m’hemm xejn iktar prezzjuż milli nifhmuha.—Prov. 3:13, 15.

5. Ġeħova liema privileġġ tana wkoll?

5 Ġeħova tana wkoll il-​privileġġ li ngħallmu lill-​oħrajn il-​verità dwaru u dwar l-​iskop tiegħu. (Mt. 24:14) Il-​messaġġ li nippritkaw huwa prezzjuż ħafna għax jgħin lin-​nies isiru parti mill-​familja taʼ Ġeħova u jagħtihom iċ-​ċans li jgħixu għal dejjem. (1 Tim. 4:16) Kemm jekk nistgħu nippritkaw ħafna u kemm jekk ftit, aħna qed ngħinu fl-​iktar xogħol importanti li qed isir bħalissa. (1 Tim. 2:3, 4) X’unur għalina li “aħna ħaddiema sħab m’Alla!”—1 Kor. 3:9.

ĦU ĦSIEB DAK LI NGĦATAJT

Timotju baqaʼ jaqdi lil Ġeħova meta oħrajn iddeċidew li jitilqu l-verità (Ara paragrafu 6)

6. Xi ġralhom xi Kristjani li ma baqgħux attenti?

6 Fi żmien Timotju, xi Kristjani m’apprezzawx il-​privileġġ li jkunu ħaddiema sħab m’Alla. Minħabba li Dema ħabb lid-​dinja, hu telaq il-​privileġġ li jaqdi maʼ Pawlu. (2 Tim. 4:10) Milli jidher, Figelu u Ermoġene waqfu jippritkaw minħabba li beżgħu li setgħu jiġu ppersegwitati bħalma ġralu Pawlu. (2 Tim. 1:15) U Alessandru, Imeni, u Filetu saru apostati u telqu l-​verità. (1 Tim. 1:19, 20; 2 Tim. 2:16-​18) Dawn in-​nies kienu jħobbuh lil Ġeħova, imma mbagħad l-​affarijiet li tahom ma baqgħux iqisuhom prezzjużi.

7. Satana liema tattiki juża?

7 Satana kif jipprova jġegħelna ma napprezzawx ir-​rigal li tana Ġeħova? X’tattiki juża? Hu juża t-​televixin, l-​Internet, il-​kotba, u l-​magazines biex iġegħelna naħsbu u naġixxu b’mod li mingħajr ma nindunaw, nieqfu nħobbu lil Ġeħova u nobdu l-​liġijiet tiegħu. Biex iwaqqafna milli nippritkaw, hu jipprova jbeżżagħna b’dak li jaħsbu n-​nies dwarna u bil-​persekuzzjoni. U hu jipprova jħajjarna biex nisimgħu tagħlim falz tal-​apostati biex b’hekk nitilqu l-​verità.—1 Tim. 6:20, 21.

8. X’titgħallem mill-​esperjenza taʼ Daniel?

8 Jekk ma noqogħdux attenti, bil-​mod il-​mod nistgħu nitilqu l-​verità. Innota l-​esperjenza taʼ Daniel * li kien iħobb il-​video games. Hu jgħid: “Jien bdejt nilgħab il-​video games meta kelli madwar 10 snin. Għall-​ewwel, ma kontx nilgħab logħob ħażin. Imma maż-​żmien, bdejt nilgħab logħob vjolenti u sataniku.” Hu kien iqattaʼ madwar 15-​il siegħa kuljum jilgħab il-​video games. Daniel ikompli jgħid: “Kont inħoss li t-​tip taʼ logħob li kont qed nilgħab u l-​ħin li kont inqattaʼ fuqu kienu qed ibegħduni minn Ġeħova. Però, daħħalt f’moħħi li l-​prinċipji tal-​Bibbja ma japplikawx għalija.” Jekk ma noqogħdux attenti kif nużaw il-​ħin tagħna, malajr nistgħu nitbiegħdu minn Ġeħova u nitilfu r-​rigal prezzjuż li tana.

KIF TISTAʼ TIPPROTEĠI L-​VERITÀ

9. Skont l-​1 Timotju 1:18, 19, Pawlu maʼ xiex qabbel lil Timotju?

9 Aqra l-​1 Timotju 1:18, 19. Pawlu qabbel lil Timotju maʼ suldat u ħeġġu biex ‘ikompli jitqabad fil-​gwerra t-​tajba.’ Pawlu ma kienx qed jitkellem dwar suldat li jiġġieled fi gwerra letterali. Il-​Kristjani kif qishom suldati li qed jiġġieldu fi gwerra? Bħala suldati taʼ Kristu, liema kwalitajiet irridu niżviluppaw? Ejja nikkunsidraw ħames lezzjonijiet li nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju li ġab Pawlu. Dawn jistgħu jgħinuna nipproteġu l-​verità.

10. Għala rridu nsaħħu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova?

10 Saħħaħ l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova. Suldat tajjeb ikun leali. Hu jiġġieled biex jipproteġi lil xi ħadd li jħobb jew xi ħaġa prezzjuża għalih. Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex ikollu “devozzjoni lejn Alla,” jiġifieri, ikun leali lejh. (1 Tim. 4:7) Iktar ma nħobbu lil Alla, iktar se nkunu rridu nipproteġu l-​verità.—1 Tim. 4:8-​10; 6:6.

Wara ġurnata għaddejjin, forsi jkollna bżonn nagħmlu sforz biex immorru l-laqgħa. Imma meta nagħmlu dan se nkunu ferħanin! (Ara paragrafu 11)

11. Għala rridu niddixxiplinaw lilna nfusna?

11 Iddixxiplina lilek innifsek biex tagħmel il-​ħaġa t-​tajba. Biex dejjem ikun lest għal battalja, suldat għandu jittrennja iebes. Timotju rnexxielu jibqaʼ b’saħħtu spiritwalment għax applika l-​parir li tah Pawlu. Dan il-​parir kien biex jaħdem iebes ħalli ma jċedix għal xewqat ħżiena, jiżviluppa kwalitajiet tajbin, u jqattaʼ ħin maʼ Kristjani oħra. (2 Tim. 2:22) Dan kien jinvolvi li jiddixxiplina lilu nnifsu. Anki aħna rridu niġġieldu biex ma nċedux għal xewqat ħżiena u nagħmlu l-​ħaġa t-​tajba. (Rum. 7:21-​25) Ukoll, għandna niddixxiplinaw lilna nfusna biex inkomplu nneħħu l-​personalità l-​qadima u naħdmu biex niżviluppaw kwalitajiet tajbin. (Efes. 4:22, 24) U wara ġurnata għaddejjin, ikollna bżonn nagħmlu sforz biex immorru l-​laqgħa.—Ebr. 10:24, 25.

12. Kif nistgħu ntejbu l-​mod kif nużaw il-​Bibbja?

12 Jekk suldat irid ikun jaf kif juża sew l-​armi tiegħu, hu jrid jipprattika b’mod regolari. Bl-​istess mod, anki aħna rridu nkunu nafu nużaw sew il-​Kelma t’Alla. (2 Tim. 2:15) Nistgħu nitgħallmu xi modi kif nagħmlu dan fil-​laqgħat. Imma jekk nixtiequ nikkonvinċu lil oħrajn li l-​veritajiet tal-​Bibbja jistgħu jgħinuhom, irridu nagħmlu studju personali b’mod regolari. Irridu nużaw il-​Bibbja biex insaħħu l-​fidi tagħna. Dan ma jfissirx li sempliċiment naqrawha. Imma rridu nimmeditaw fuq dak li naqraw u nagħmlu riċerka fil-​pubblikazzjonijiet, ħalli nkunu nistgħu nifhmu sew u napplikaw it-​tagħlim. (1 Tim. 4:13-​15) Jekk nagħmlu dan, se nkunu kapaċi ngħallmu lil oħrajn. Meta ngħallmu lil oħrajn m’għandniex biss naqrawlhom versi mill-​Bibbja. Imma għandna ngħinuhom jifhmu l-​vers u ngħinuhom jaraw kif jistgħu japplikawh f’ħajjithom. Għalhekk, meta nagħmlu studju personali tal-​Bibbja regolarment, se nsiru għalliema aħjar.—2 Tim. 3:16, 17.

13. Skont Ebrej 5:14, għala għandna noqogħdu attenti?

13 Oqgħod attent. Suldat għandu jkun kapaċi jara l-​periklu u jevitah. Anki aħna rridu nitgħallmu nindunaw b’sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu taʼ ħsara għalina u nevitawhom. (Prov. 22:3; aqra Ebrej 5:14.) Pereżempju, aħna rridu noqogħdu attenti meta niġu biex nagħżlu kif inqattgħu l-​ħin tagħna u x’divertiment nagħżlu. It-​televixin u l-​films spiss juru mġiba sesswali ħażina. Aħna għandna nevitaw dan id-​divertiment għax bil-​mod il-​mod jistaʼ jdgħajjef l-​imħabba tagħna għal Ġeħova. Aħna nafu li Ġeħova jobgħod imġiba sesswali ħażina u li n-​nies li jagħmlu dawn l-​affarijiet iweġġgħu lilhom infushom u lil oħrajn.—Efes. 5:5, 6.

14. X’għen lil Daniel biex ma jibqax jilgħab logħob ħażin?

14 Daniel, li ssemma qabel, induna li l-​video games li kien qed jilgħab kienu problema. Hu għamel riċerka fil-​Watchtower Library biex isib l-​għajnuna għall-​problema tiegħu. Din ir-​riċerka kif effettwatu? Hu ma baqax jilgħab logħob ħażin, ħassar il-​logħob li kellu online, u ma baqax jilgħab maʼ dawk li kien jilgħab magħhom. Daniel jgħid: “Minflok nilgħab il-​video games ġewwa, bdejt noħroġ jew, inqattaʼ l-​ħin mal-​aħwa tal-​kongregazzjoni.” Daniel issa jaqdi bħala pijunier u anzjan.

15. L-​istejjer foloz għala huma perikolużi?

15 Bħal Timotju, anki aħna rridu noqogħdu attenti għall-​informazzjoni falza li jxerrdu l-​apostati. (1 Tim. 4:1, 7; 2 Tim. 2:16) Pereżempju, huma jaf ixerrdu stejjer foloz dwar l-​aħwa jew iqajmu d-​dubji dwar jekk nistgħux nafdaw l-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Dawn l-​istejjer foloz jistgħu jdgħajfulna l-​fidi. Aħna ma rridux nemmnu dan il-​gideb. Għala? Għax dawn l-​istejjer ġejjin minn “bnedmin li għandhom moħħhom korrott u li huma neqsin għalkollox mill-​verità.” L-​iskop tagħhom hu li jaqilgħu “kwistjonijiet u dibattiti.” (1 Tim. 6:4, 5) Huma jriduna nemmnu l-​gideb tagħhom u nieqfu nafdaw lil ħutna.

16. Liema affarijiet jistgħu jaljenawna?

16 Tħalli xejn jaljenak. Bħala “suldat tajjeb taʼ Kristu Ġesù,” Timotju kellu jibqaʼ ffokat fuq il-​ministeru tiegħu u ma jħallix l-​affarijiet materjali u miri oħra f’ħajtu jaljenawh. (2 Tim. 2:3, 4) Bħalu, aħna m’għandniex inħallu lilna nfusna niġu aljenati minn xewqa għal iktar affarijiet materjali. “Il-​qawwa qarrieqa tar-​rikkezzi” tistaʼ ġġegħelna nitilfu l-​imħabba tagħna għal Ġeħova, l-​apprezzament għal Kelma tiegħu, u x-​xewqa li nippritkaw lil oħrajn. (Mt. 13:22) Minflok, għandna ngħixu ħajja sempliċi u nużaw il-​ħin u l-​enerġija tagħna biex ‘nibqgħu nfittxu l-​ewwel is-​Saltna.’—Mt. 6:22-​25, 33.

17-18. X’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova?

17 Kun preparat biex taġixxi malajr. Suldat għandu jipprepara minn qabel x’se jagħmel biex jipproteġi lilu nnifsu. Jekk aħna rridu nipproteġu r-​rigal li tana Ġeħova, għandna naġixxu malajr meta naraw il-​periklu. X’jistaʼ jgħinna nagħmlu dan? Li nippreparaw minn qabel.

18 Biex nieħdu eżempju, meta nkunu fuq l-​ajruplan, qabel it-​titjira l-​ekwipaġġ jispjegaw fejn huma l-​bibien tal-​emerġenza. Għala? Biex jekk jinqalaʼ xi inċident inkunu preparati u noħorġu malajr. Bl-​istess mod, aħna nistgħu nippreparaw minn qabel dak li se nagħmlu jekk tiġi informazzjoni falza li jxerrdu l-​apostati, xena sesswali, jew xena vjolenti waqt li nkunu fuq l-​Internet, naraw it-​televixin, jew xi film. Jekk nippreparaw għal dak li jistaʼ jiġri, aħna nistgħu naġixxu malajr biex nipproteġu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova u nibqgħu nodfa f’għajnejh.—Salm 101:3; 1 Tim. 4:12.

19. Liema barkiet se nirċievu meta nipproteġu r-​rigal prezzjuż li tana Ġeħova?

19 Kemm hu importanti li nipproteġu r-​rigal prezzjuż li tana Ġeħova—li nafu l-​verità u ngħallmuha lil oħrajn. Meta nagħmlu hekk, aħna se jkollna kuxjenza nadifa, ħajja bi skop, u se nkunu ferħanin meta ngħinu lil oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova. Bl-​għajnuna tiegħu se nkunu nistgħu nipproteġu dak li tana.—1 Tim. 6:12, 19.

GĦANJA 127 It-​tip taʼ persuna li għandi nkun

^ par. 5 Aħna għandna privileġġ kbir li nafu l-​verità u ngħallmuha lil oħrajn. Dan l-​artiklu se jgħinna nipproteġu dan ir-​rigal prezzjuż u ma nitilfuhx.

^ par. 8 L-​isem ġie mibdul.