Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ekkleżjasti 5:8, qed jirreferi għall-mexxejja umani jew għal Ġeħova?
Dan il-vers interessanti jgħid: “Jekk f’xi provinċja tara lil dak taʼ ftit mezzi jinħaqar u l-ġustizzja u s-sewwa jitneħħew għalkollox, tiskanta xejn b’dan, għax wieħed ogħla qed jara lil wieħed għoli, u fuq uħud għoljin hemm oħrajn ogħla minnhom.”—Ekk. 5:8.
Mill-ħarsa tagħna, dan il-vers jiddeskrivi wħud fil-gvern li għandhom l-awtorità. Imma jekk naħsbu sew dwar il-vers, juri wkoll verità dwar Ġeħova li għandha tfarraġna u tinkuraġġina.
Ekkleżjasti 5:8 jitkellem dwar mexxej li jaħqar lill-fqir u li huwa inġust. Dan il-mexxej għandu jiftakar li xi ħadd li għandu iktar awtorità fil-gvern minnu, qed jarah. Fil-fatt, jistaʼ jkun li hemm oħrajn li għandhom pożizzjoni iktar għolja. B’dispjaċir, il-mexxejja umani kollha jistgħu jkunu korrotti, u minħabba dan in-nies ikollhom ibatu din l-inġustizzja kollha.
Imma anki jekk kollox jidher bla tama, aħna nistgħu nħossuna inkuraġġiti għax nafu li Ġeħova ‘qed jara wkoll lil wieħed għoli,’ jiġifieri, lil dak li għandu l-awtorità fil-gvern. Aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova għall-għajnuna u nitfgħu l-ansjetà tagħna fuqu. (Salm 55:22; Flp. 4:6, 7) Aħna nafu li “għajnejn Ġeħova jiġru ’l hemm u ’l hawn maʼ l-art kollha biex juri s-saħħa tiegħu għan-nom taʼ dawk li qalbhom hi sħiħa lejh.”—2 Kron. 16:9.
Għalhekk, Ekkleżjasti 5:8 jfakkarna li fid-dinja li qed ngħixu fiha dejjem se jkun hemm xi ħadd li għandu iktar awtorità. Però, dan il-vers ifakkarna wkoll li Ġeħova, l-Iktar Għoli, għandu l-ogħla awtorità fl-univers. U hu għażel lil Ibnu, Ġesù Kristu, li bħalissa hu l-Mexxej tas-Saltna. Flimkien huma qed jaraw kollox u lil kulħadd, u huma dejjem ġusti.