Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 37

“Tħallix Idek Tistrieħ”

“Tħallix Idek Tistrieħ”

“Iżraʼ ż-​żerriegħa tiegħek fil-​għodu u tħallix idek tistrieħ sa fil-​għaxija.”EKK. 11:6.

GĦANJA 68 Niżirgħu żerriegħa tas-​Saltna

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Ix-​xogħol tal-​ippritkar, x’għandu x’jaqsam maʼ dak li hemm miktub f’​Ekkleżjasti 11:6?

F’XI PAJJIŻI, ħafna nies ikunu jridu jitgħallmu iktar meta jisimgħu l-​aħbar tajba. Din tkun eżatt dak li jkunu qed jistennew! F’pajjiżi oħrajn, in-​nies juru ftit interess f’Alla jew fil-​Bibbja. In-​nies fejn toqgħod int, kif jirreaġixxu? Ikun xi jkun il-​mod kif jirreaġixxu, Ġeħova jridna nkomplu nippritkaw sakemm hu jgħid li x-​xogħol tlesta.

2 Ġeħova diġà ddeċieda meta x-​xogħol tal-​ipprietkar se jispiċċa. Imbagħad se “jiġi t-​tmiem.” (Mt. 24:14, 36) Sa dak iż-​żmien, kif nistgħu nobdu l-​kliem “tħallix idek tistrieħ”? *Aqra Ekkleżjasti 11:6.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 L-​artiklu taʼ qabel dan ikkunsidra erbaʼ affarijiet li għandna bżonn biex insiru tajbin fix-​xogħol tal-​ippritkar. (Mt. 4:19) Dan l-​artiklu se jiddiskuti tliet modi kif nistgħu nsaħħu d-​determinazzjoni tagħna biex nippritkaw minkejja d-​diffikultajiet li għandna. Se nitgħallmu għaliex hu importanti li (1) nibqgħu ffokati, (2) inkunu paċenzjużi, u (3) inżommu fidi soda.

NIBQGĦU FFOKATI

4. Għala rridu nibqgħu ffokati fuq ix-​xogħol li tana Ġeħova?

4 Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu kif kienu se jkunu n-​nies u x’kien se jiġri matul l-​aħħar jiem. Hu kien jaf li dawn l-​affarijiet setgħu jwaqqfu lid-​dixxipli tiegħu milli jibqgħu ffokati fuq ix-​xogħol tal-​ippritkar. Hu qal lid-​dixxipli tiegħu biex ‘jibqgħu għassa.’(Mt. 24:42) Fi żmien Noè, kien hemm ħafna affarijiet li skuraġġew lin-​nies u b’hekk ma tawx kas it-​twissija li tahom. L-​istess affarijiet jistgħu jfixklu lilna llum. (Mt. 24:37-​39; 2 Pt. 2:5) Għalhekk, irridu nibqgħu ffokati fuq ix-​xogħol li tana Ġeħova.

5. Atti 1:6-​8, kif juri sa fejn kellha tiġi ppritkata l-​aħbar tajba?

5 Illum, hu importanti ħafna li nibqgħu ffokati fuq l-​ippritkar tal-​aħbar tajba tas-​Saltna. Ġesù bassar li d-​dixxipli tiegħu kienu se jkomplu jippritkaw wara li jmut hu u li kienu se jippritkaw iktar milli pprietka hu meta kien ħaj. (Ġw. 14:12) Wara li miet Ġesù, xi dixxipli reġgħu marru għax-​xogħol tas-​sajd. Wara li Ġesù qam mill-​mewt, hu għamel miraklu billi għen lid-​dixxipli tiegħu jaqbdu ħafna ħut. Imbagħad, wara dak il-​miraklu, Ġesù qal li x-​xogħol tal-​ippritkar u li jagħmlu dixxipli kien l-​iktar xogħol importanti. Qabel ma Ġesù mar fis-​sema, hu qal lid-​dixxipli tiegħu li x-​xogħol tal-​ippritkar kellu jkompli jsir sal-​iktar parti mbiegħda tal-​art. (Aqra Atti 1:6-​8.) Snin wara, Ġesù ta viżjoni lill-​appostlu Ġwanni biex juri x’kellu jiġri “f’jum il-​Mulej.” * Waħda mill-​affarijiet li Ġwanni ra kienet viżjoni taʼ anġlu li “kellu aħbar tajba taʼ dejjem biex ixandarha” lil “kull ġens u tribù u lsien u poplu.” (Riv. 1:10; 14:6) Bla dubju, illum Ġeħova jridna nieħdu sehem f’dan ix-​xogħol tal-​ippritkar li qed isir madwar id-​dinja kollha, sakemm jitlesta.

6. Kif nistgħu nibqgħu ffokati fuq l-​ippritkar?

6 Jekk naħsbu dwar dak kollu li Ġeħova qed jagħmel biex jgħinna, se nibqgħu ffokati fuq ix-​xogħol tal-​ippritkar. Pereżempju, hu qed jipprovdilna ħafna ikel spiritwali bħal pubblikazzjonijiet printjati u diġitali, vidjows u rekordings bl-​awdjo, u l-​JW Broadcasting. Aħseb dwar dan: Fuq il-​website tagħna hemm informazzjoni b’iktar minn 1,000 lingwa! (Mt. 24:45-​47) In-​nies fid-​dinja huma mifrudin minħabba li għandhom reliġjonijiet differenti, jissapportjaw gvernijiet differenti, u minħabba li xi wħud huma sinjuri waqt li oħrajn huma fqar. Imma iktar minn tmien miljun qaddej t’Alla huma magħqudin flimkien. Pereżempju, il-​Ġimgħa, 19 t’April 2019, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-​dinja kienu magħqudin flimkien għax setgħu jaraw vidjow dwar l-​iskrittura tal-​jum. Dakinhar filgħaxija, 20,919,041 ruħ ingħaqdu flimkien għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù. Jekk naħsbu dwar l-​unur li għandna biex naraw dawn l-​avvenimenti speċjali u nieħdu sehem fihom, se nkunu rridu nibqgħu nippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna.

Ġesù ma ġiex aljenat imma baqaʼ ffokat fuq li jagħti xhieda dwar il-​verità (Ara paragrafu 7)

7. L-​eżempju taʼ Ġesù kif jgħinna nibqgħu ffokati?

7 Mod ieħor kif nistgħu nibqgħu ffokati fuq l-​ippritkar hu billi nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù. Hu ma ħalla xejn itellfu milli jipprietka. (Ġw. 18:37) Ma ċediex għat-​tentazzjoni meta Satana offrielu “s-​saltniet kollha tad-​dinja u l-​glorja tagħhom,” u lanqas meta oħrajn riedu jagħmluh sultan. (Mt. 4:8, 9; Ġw. 6:15) Ukoll, Ġesù ma ġiex influwenzat minn xewqat għal affarijiet materjali, u ma ddejjaqx minn dawk li opponewh. (Lq. 9:58; Ġw. 8:59) Meta l-​fidi tagħna tiġi ttestjata, nistgħu nibqgħu ffokati jekk niftakru l-​parir tal-​appostlu Pawlu. Hu qal lill-​Kristjani biex isegwu l-​eżempju taʼ Ġesù ħalli huma ‘ma jegħjewx u jċedu f’ruħhom.’—Ebr. 12:3.

INKUNU PAĊENZJUŻI

8. X’inhi l-​paċenzja, u għala għandna bżonnha bħalissa?

8 Il-​paċenzja hi l-​abbiltà biex tistenna għal xi ħaġa bil-​kalma. Sew jekk qed inħarsu ’l quddiem biex tispiċċa xi sitwazzjoni diffiċli u sew jekk qed nistennew biex tiġri xi ħaġa li ilna nistennew, għandna bżonn il-​paċenzja. Il-​profeta Ħabakkuk xtaq li l-​vjolenza taʼ xi wħud f’​Ġuda tispiċċa. (Ħab. 1:2) Id-​dixxipli taʼ Ġesù ttamaw li s-​Saltna “kienet se tidher minnufih” u teħlishom minn taħt ir-​Rumani. (Lq. 19:11) Aħna rridu li s-​Saltna t’Alla tneħħi l-​ħażen kollu li hawn u ġġib dinja ġdida fejn in-​nies kollha se jkunu ubbidjenti lejn Alla. (2 Pt. 3:13) Però, irridu nkunu paċenzjużi u nistennew il-​ħin li Ġeħova għażel biex iwettaq dan. Ikkunsidra xi modi kif Ġeħova jgħallimna nkunu paċenzjużi.

9. Liema eżempji juru li Ġeħova hu paċenzjuż?

9 Ġeħova jagħtina eżempju perfett taʼ kif tintwera l-​paċenzja. Lil Noè tah biżżejjed żmien biex jibni arka u jkun “predikatur tal-​ġustizzja.” (2 Pt. 2:5; 1 Pt. 3:20) Ġeħova semaʼ lil Abraham meta saqsieh ħafna drabi dwar id-​deċiżjoni li kien ħa biex jeqred lin-​nies ħżiena li kienu jgħixu f’Sodoma u Gomorra. (Ġen. 18:20-​33) Għal ħafna żmien, Ġeħova kien verament paċenzjuż mal-​poplu t’Iżrael avolja ma kienx leali. (Neħ. 9:30, 31) Illum, nistgħu naraw li Ġeħova hu paċenzjuż, għax jagħti biżżejjed żmien lil dawk li hu jixtieq isiru l-​ħbieb tiegħu, ‘jaslu għall-​indiema.’ (2 Pt. 3:9; Ġw. 6:44; 1 Tim. 2:3, 4) L-​eżempju taʼ Ġeħova jagħtina raġuni tajba biex inkunu paċenzjużi waqt li nkomplu nippritkaw u ngħallmu. Ukoll, hu jgħallimna kif nuru l-​paċenzja permezz tal-​eżempju taʼ bidwi li nsibu fil-​Kelma tiegħu.

Bħalma bidwi li jaħdem iebes irid ikun paċenzjuż, aħna wkoll irridu nkunu paċenzjużi biex naraw ir-riżultat tal-isforzi li nagħmlu (Ara paragrafi 10-11)

10. L-​eżempju li nsibu f’​Ġakbu 5:7, 8, x’jgħallimna?

10 Aqra Ġakbu 5:7, 8L-​eżempju taʼ bidwi li jiżraʼ jgħallimna kif nuru l-​paċenzja. Veru li xi pjanti jikbru malajr, imma l-​biċċa l-​kbira tal-​pjanti, speċjalment dawk li jagħmlu l-​frott, jieħdu iktar żmien. Bidwi f’Iżrael kien jistenna madwar sitt xhur biex jieħu l-​frott. Hu kien jiżraʼ ż-​żerriegħa wara l-​ewwel xita fil-​ħarifa u jieħu l-​frott lejn l-​aħħar xita fir-​rebbieħa. (Mk. 4:28) Minkejja li mhux se jkun faċli, inkunu għaqlin jekk nimitaw il-​paċenzja tal-​bidwi.

11. Il-​paċenzja kif tistaʼ tgħinna fil-​ministeru tagħna?

11 Il-​biċċa l-​kbira tan-​nies imperfetti jridu jaraw ir-​riżultat taʼ    xogħolhom mill-​ewwel. Imma jekk aħna rridu naraw il-​pjanti jikbru u nieħdu l-​frott, irridu nieħdu ħsiebhom il-​ħin kollu. Irridu nħaffru, niżirgħu, naqilgħu l-​ħaxix ħażin li jkun qed jikber magħhom, u nsaqquhom. Jekk irridu nagħmlu dixxipli, aħna rridu naħdmu iebes ukoll. Jieħu l-​ħin biex l-​istudenti tal-​Bibbja ma jurux preġudizzju u juru l-​imħabba. Li nkunu paċenzjużi jgħinna biex ma nħossuniex skuraġġiti meta n-​nies ma jkunux iridu jisimgħuna. Meta xi nies ikunu ħerqanin jisimgħu u jitgħallmu, xorta għandna nkunu paċenzjużi. Ma nistgħux nisforzaw lil student tal-​Bibbja jkollu l-​fidi. Xi kultant anki d-​dixxipli taʼ Ġesù damu biex jifhmu dak li għallimhom. (Ġw. 14:9) Ejja niftakru li aħna niżirgħu u nsaqqu, imma Alla hu li jkabbar.—1 Kor. 3:6.

12. Kif nistgħu nuru l-​paċenzja hekk kif nippritkaw lil tal-​familja li mhumiex Xhieda?

12 Jistaʼ jkun diffiċli għalina biex nuru l-​paċenzja meta nippritkaw lil tal-​familja tagħna li mhumiex Xhieda. Il-​prinċipju li nsibu f’​Ekkleżjasti 3:1, 7, jistaʼ jgħinna. Dan jgħid li hemm “żmien li toqgħod kwiet u żmien li titkellem.” L-​eżempju tajjeb tagħna jistaʼ jgħin lil tal-​familja biex jisimgħu l-​messaġġ. Fl-​istess ħin, għandna nkunu dejjem lesti biex nitkellmu magħhom dwar Ġeħova. (1 Pt. 3:1, 2) Meta nippritkaw u ngħallmu b’żelu, aħna rridu nkunu paċenzjużi man-​nies kollha, inkluż maʼ tal-​familja tagħna.

13-14. Liema eżempji tal-​paċenzja nistgħu nimitaw?

13 Nistgħu nitgħallmu kif nuru l-​paċenzja mill-​eżempji taʼ wħud leali fil-​Bibbja kif ukoll minn uħud leali llum. Ħabakkuk ried li l-​ħażen jispiċċa, imma hu wera l-​paċenzja meta qal: “Fil-​post taʼ l-​għassa tiegħi jien se nibqaʼ wieqaf.” (Ħab. 2:1) L-​appostlu Pawlu qal li hu ried ‘itemm’ il-​ministeru tiegħu. Però, bil-​paċenzja kompla ‘jagħti xiehda bir-​reqqa dwar l-​aħbar tajba.’—Atti 20:24.

14 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ koppja li ggradwaw minn Gilegħad u li ġew inkarigati biex imorru jaqdu f’pajjiż fejn kien hemm ftit Xhieda u ħafna min-​nies ma kinux Kristjani. Kien hemm vera ftit nies li riedu jistudjaw il-​Bibbja. B’kuntrast, dawk li kienu magħhom l-​Iskola taʼ Gilegħad u marru f’pajjiżi oħra, qalulhom dwar in-​nies li kienu qed jistudjaw il-​Bibbja u kif kienu qed jgħinuhom isiru Xhieda. Minkejja li ma kellhomx progress kbir fit-​territorju tagħhom, din il-​koppja bil-​paċenzja komplew il-​ministeru tagħhom. Wara li ppritkaw għal tmien snin fejn in-​nies ftit kienu jisimgħu, fl-​aħħar setgħu jħossu dak il-​ferħ meta raw l-​istudent tal-​Bibbja tagħhom jitgħammed. Dawn l-​eżempji tal-​passat u tal-​lum, x’jgħallmuna? Dawn l-​uħud leali ma ħallewx idejhom jistrieħu, jiġifieri, baqgħu żelużi, u Ġeħova ppremjahom tal-​paċenzja li wrew. Jalla ‘nimitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.’—Ebr. 6:10-​12.

INŻOMMU FIDI SODA

15. Il-​fidi kif tgħinna biex inkunu determinati li nippritkaw?

15 Aħna nemmnu fil-​messaġġ li nippritkaw, u għalhekk nixtiequ nxandruh lil kemm jistaʼ jkun nies. Nemmnu fil-​wegħdi li nsibu fil-​Kelma t’Alla. (Salm 119:42; Is. 40:8) Rajna profeziji tal-​Bibbja jitwettqu. Ukoll, rajna kif il-​ħajja tan-​nies marret għall-​aħjar meta applikaw il-​parir tal-​Bibbja. Din l-​evidenza tagħmilna konvinti li l-​aħbar tajba tas-​Saltna hija l-​messaġġ li kulħadd għandu bżonn jismaʼ.

16. Skont Salm 46:1-3, li nafdaw f’Ġeħova u f’Ġesù, kif se jsaħħaħ id-​determinazzjoni tagħna biex inkomplu nippritkaw?

16 Ukoll, aħna nafdaw f’Ġeħova, is-​Sors tal-​messaġġ li nippritkaw, u f’Ġesù, li lilu Ġeħova tah l-​awtorità biex imexxi bħala Sultan tas-​Saltna. (Ġw. 14:1) Jiġri x’jiġri, Ġeħova dejjem hu kenn u saħħa għalina. (Aqra Salm 46:1-​3.) Barra minn hekk, aħna ċerti li Ġesù qed imexxi x-​xogħol tal-​ippritkar mis-​sema, billi juża l-​awtorità u l-​qawwa li tah Ġeħova.—Mt. 28:18-​20.

17. Semmi eżempju għala għandna nibqgħu nippritkaw.

17 Il-​fidi tagħmilna konvinti li Ġeħova se jbierek l-​isforzi tagħna, kultant b’modi li ma nkunux qed nistennew. (Ekk. 11:6) Pereżempju, kuljum eluf taʼ nies jaraw it-​trolleys u l-​imwejjed li jkunu bil-​letteratura tagħna. Huwa effettiv dan il-​mod tal-​ippritkar? Ħafna! Il-​Ministeru tas-​Saltna taʼ Novembru 2014, isemmi studenta tal-​università li riedet tikteb artiklu dwar ix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hi ma setgħetx issib Sala tas-​Saltna, imma fl-​università sabet mejda bil-​letteratura tagħna u sabet ukoll l-​informazzjoni għall-​artiklu tagħha. Maż-​żmien, hi tgħammdet u issa taqdi bħala pijuniera regulari. Esperjenzi bħal dawn jimmotivawna biex inkomplu nippritkaw għax juruna li għad hemm nies li għandhom bżonn jisimgħu l-​messaġġ tas-​Saltna.

NIBQGĦU DETERMINATI LI NIPPRITKAW

18. Għala nistgħu nkunu ċerti li x-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna se jitlesta meta jrid Ġeħova?

18 Aħna nistgħu nkunu ċerti li x-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna se jitlesta f’waqtu. Ikkunsidra dak li ġara fi żmien Noè. Ġeħova wera li hu dejjem jagħmel l-​affarijiet f’waqthom. Xi 120 sena qabel, Ġeħova ddeċieda meta kellu jibda d-​Dulluvju. Ħafna snin wara, Ġeħova qal lil Noè biex jibni arka. Għal madwar 40 jew 50 sena qabel beda d-​Dulluvju, Noè ħadem ħafna. Minkejja li n-​nies ma tawx kas, hu baqaʼ jipprietka l-​messaġġ tat-​twissija sakemm Ġeħova qallu li kien il-​waqt biex idaħħal l-​annimali fl-​arka. Imbagħad, fil-​ħin eżatt, “Ġeħova għalaq il-​bieb.”—Ġen. 6:3; 7:1, 2, 16.

19. Għal xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem jekk ma nħallux idejna jistrieħu?

19 Dalwaqt Ġeħova se jġib fit-​tmiem ix-​xogħol tal-​ippritkar tas-​Saltna. Hu se ‘jagħlaq il-​bieb’ fuq id-​dinja taʼ Satana u se jġib id-​dinja ġdida li fiha se jkun hemm nies li jobdu. Sadanittant, jalla nimitaw lil Noè, Ħabakkuk, u oħrajn li ma ħallewx idejhom jistrieħu. Jalla lkoll kemm aħna nibqgħu ffokati, inkunu paċenzjużi, u nżommu fidi soda f’Ġeħova u fil-​wegħdi tiegħu.

GĦANJA 75 ‘Hawn jien! Lest biex immur!’

^ par. 5 L-​artiklu taʼ qabel dan inkuraġġixxa lill-​istudenti tal-​Bibbja, li qed jagħmlu bidliet f’ħajjithom, biex jaċċettaw l-​istedina taʼ Ġesù u jsiru pubblikaturi tal-​aħbar tajba. Dan l-​artiklu se jiddiskuti tliet modi kif il-​pubblikaturi kollha, kemm ġodda kif ukoll dawk li għandhom l-​esperjenza, jistgħu jsaħħu d-​determinazzjoni tagħhom biex ikomplu jippritkaw, sakemm Ġeħova jgħid li x-​xogħol tlesta.

^ par. 2 ESPRESSJONI SPJEGATA: F’dan l-​artiklu, l-​espressjoni “tħallix idek tistrieħ” tfisser li għandna nkunu determinati li nibqgħu nippritkaw l-​aħbar tajba sakemm Ġeħova jgħid li x-​xogħol tlesta.

^ par. 5 “Jum il-​Mulej” beda meta Ġesù sar Sultan fl-​1914 u se jitkompla sal-​aħħar tar-​Renju taʼ Elf Sena.