Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 37

“Se Rriegħed il-Ġnus Kollha”

“Se Rriegħed il-Ġnus Kollha”

“Se rriegħed il-​ġnus kollha, u jidħlu l-​affarijiet mixtiqin tal-​ġnus kollha.”—ĦAG. 2:7.

GĦANJA 24 Ejjew lejn il-​muntanja taʼ Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1-2. Il-​profeta Ħaggaj x’tip taʼ theżżiż ipprofetizza li se jkun hawn fi żmienna?

 “FI FTIT minuti, il-​ħwienet u l-​bini antik bdew jaqgħu.” “Kulħadd beda jippanikkja . . . Ħafna nies qalu li t-​theżżiża damet għal madwar żewġ minuti. Imma jien rajtha ħafna itwal minn hekk.” Dawn huma kummenti taʼ xi wħud li baqgħu ħajjin wara t-​terremot li għamel fin-​Nepal fl-​2015. Kieku kellek tesperjenza xi ħaġa tal-​biżaʼ bħal din, żgur li qatt ma tinsieha.

2 Bħalissa, tregħid, jew theżżiż, differenti qed jiġri f’iktar minn pajjiż wieħed. Ġeħova qed jheżżeż il-​ġnus tad-​dinja kollha, u ilu jagħmel dan għal ħafna snin. Dan it-​theżżiż kien ipprofetizzat mill-​profeta Ħaggaj. Hu kiteb: “Hekk qal Ġeħova taʼ l-​armati, ‘Għal darb’oħra—fi ftit żmien ieħor—irriegħed is-​smewwiet u l-​art u l-​baħar u l-​art niexfa.’”—Ħag. 2:6.

3. It-​theżżiż li semma Ħaggaj kif inhu differenti minn terremot letterali?

3 It-​theżżiż li tkellem dwaru Ħaggaj mhux bħal terremot litterali, li jagħmel ħsara biss. Minflok, dan it-​theżżiż iġib miegħu riżultati tajbin. Ġeħova stess jgħidilna: “Se rriegħed il-​ġnus kollha, u jidħlu l-​affarijiet mixtiqin tal-​ġnus kollha; u nimla din id-​dar bil-​glorja.” (Ħag. 2:7) Din il-​profezija x’kienet tfisser għal dawk li kienu jgħixu fi żmien Ħaggaj? U xi tfisser għalina llum? Ejja niddiskutu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet. Ukoll, se nitgħallmu kif aħna għandna sehem fix-​xogħol li qiegħed jheżżeż lill-​ġnus illum.

MESSAĠĠ INKURAĠĠANTI FI ŻMIEN ĦAGGAJ

4. Ġeħova għala bagħat lill-​profeta Ħaggaj għand in-​nies Tiegħu?

4 Lill-​profeta Ħaggaj, Ġeħova kien tah xogħol importanti x’jagħmel. Aħseb x’ġara qabel dan. Fis-​sena 537 qabel Kristu (QK), grupp taʼ nies Lhud irritornaw lejn Ġerusalemm wara li nħelsu minn Babilonja, u x’aktarx Ħaggaj kien magħhom. Malli waslu Ġerusalemm, dawk il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova bdew jibnu t-​tempju taʼ Ġeħova. (Esd. 3:8, 10) Imma wara ftit ġrat xi ħaġa li skuraġġiethom. Minħabba li n-​nies li kienu qegħdin jgħixu hemmhekk bdew jopponuhom, huma waqfu jibnu t-​tempju. (Esd. 4:4; Ħag. 1:1, 2) Għalhekk, fis-​sena 520 QK, Ġeħova qal lil Ħaggaj biex jinkuraġġixxi lil-​Lhud ħalli jlestu t-​tempju. bEsd. 6:14, 15.

5. Il-​messaġġ taʼ Ħaggaj kif inkuraġġixxa lin-​nies t’Alla?

5 L-​iskop tal-​messaġġ li wassal Ħaggaj lil-​Lhud kien biex huma jsaħħu l-​fidi tagħhom f’Ġeħova. B’kuraġġ il-​profeta qal lil-​Lhud li kienu skuraġġiti: “‘Agħmlu l-​ħila, intom in-​nies kollha tal-​pajjiż,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u aħdmu. Għax jien magħkom,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova taʼ l-​armati.” (Ħag. 2:4) Il-​kliem “Ġeħova taʼ l-​armati” żgur li inkuraġġiehom. Ġeħova għandu armata kbira taʼ anġli u għalhekk il-​Lhud kellhom jistrieħu fuqu biex ikollhom suċċess.

6. X’kien se jiġri minħabba t-​theżżiż li pprofetizza Ħaggaj?

6 Ġeħova qal lil Ħaggaj biex imur jgħid lil-​Lhud li Hu se jheżżeż lill-​ġnus kollha. Dan il-​messaġġ inkuraġġixxa lil-​Lhud li qatgħu qalbhom u waqfu jibnu t-​tempju u wera li Ġeħova kien se jheżżeż lill-​Persja, il-​qawwa dinjija taʼ dak iż-​żmien. U x’kien se jkun ir-​riżultat minħabba dan it-​theżżiż? L-​ewwel, in-​nies t’Alla kienu se jlestu l-​bini tat-​tempju. U t-​tieni, nies li ma kinux Lhud kienu se jingħaqdu magħhom biex jagħtu qima fit-​tempju li reġaʼ nbena. Dan il-​messaġġ żgur li kien inkuraġġanti ħafna għan-​nies t’Alla!—Żak. 8:9.

XOGĦOL LI QED JHEŻŻEŻ LID-​DINJA LLUM

Qed tagħmel dak kollu li tistaʼ fix-xogħol li qed jheżżeż lid-dinja llum il-ġurnata? (Ara paragrafi 7-8) d

7. Illum, liema xogħol li jheżżeż nistgħu ngħinu fih? Spjega.

7 Il-​profezija taʼ Ħaggaj xi tfisser għalina llum? Għal darb’oħra, Ġeħova qed jheżżeż lill-​ġnus kollha, u din id-​darba aħna qed ngħinu f’dan ix-​xogħol. Aħseb ftit dwar dan: Fl-​1914, Ġeħova għamel lil Ġesù Kristu s-​Sultan tas-​Saltna Tiegħu fis-​sema. (Salm 2:6) Meta s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi, kienet aħbar ħażina għall-​mexxejja tad-​dinja. Dan kien ifisser li “ż-​żminijiet stabbiliti tal-​ġnus” kien spiċċa. (Lq. 21:24) Fi kliem ieħor, iż-​żmien fejn ma kien hemm ebda mexxej li jirrappreżenta lil Ġeħova, kien għadda. Għalhekk, speċjalment mill-​1919, in-​nies taʼ Ġeħova bdew jippritkaw lin-​nies kollha u jgħidulhom li s-​Saltna t’Alla hi l-​unika tama għall-​bnedmin. Dan l-​ippritkar tal-​“aħbar tajba tas-​saltna” heżżeż lid-​dinja kollha.—Mt. 24:14.

8. Skont Salm 2:1-​3, il-​maġġoranza tan-​nies x’għamlu meta semgħu dan il-​messaġġ?

8 In-​nies x’għamlu meta semgħu dan il-​messaġġ? Ħafna minnhom m’aċċettawhx. (Aqra Salm 2:1-​3.) Il-​ġnus “qamu f’rewwixta,” jiġifieri rrabjaw ħafna. Huma m’aċċettawx il-​Mexxej li għażel Ġeħova. U huma ma jaħsbux li l-​messaġġ tas-​Saltna li nippritkaw aħna hu “aħbar tajba.” Fil-​fatt, xi gvernijiet ma jħallux lix-​Xhieda taʼ Ġeħova jippritkaw. Minkejja li ħafna mexxejja minn dawn il-​pajjiżi jgħidu li jaqdu lil Alla, huma jridu jibqgħu fil-​poter. Għalhekk, bħalma għamlu l-​mexxejja fi żmien Ġesù, il-​mexxejja tal-​lum ma jaċċettawx lill-​Midluk taʼ Ġeħova billi jattakkaw lid-​dixxipli leali tiegħu.—Atti 4:25-​28.

9. Ġeħova x’għamel minkejja li dawn in-​nies m’aċċettawx il-​messaġġ tas-​Saltna?

9 Ġeħova x’għamel minkejja li dawn in-​nies m’aċċettawx il-​messaġġ tas-​Saltna? Salm 2:10-​12 jagħtina t-​tweġiba: “U issa, O slaten, użaw id-​dehen; ħallu ’l min jikkoreġikom, O mħallfin taʼ l-​art. Aqdu lil Ġeħova bil-​biżaʼ u ifirħu bit-​tregħid. [Irrispettaw] lill-​iben, sabiex [Alla] ma jagħdabx u ma tgħibux mit-​triq, għax ir-​rabja tiegħu tixgħel f’daqqa. Henjin dawk kollha li jistkennu fih.” Ġeħova hu qalbu tajba u għalhekk qed itihom iċ-​ċans biex jieħdu deċiżjoni tajba. Huma jistgħu jbiddlu fehmithom u jaċċettaw is-​Saltna taʼ Ġeħova. Però, ma baqax ħafna żmien. Aħna qegħdin ngħixu “fl-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema mill-​agħar. (2 Tim. 3:1; Is. 61:2) Issa huwa urġenti iktar minn qatt qabel biex in-​nies ikunu jafu l-​verità u jagħżlu li jaqdu lil Ġeħova.

XI NIES AĠIXXEW B’MOD POŻITTIV GĦAT-​THEŻŻIŻ

10. Kif qed jaġixxu n-​nies għax-​xogħol taʼ theżżiż li semma Ħaggaj 2:7-​9?

10 Xi nies aġixxew b’mod pożittiv għall-​messaġġ taʼ theżżiż li pprofetizza Ħaggaj. Hu qalilna li permezz taʼ dan it-​theżżiż, ‘l-​affarijiet mixtiqin [nies b’qalb onesta] mill-​ġnus kollha’ se jibdew jaqdu lil Ġeħova. c (Aqra Ħaggaj 2:7-​9.) Kemm Isaija kif ukoll Mikea pprofetizzaw li dawn l-​affarijiet se jiġru “fl-​aħħar parti tal-​jiem.”—Is. 2:2-​4; Mik. 4:1, 2.

11. Ken x’għamel meta semaʼ l-​messaġġ tas-​Saltna għall-​ewwel darba?

11 Ikkunsidra kif ħassu ħu jismu Ken, li jaqdi fil-​kwartieri ġenerali, meta semaʼ għall-​ewwel darba bil-​messaġġ li jheżżeż madwar 40 sena ilu. Ken jgħid: “Meta smajt il-​verità mill-​Kelma t’Alla għall-​ewwel darba, kont ferħan ħafna meta sirt naf li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema mill-​agħar. Jiena fhimt li biex nogħġob lil Alla u nirċievi l-​premju taʼ ħajja taʼ dejjem, ma kellix inkun parti minn din id-​dinja, imma ridt inkun leali lejn Ġeħova. Jien tlabt lil Ġeħova u hekk għamilt. Ma bqajtx nagħti kas dak li hemm fid-​dinja u poġġejt il-​fiduċja fis-​Saltna t’Alla li se tibqaʼ għal dejjem.”

12. It-​tempju spiritwali taʼ Ġeħova kif imtela bit-​tifħir f’dawn l-​aħħar jiem?

12 Jidher ċar li Ġeħova qed ibierek in-​nies tiegħu. Matul dawn l-​aħħar jiem, ħafna nies bdew iqimu lilu. Fl-​1914, kulma kien hemm ftit eluf. Illum hemm iktar minn tmien miljuni li qed jaqdu lil Alla, u kull sena miljuni oħrajn jingħaqdu magħna għat-​Tifkira. B’dan il-​mod, parti mit-tempju spiritwali taʼ Ġeħova fuq l-​art, li hu l-​arranġament taʼ Ġeħova għall-​qima vera, imtela bl-​“affarijiet mixtiqin tal-​ġnus kollha.” Ukoll, isem Ġeħova ġie mfaħħar meta dawn l-​uħud taʼ qalb sinċiera għamlu bidliet fil-​personalità tagħhom.—Efes. 4:22-​24.

Ix-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja ppritkaw bil-ferħ lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla (Ara paragrafu 13)

13. Peress li llum ħafna nies qed jaqdu lil Ġeħova, liema profeziji oħrajn qegħdin jitwettqu? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

13 Hemm profeziji oħrajn li juru li ħafna kellhom jibdew jaqdu lil Ġeħova, u waħda minnhom insibuha f’​Isaija 60:22. Din tgħid: “Il-​wieħed ċkejken isir elf, u ż-​żgħir ġens setgħan. Jien innifsi, Ġeħova, se ngħaġġlu f’waqtu.” Minħabba li ħafna nies qed jibdew jaqdu lil Ġeħova, xi ħaġa tal-​għaġeb qed isseħħ. Dawn in-​nies, jew “l-​affarijiet mixtiqin,” għandhom abbiltajiet differenti u huma ħerqanin biex jippritkaw “l-​aħbar tajba tas-​saltna.” B’hekk, in-​nies taʼ Ġeħova jistgħu jużaw dawn l-​abbiltajiet li Isaija ddeskriviehom bħala “l-​ħalib tal-​ġnus.” (Is. 60:5, 16) Permezz tal-​għajnuna li qegħdin jagħtu dawn l-​irġiel u n-​nisa prezzjużi, aħna qegħdin nippritkaw f’240 pajjiż u qegħdin nippubblikaw letteratura f’iktar minn 1,000 lingwa.

ISSA Ż-​ŻMIEN LI TITTIEĦED DEĊIŻJONI

14. In-​nies x’deċiżjoni għandhom jieħdu issa?

14 F’dawn l-​aħħar jiem, ix-​xogħol taʼ theżżiż qed iġiegħel lin-​nies jieħdu deċiżjoni. Huma se jappoġġjaw is-​Saltna t’Alla jew se jappoġġjaw il-​gvernijiet taʼ din id-​dinja? Din hija deċiżjoni importanti li kull wieħed u waħda minna se jkollu jieħu. Għalkemm aħna nobdu l-​liġijiet tal-​gvern fil-​pajjiż fejn ngħixu, aħna nibqgħu newtrali fejn jidħlu affarijiet taʼ politika. (Rum. 13:1-​7) Aħna nafu li s-​Saltna hi l-​unika soluzzjoni biex issolvi l-​problemi li qegħdin jiffaċċjaw in-​nies. U din is-​Saltna ma tagħmilx parti minn din id-​dinja.—Ġw. 18:36, 37.

15. Il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni kif juri li l-​lealtà tan-​nies t’Alla se tiġi ttestjata?

15 Il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni jispjega li l-​lealtà tan-​nies t’Alla se tiġi ttestjata fl-​aħħar jiem. Dan jurina li se nkomplu niffaċċjaw oppożizzjoni u persekuzzjoni ħarxa. Il-​gvernijiet taʼ din id-​dinja se jipprovaw iġegħluna naqdu lilhom u se jippersegwitaw lil dawk li jirrifjutaw jagħmlu hekk. (Riv. 13:12, 15) Huma se ‘jġiegħlu li l-​bnedmin kollha, iż-​żgħar u l-​kbar, l-​għonja u l-​foqra, u l-​ħelsin u l-​ilsiera, issirilhom marka f’idhom il-​leminija jew fuq ġbinhom,’ jiġifieri fuq moħħhom. (Riv. 13:16) Lill-​ilsiera fil-​passat kienu jagħmlulhom marka permanenti biex turi min hu s-​sid tagħhom. Bl-​istess mod, illum in-​nies se jippretendu li kulħadd juri lil min jappoġġja. Huma se jkunu jridu lil kulħadd juri li bil-​ħsibijiet u bl-​azzjonijiet tiegħu jappoġġja s-​sistema politika.

16. Għala huwa urġenti li nsaħħu l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova minn issa?

16 Aħna se naċċettaw din il-​marka simbolika u nappoġġjaw lill-​gvernijiet? Dawk li mhux se jaċċettaw din il-​marka se jiffaċċjaw problemi u se jkunu fil-​periklu. Il-​ktieb taʼ Rivelazzjoni jispjega: “Ħadd ma jkun jistaʼ jixtri jew ibigħ ħlief min ikollu l-​marka.” (Riv. 13:17) Imma skont Rivelazzjoni 14:9, 10, aħna nafu x’se jagħmlilhom Ġeħova lil dawk li se jkollhom din il-​marka. Aħna mhux se naċċettaw din il-​marka, imma ħa jkun bħallikieku fuq idna għandna miktub, “Jien taʼ Ġeħova.” (Is. 44:5) Issa huwa ż-​żmien li l-​lealtà tagħna lejn Ġeħova tkun b’saħħitha. U jekk tkun b’saħħitha, Ġeħova bil-​ferħ se jgħid li aħna tiegħu!

L-​AĦĦAR THEŻŻIŻA

17. X’għandna niftakru dwar il-​paċenzja taʼ Ġeħova?

17 Ġeħova qed juri paċenzja kbira f’dawn l-​aħħar jiem. Hu ma jrid lil ħadd jinqered. (2 Pt. 3:9) Hu qed jagħti ċans lil kulħadd biex jindem u jibda jaqdih. Imma l-​paċenzja tiegħu għandha l-​limiti. Dawk li mhux se jaċċettaw li jappoġġjaw is-​Saltna t’Alla se jesperjenzaw l-​istess konsegwenzi li esperjenza l-​Fargħun fi żmien Mosè. Lill-​Fargħun, Ġeħova qallu: “S’issa stajt ħriġt idi sabiex nolqot lilek u lill-​poplu tiegħek bil-​pesta u biex titqaċċat darba għal dejjem minn fuq l-​art. Imma, fil-​fatt, għal dan l-​iskop żammejtek ħaj, biex nurik il-​qawwa tiegħi u biex ismi jixxandar fl-​art kollha.” (Eżo. 9:15, 16) In-​nies tad-​dinja kollha se jkollhom ikunu jafu li Ġeħova hu l-​uniku Alla veru. (Eżek. 38:23) Dan kif se jseħħ?

18. (a) X’theżżiż ieħor qed isemmi Ħaggaj 2:6, 20-​22? (b) Kif nafu li l-​kliem li qal Ħaggaj se jitwettaq fil-​futur?

18 Ħafna snin wara li Ħaggaj miet, l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani Lhud li l-​kliem li nsibu f’​Ħaggaj 2:6, 20-​22 se jitwettaq fil-​futur. (Aqra.) Pawlu kiteb: “Issa wiegħed u qal: ‘Għal darb’oħra nheżżeż mhux biss l-​art imma wkoll is-​sema.’ Issa l-​espressjoni ‘Għal darb’oħra’ tindika t-​tneħħija taʼ l-​affarijiet li qed jitheżżu, jiġifieri, l-​affarijiet li ntgħamlu, sabiex jibqgħu l-​affarijiet li mhux qed jitheżżu.” (Ebr. 12:26, 27) Dan it-​theżżiż hu differenti mit-​theżżiż li ssemma f’​Ħaggaj 2:7. Dan it-​theżżiż ifisser li dawk li bħall-​Fargħun ma jaċċettawx li Ġeħova għandu d-​dritt li jmexxi se jinqerdu għal dejjem.

19. X’mhux se jitheżżeż, u aħna kif nafu dan?

19 X’mhux se jitheżżeż, jew jitneħħa? Pawlu kompla jgħid: “Ladarba se nirċievu saltna li ma tistax titheżżeż, ħa nkomplu ngawdu l-​qalb tajba mhix mistħoqqa, li permezz tagħha nistgħu nagħtu servizz sagru lil Alla b’mod aċċettabbli, bil-​biżaʼ t’Alla u b’rispett profond.” (Ebr. 12:28) Iva, wara l-​aħħar theżżiża, is-​Saltna t’Alla biss se tibqaʼ teżisti. U hi se tibqaʼ wieqfa għal dejjem!—Salm 110:5, 6; Dan. 2:44.

20. In-​nies liema għażla se jkollhom jagħmlu, u aħna kif nistgħu ngħinuhom?

20 Ma baqax ħin x’jinħela! In-​nies se jkollhom jagħżlu. Jekk jagħżlu li jibqgħu jappoġġjaw lil din id-​dinja se jiġu meqrudin, imma jekk jagħżlu li jagħmlu l-​bidliet li jkun hemm bżonn biex jaqdu lil Ġeħova se jgawdu l-​ħajja taʼ dejjem. (Ebr. 12:25) Permezz tax-​xogħol tal-​ippritkar, aħna nistgħu ngħinu lin-​nies jieħdu din id-​deċiżjoni importanti. Jalla ngħinu lil dawk l-​uħud taʼ qalb onesta biex jagħżlu li jappoġġjaw is-​Saltna t’Alla. U jalla nibqgħu niftakru l-​kliem tal-​Mulej tagħna Ġesù: “Din l-​aħbar tajba tas-​saltna tiġi pridkata fl-​art abitata kollha bħala xiehda lill-​ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-​tmiem.”—Mt. 24:14.

GĦANJA 40 Taʼ min aħna?

a F’dan l-​artiklu se naġġustaw kif nifhmu Ħaggaj 2:7. Se nitgħallmu kif nistgħu nipparteċipaw fix-​xogħol eċċitanti li qed iriegħed lill-​ġnus kollha. U se nitgħallmu wkoll kif minħabba dan ix-​xogħol li jriegħed, xi nies ikollhom reazzjoni pożittiva u oħrajn ikollhom reazzjoni negattiva.

b Aħna nafu li Ħaggaj wettaq l-​inkarigu li tah Ġeħova għax it-​tempju tlesta fis-​sena 515 QK.

c Dan hu aġġustament fil-​fehma tagħna. Fil-​passat konna ngħidu li nies b’qalb onesta ma kinux se jibdew jaqdu lil Ġeħova minħabba t-​theżżiż tal-​ġnus kollha. Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Mejju 2006.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħaggaj jinkuraġġixxi lin-nies t’Alla biex biż-żelu jispiċċaw il-bini mill-ġdid tat-tempju, u n-nies t’Alla fi żmienna b’żelu jippritkaw il-messaġġ t’Alla. Koppja tipprietka l-messaġġ dwar l-aħħar theżżiża li ġejja.