Huwa l-ministeru tiegħek bħan-nida?
IL-MINISTERU tagħna huwa importanti u taʼ valur. Imma mhux lil kull min nippritkaw jifhem dan. Anki jekk in-nies huma interessati f’dak li tgħid il-Bibbja, mhux dejjem iħossu li hu neċessarju li jistudjaw il-Kelma t’Alla magħna.
Ejja nieħdu lil Gavin bħala eżempju. Hu kien qed jattendi l-laqgħat fis-Sala tas-Saltna, imma ma riedx studju tal-Bibbja. Gavin jispjega li hu ftit li xejn kien jaf dwar il-Bibbja u ma ried lil ħadd isir jaf b’dan. Kien jibżaʼ li jiġi mitlub jingħaqad maʼ reliġjon, u hu ma ried lil ħadd iqarraq bih. Int x’taħseb? Gavin kif setaʼ jiġi megħjun? Aħseb dwar l-effett tajjeb li t-tagħlim tal-Bibbja jistaʼ jkollu fuq persuna. Ġeħova qal lill-Iżraelin: “Dak li ngħid jien joqtor bħan-nida, bħal irxiex fuq il-ħaxix.” (Dewteronomju 31:19, 30; 32:2) Ejja nitgħallmu ftit dwar in-nida u nqabbluha mal-ministeru tagħna biex b’hekk inkunu nistgħu ngħinu b’mod effettiv lill-“bnedmin taʼ kull xorta.”—1 Timotju 2:3, 4.
IL-MINISTERU TAGĦNA KIF JISTAʼ JKUN BĦAN-NIDA?
In-nida hi ġentili. In-nida tifforma bil-mod il-mod hekk kif l-umdità fl-arja tibda tinbidel fi qtar żgħir taʼ ilma. Il-kliem taʼ Ġeħova kif “joqtor bħan-nida”? Hu kellem lin-nies tiegħu b’qalb tajba, b’mod ġentili, u b’mod li juri li jimpurtah minnhom. Aħna nimitaw lilu meta nuru rispett għal dak li jemmen ħaddieħor. Ninkuraġġuhom biex jirraġunaw magħhom infushom u jieħdu deċiżjonijiet għalihom infushom. Meta nuru interess persunali bħal dan, in-nies ikunu iktar lesti jaċċettaw dak li ngħidulhom, u l-ministeru tagħna jkun iktar effettiv.
In-nida hi rifreskanti. Il-ministeru tagħna jagħti serħan jew bħal speċi jirrifreska oħrajn meta naħsbu dwar modi differenti biex ngħinuhom jitgħallmu iktar dwar il-verità. Ħu jismu Chris, li kien offra studju tal-Bibbja lil Gavin, ma pprovax jisforzah jaċċetta bilfors. Minflok, hu prova jfittex modi differenti biex jgħin lil Gavin iħossu iktar komdu f’li jiddiskutu l-Bibbja. Chris qal lil Gavin li hemm messaġġ importanti fil-Bibbja u li jitgħallem dwar dan il-messaġġ se jgħinu jifhem il-laqgħat aħjar. Imbagħad, Chris spjegalu li l-profezija tal-Bibbja kkonvinċiet lilu personalment li l-Bibbja hi taʼ min joqgħod fuqha. B’riżultat taʼ dan, huma kellhom ħafna diskussjonijiet dwar kif ċerti profeziji ġew imwettqin. Għal Gavin, dawn il-konversazzjonijiet kienu rifreskanti, u fl-aħħar hu aċċetta studju tal-Bibbja.
In-nida hi bżonjuża għall-ħajja. Matul l-istaġun sħun u xott fl-Iżrael, għandu mnejn ma tagħmilx xita għal diversi xhur. Mingħajr in-nida, il-pjanti jinxfu u jmutu. Illum hawn nixfa spiritwali, sewwasew bħalma bassar Ġeħova. (Għamos 8:11) Hu wiegħed li l-uħud midlukin se jkunu “bħal nida mingħand Ġeħova” hekk kif huma jippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna, appoġġjati min-“nagħaġ oħrajn.” (Mikea 5:7; Ġwanni 10:16) Il-messaġġ li nippritkaw huwa parti mill-provvediment taʼ Ġeħova li jagħti l-ħajja lil dawk li huma għatxana għall-verità. Napprezzaw aħna dan il-messaġġ?
In-nida hi barka mingħand Ġeħova. (Dewteronomju 33:13) Il-ministeru tagħna jistaʼ jkun barka, jew rigal, għal dawk li jwieġbu b’mod favorevoli. Studju tal-Bibbja kien barka għal Gavin għax għenu jsib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet kollha tiegħu. Hu malajr għamel progress, tgħammed, u issa jieħu pjaċir jaqsam l-aħbar tajba tas-Saltna flimkien maʼ martu Joyce.
APPREZZA L-MINISTERU TIEGĦEK
Li nqabblu x-xogħol tal-ippritkar tagħna man-nida jistaʼ wkoll jgħinna nifhmu li l-isforzi personali tagħna fil-ministeru huma taʼ valur. Il-Malti jgħid: Bil-qatra l-qatra timtela l-ġarra. Għaliex qed ngħidu hekk? Ftit qtar tan-nida jgħin ftit, imma meta jkun hemm miljuni taʼ qtar tan-nida, l-art tixxarrab. B’mod simili, dak li nagħmlu fil-ministeru jistaʼ jidher ftit f’għajnejna. Imma minħabba l-isforzi li jsiru mill-miljuni taʼ qaddejja taʼ Ġeħova f’daqqa, tingħata xhieda “lill-ġnus kollha.” (Mattew 24:14) Il-ministeru tagħna se jkun barka mingħand Ġeħova għal oħrajn? Iva, il-messaġġ tagħna se jkun ġentili, rifreskanti, u bżonjuż għall-ħajja, eżatt bħan-nida!