Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-lealtà tagħna twassalna biex ikollna l-approvazzjoni t’Alla

Il-lealtà tagħna twassalna biex ikollna l-approvazzjoni t’Alla

‘Imitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.’—EBREJ 6:12.

GĦANJIET: 86, 54

1, 2. Ġefta u bintu xi sfida ffaċċjaw?

ŻAGĦŻUGĦA ġriet biex tiltaqaʼ maʼ missierha. Kienet ferħana se ttir li tarah lura qawwi u sħiħ mill-​battalja. Ir-​rebħa kbira tiegħu ġegħlitha tkanta u tiżfen bil-​ferħ. Imma dak li missierha għamel u qal wara żgur li ssorprendieha! Hu ċarrat ħwejġu u għajjat: “Jaħasra, binti!” Hawnhekk Ġefta kellu qalbu mnikkta għall-​aħħar. Imbagħad qalilha li kien għamel wegħda maʼ Ġeħova li kienet se tbiddlilha ħajjitha għal dejjem. Il-​wegħda tiegħu kienet tfisser li hi qatt ma kienet se tiżżewweġ jew ikollha tfal. Imma hi fil-​pront wiġbitu b’mod ħelu billi inkuraġġiet lil missierha biex iżomm il-​wegħda li għamel maʼ Ġeħova. It-​tweġiba tagħha wriet li kellha fiduċja sħiħa f’Ġeħova li kulma kien jitlob minnha kien se jkun tajjeb. (Imħallfin 11:34-​37) Meta missierha ra l-​fidi tagħha, hu kien kburi ħafna biha għax kien jaf li minn qalbha kienet lesta biex tagħmel lil Ġeħova ferħan.

2 Ġefta u bintu poġġew fiduċja sħiħa f’Ġeħova u fil-​mod kif jagħmel l-​affarijiet. Huma kienu leali anki meta ma kienx daqstant faċli għalihom. Huma kienu konvinti li kwalunkwe sagrifiċċju kien worth it biex ikollhom l-​approvazzjoni t’Alla.

3. L-​eżempju taʼ Ġefta u bintu għala jistaʼ jkun t’għajnuna għalina llum?

3 Mhux dejjem ikun faċli biex nibqgħu leali lejn Ġeħova. Għandna bżonn ‘niġġieldu bl-​aħrax għall-​fidi.’ (Ġuda 3) Biex niġu megħjunin nagħmlu dan, ejja nitgħallmu kif Ġefta u bintu ssaportew l-​isfidi f’ħajjithom. Kif baqgħu leali lejn Ġeħova?

NIBQGĦU LEALI MINKEJJA L-​INFLUWENZI TAD-​DINJA

4, 5. (a) Ġeħova liema kmand ta lill-​Iżraelin meta daħlu fl-​Art Imwiegħda? (b) Skont Salm 106, x’ġara lill-​Iżraelin minħabba d-​diżubbidjenza tagħhom?

4 Kull jum, Ġefta u bintu kienu jiġu mfakkrin bil-​konsegwenzi taʼ meta l-​Iżraelin m’obdewx lil Ġeħova. Kważi 300 sena qabel, Ġeħova kien ikkmanda l-​Iżraelin biex joqtlu lil qaddejja foloz kollha fl-​Art Imwiegħda, imma huma m’obdewx. (Dewteronomju 7:1-​4) Ħafna mill-​Iżraelin bdew jimitaw il-​Kangħanin, li kienu jqimu allat foloz u li kellhom ħajja immorali.—Aqra Salm 106:34-​39.

5 Minħabba li l-​Iżraelin kienu diżubbidjenti, Ġeħova ma pproteġihomx mill-​għedewwa tagħhom. (Imħallfin 2:1-​3, 11-​15; Salm 106:40-​43) Żgur li kien diffiċli ħafna għall-​familji li ħabbew lil Ġeħova biex jibqgħu leali waqt dawk is-​snin diffiċli. Madankollu, il-​Bibbja ssemmi li kien hemm uħud leali, bħal Ġefta u bintu, u kif ukoll Elkana, Ħanna, u Samwel. Huma kienu determinati li jagħmlu lil Ġeħova ferħan.—1 Samwel 1:20-​28; 2:26.

6. Liema influwenzi tad-​dinja jeżistu llum, u x’għandna nagħmlu?

6 Fi żmienna, in-​nies jaħsbu u jaġixxu bħall-​Kangħanin. Ħajjithom hi ffokata fuq is-​sess, il-​vjolenza, u l-​flus. Imma Ġeħova jagħtina twissijiet ċari. Hu jrid jipproteġina bħalma ried jipproteġi l-​Iżraelin minn influwenzi ħżiena bħal dawn. Se nitgħallmu aħna mill-​iżbalji tagħhom? (1 Korintin 10:6-​11) Aħna għandna nagħmlu kulma nistgħu biex nevitaw kif taħseb id-​dinja. (Rumani 12:2) Se nagħmlu l-​aħjar tagħna biex nagħmlu hekk?

ĠEFTA BAQAʼ LEALI MINKEJJA D-​DIŻAPPUNTI

7. (a) In-​nies taʼ Ġefta stess x’għamlulu? (b) Ġefta kif irreaġixxa?

7 Fi żmien Ġefta, l-​Iżraelin kienu maħqurin kemm mill-​Filistin u kemm mill-​Għammonin għax l-​Iżraelin ma kinux obdew lil Ġeħova. (Imħallfin 10:7, 8) Apparti l-​ġnus li kienu għedewwa, Ġefta kellu sfidi wkoll maʼ ħutu stess u l-​mexxejja tal-​Iżrael. Minħabba li ħutu kienu għajjurin u kienu jobogħduh, ġegħluh jitlaq mill-​art li legalment kienet tiegħu. (Imħallfin 11:1-​3) Ġefta rrifjuta li l-​attitudni tiegħu tiġi effettwata mill-​imġiba krudila tagħhom. Kif nafu dan? Għax meta x-​xjuħ tal-​ġens talbuh bil-​ħrara biex jgħinhom, hu għamel dan minnufih. (Imħallfin 11:4-​11) X’għandu mnejn immotiva lil Ġefta biex jirreaġixxi b’dak il-​mod?

8, 9. (a) Liema prinċipji fil-​Liġi li Alla ta lil Mosè għandu mnejn għenu lil Ġefta? (b) X’kien l-​iktar importanti għal Ġefta?

8 Ġefta kien raġel setgħan u qalbieni, u kien jaf sew l-​istorja tal-​Iżrael u l-​Liġi li Alla ta lil Mosè. Il-​mod kif Ġeħova ttratta lill-​poplu Tiegħu għallmu l-​livelli t’Alla dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. (Imħallfin 11:12-​27) Ġefta uża dan l-​għarfien f’ħajtu meta ħa deċiżjonijiet. Hu kien jaf eżattament kif Ġeħova ħassu dwar ir-​rabja u t-​tpattija u kif Alla jrid lin-​nies Tiegħu jħobbu lil xulxin. Iżjed minn hekk, il-​Liġi għallmitu kif jittratta lil oħrajn, anki lil dawk li kienu jobogħduh.—Aqra Eżodu 23:5; Levitiku 19:17, 18.

9 L-​eżempju taʼ Ġużeppi aktarx għen lil Ġefta. Hu setaʼ ra kif Ġużeppi wera ħniena maʼ ħutu għalkemm kienu jobogħduh. (Ġenesi 37:4; 45:4, 5) Li jimmedita dwar dan l-​eżempju għandu mnejn għen lil Ġefta biex jirreaġixxi b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Ħut Ġefta weġġgħuh ħafna b’dak li għamlulu. Imma għal Ġefta, li jiġġieled għal isem Ġeħova u l-​poplu Tiegħu kien iktar importanti mis-​sentimenti personali tiegħu. (Imħallfin 11:9) Hu kien determinat li jkun leali lejn Ġeħova. Din l-​attitudni rriżultat f’barka mingħand Ġeħova, kemm għalih innifsu u kemm għall-​Iżraelin.—Ebrej 11:32, 33.

M’għandniex inħallu s-​sentimenti mweġġgħin tagħna jwaqqfuna milli naqdu lil Ġeħova

10. Kif nistgħu nħallu l-​prinċipji t’Alla jgħinuna naġixxu bħala Kristjani llum?

10 Se nitgħallmu aħna mill-​eżempju taʼ Ġefta? X’se nagħmlu jekk ħutna l-​Kristjani jiddiżappuntawna jew jekk inħossu li mhux qed jittrattawna sew? M’għandniex inħallu s-​sentimenti mweġġgħin tagħna jwaqqfuna milli naqdu lil Ġeħova. Qatt m’għandna nieqfu nattendu l-​laqgħat Kristjani jew inqattgħu ħin mal-​aħwa tal-​kongregazzjoni. Ejja nimitaw lil Ġefta u nobdu lil Ġeħova. Dan se jgħinna negħlbu sitwazzjonijiet diffiċli, u b’hekk anki aħna nkunu eżempju tajjeb għal ħaddieħor.—Rumani 12:20, 21; Kolossin 3:13.

SAGRIFIĊĊJI MILL-​QALB JURU X’FIDI GĦANDNA

11, 12. Ġefta liema wegħda għamel, u din x’kienet tinvolvi?

11 Ġefta kien jaf li kellu bżonn l-​għajnuna t’Alla biex jeħles l-​Iżraelin mill-​Għammonin. Hu wiegħed lil Ġeħova li jekk Hu jagħtih ir-​rebħa, l-​ewwel persuna li toħroġ mid-​dar tiegħu meta jiġi lura mill-​battalja kien se joffriha Lilu bħala “offerta tal-​ħruq.” (Imħallfin 11:30, 31) Dan x’kien ifisser?

12 Ġeħova jobgħod li jiġu ssagrifikati n-​nies, u b’hekk nafu li Ġefta ma kienx qed jirreferi għas-​sagrifiċċju bin-​nar. (Dewteronomju 18:9, 10) Skont il-​Liġi Mosajka, offerta tal-​ħruq kienet rigal speċjali li xi ħadd ikun iddeċieda li jagħti għalkollox lil Ġeħova. Allura, Ġefta ried ifisser li dik il-​persuna li hu kellu jagħti lil Ġeħova kienet se taqdi fit-​tabernaklu għall-​kumplament taʼ ħajjitha. Ġeħova semaʼ lil Ġefta u għenu jirbaħ rebħa assoluta. (Imħallfin 11:32, 33) Imma Ġefta lil min kien se jagħti lil Ġeħova?

13, 14. Il-​kliem taʼ Ġefta mniżżel fi Mħallfin 11:35, x’juri dwar il-​fidi tiegħu?

13 Aħseb dwar ix-​xena li ssemmiet fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu. Meta Ġefta ġie lura mill-​battalja, l-​ewwel persuna li ġiet tiltaqaʼ miegħu kienet bintu l-​maħbuba, l-​unika wild! Kien se jkun leali Ġefta lejn il-​wegħda li għamel? Kien se jagħti lil bintu stess lil Ġeħova biex taqdi fit-​tabernaklu għall-​kumplament taʼ ħajjitha?

14 Għal darb’oħra, il-​prinċipji tal-​Liġi t’Alla żgur li għenu lil Ġefta biex jagħmel l-​għażla t-​tajba. Forsi ftakar fil-​kliem taʼ Eżodu 23:19, li għallem lill-​poplu t’Alla biex ikun lest li jagħti l-​aħjar lil Ġeħova. Il-​Liġi qalet ukoll li meta individwu jagħmel wegħda lil Ġeħova, dan “m’għandux jikser kelmtu. Għandu jagħmel skond kulma ħareġ minn fommu.” (Numri 30:2) Bħal Ħanna li kienet leali, li probabbilment għexet f’dan iż-​żmien, Ġefta kellu jżomm kelmtu, avolja kien jaf x’kien ifisser għal bintu u għalih. Minħabba li bintu kellha taqdi fit-​tabernaklu, hi qatt ma kien se jkollha tfal. Allura, ma kien se jkun hemm ħadd biex jiret l-​isem u l-​art taʼ Ġefta. (Imħallfin 11:34) Minkejja dan, b’mod leali Ġefta qal: “Jien ftaħt fommi lil Ġeħova, u ma nistax nerġaʼ lura.” (Imħallfin 11:35) Ġeħova aċċetta s-​sagrifiċċju kbir taʼ Ġefta u bierku. Kieku int kont se tkun leali bħal Ġefta?

15. Ħafna minna liema wegħda għamilna, u kif nistgħu nagħtu prova li aħna leali?

15 Meta ddedikajna lilna nfusna lil Ġeħova, konna wegħedna li se nagħmlu r-​rieda tiegħu jiġri x’jiġri. Aħna konna nafu li mhux dejjem kien se jkun faċli biex inżommu dik il-​wegħda. Imma kif nirreaġixxu meta ħaddieħor jitlobna nagħmlu xi ħaġa li ma nħobbux? Jekk negħlbu s-​sentimenti tagħna u nkunu lesti li nobdu lil Alla tagħna, inkunu qed nagħtu prova li aħna leali u li nżommu kelmitna. Is-​sagrifiċċji tagħna jistgħu jkunu taʼ wġigħ, imma l-​barkiet taʼ Ġeħova dejjem huma ikbar. (Malakija 3:10) Imma xi ngħidu għal bint Ġefta? Kif irreaġixxiet għal wegħda li għamel missierha?

Kif nistgħu nuru fidi bħal dik taʼ Ġefta u bintu? (Ara paragrafi 16, 17)

16. Bint Ġefta kif irreaġixxiet għall-​wegħda taʼ missierha? (Ara l-​ewwel stampa.)

16 Il-​wegħda taʼ Ġefta kienet differenti minn taʼ Ħanna. Hi wiegħdet li tagħti lil binha Samwel biex jaqdi fit-​tabernaklu bħala Nażirit. (1 Samwel 1:11) Nażirit setaʼ jiżżewweġ u jkollu familja. Imma bint Ġefta ngħatat kollha kemm hi bħala “offerta tal-​ħruq,” u allura ma setax ikollha l-​ferħ taʼ li tkun mara miżżewġa u omm. (Imħallfin 11:37-​40) Aħseb ftit! Probabbilment setgħet tiżżewweġ l-​aħjar raġel f’dik l-​art għax missierha kien il-​mexxej tal-​Iżrael. Imma issa hi kienet se ssir qaddejja umli fit-​tabernaklu. Din iż-​żagħżugħa kif aġixxiet? Hi wriet li s-​servizz taʼ Ġeħova jiġi l-​ewwel billi qalet lil missierha: “Agħmel miegħi skond kif ħareġ minn fommok.” (Imħallfin 11:36) Hi ssagrifikat ix-​xewqat naturali tagħha taʼ li tiżżewweġ raġel u li jkollha t-​tfal sabiex taqdi lil Ġeħova. Kif nistgħu nimitaw l-​attitudni taʼ sagrifiċċju personali li kellha?

Bint Ġefta ssagrifikat ix-​xewqat naturali tagħha taʼ li tiżżewweġ raġel u li jkollha t-​tfal sabiex taqdi lil Ġeħova

17. (a) Kif nistgħu nimitaw il-​fidi taʼ Ġefta u bintu? (b) Il-​kliem taʼ Ebrej 6:10-​12, kif jinkuraġġik tagħmel sagrifiċċji personali?

17 Eluf taʼ Kristjani żgħażagħ irġiel u nisa huma lesti li jagħmlu sagrifiċċju billi ma jiżżewġux jew jagħżlu li ma jkollhomx tfal, almenu għalissa. Għala? Għax iridu jikkonċentraw f’li jaqdu lil Ġeħova iktar. Apparti minn hekk, ħafna minn dawk li għandhom iż-​żmien qed jagħmlu sagrifiċċju billi ma jqattgħux daqstant ħin maʼ wliedhom jew maʼ wlied uliedhom. Minflok, huma jagħtu l-​ħin u l-​enerġija tagħhom lil Ġeħova. Xi wħud minnhom jaħdmu fuq proġetti tal-​bini jew jattendu l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna u jmorru f’kongregazzjoni li għandha bżonn iktar pubblikaturi. Oħrajn jippjanaw li jżidu fil-​ministeru tagħhom għal Ġeħova waqt l-​istaġun tat-​Tifkira. Hu qatt ma se jinsa s-​sagrifiċċji mill-​qalb taʼ dawn l-​uħud leali kollha. (Aqra Ebrej 6:10-​12.) Xi ngħidu għalik? Se tkun tistaʼ tagħmel sagrifiċċji għal Ġeħova iktar bis-​sħiħ?

X’LEZZJONIJIET TGĦALLIMNA?

18, 19. X’tgħallimna mir-​rakkont tal-​Bibbja dwar Ġefta u bintu, u kif nistgħu nimitawhom?

18 X’għen lil Ġefta jegħleb il-​ħafna sfidi tiegħu? Hu ħalla lil Ġeħova jiggwidah fl-​għażliet taʼ ħajtu. Hu għażel li ma jkunx influwenzat min-​nies taʼ madwaru. U hu baqaʼ leali anki meta oħrajn iddiżappuntawh. Ġeħova bierek lil Ġefta u bintu għas-​sagrifiċċji li kienu lesti li jagħmlu, u Hu użahom biex jippromwovi l-​qima vera. Anki meta oħrajn waqfu jagħmlu dak li hu tajjeb, Ġefta u bintu baqgħu leali lejn Ġeħova.

19 Il-​Bibbja tgħid: ‘Imitaw lil dawk li bil-​fidi u l-​paċenzja jirtu l-​wegħdi.’ (Ebrej 6:12) Ejja nimitaw lil Ġefta u bintu, għax nafu li meta nibqgħu leali, Ġeħova se jberikna.